Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 IL-​BIBBJA TBIDDEL IL-​ĦAJJIET

Waqajt ħafna drabi qabel ma rnexxieli

Waqajt ħafna drabi qabel ma rnexxieli
  • SENA TAT-​TWELID: 1953

  • POST TAT-​TWELID: L-​AWSTRALJA

  • PASSAT: BIL-​VIZZJU TAL-​PORNOGRAFIJA

IL-​PASSAT TIEGĦI:

Missieri emigra lejn l-​Awstralja mill-​Ġermanja fl-​1949. Hu mar ifittex xogħol fl-​industriji tal-​minjieri u tal-​enerġija elettrika u ssetilja fl-​inħawi taʼ Victoria. Hemmhekk hu żżewweġ lil ommi, u jien twelidt fl-​1953.

Ftit snin biss wara, ommi bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, u għalhekk it-​tagħlim tal-​Bibbja fforma parti mill-​ewwel memorji taʼ ħajti. Madankollu, missieri ma kien tolleranti lejn ebda reliġjon. Hu sar vjolenti u tal-​biżaʼ u ommi kienet imwerwra minnu. Hi baqgħet tistudja bil-​moħbi u saret tħobb it-​tagħlim tal-​Bibbja. Meta missieri kien joħroġ, hi kienet taqsam dak li tgħallmet miegħi u m’oħti. Hi qaltilna dwar ġenna tal-​art fil-​futur u kif nistgħu nkunu ferħanin jekk insegwu l-​livelli taʼ kondotta li hemm fil-​Bibbja.—Salm 37:10, 29; Isaija 48:17.

Meta kelli 18-​il sena, ħassejt li bilfors kelli nitlaq mid-​dar minħabba l-​vjolenza taʼ missieri. Għalkemm emmint dak li għallmitni ommi mill-​Bibbja, ma apprezzajtx il-​valur tagħha. Allura ma għextx skont il-​livelli tagħha. Bdejt naħdem bħala elektrixin fil-​minjieri tal-​faħam. Meta kelli 20 sena, iżżewwiġt. L-​ewwel tifla li kellna twieldet tliet snin wara, u rġajt ikkunsidrajt dak li kien importanti f’ħajti. Kont naf li l-​Bibbja setgħet tgħin lill-​familja tagħna, u għalhekk bdejt nistudja l-​Bibbja maʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Imma marti kienet ħafna kontra x-​Xhieda. Meta mort waħda mil-​laqgħat tagħhom, hi tatni ultimatum—jew nieqaf nistudja l-​Bibbja jew inħalli l-​familja. Peress li ħassejt li ma stajt nagħmel xejn, ċedejt għat-​talbiet tagħha u ma bqajtx fil-​kuntatt max-​Xhieda. Iktar tard iddispjaċieni li nqast li napplika dak li kont naf li kien sew.

Darba minnhom, sħabi tax-​xogħol ħajruni għall-​pornografija. Kienet taffaxxinani u tqażżiżni fl-​istess ħin, u ħallietni maħkum bil-​ħtija. Bdejt niftakar dak li tgħallimt mill-​Bibbja, u verament emmint li Alla kien se jikkastigani. Imma iktar ma ġejt espost għal stampi oxxeni, iktar l-​attitudni tiegħi lejn il-​pornografija nbidlet. Maż-​żmien, saret vizzju.

Matul l-​għoxrin sena taʼ wara, tbegħedt iktar u iktar mit-​tagħlim li pprovat tagħtini ommi. L-​imġiba tiegħi rriflettiet  dak li kont indaħħal ġo moħħi. Diskorsi kien baxx u kien jogħġobni ċajt maħmuġ. Żviluppajt ħarsa mgħawġa lejn is-​sess. Għalkemm kont għadni ngħix maʼ marti, kont involut maʼ nisa oħra. Darba waħda ħarist lejn il-​mera u għedt, “Nistmerrek.” Ir-​rispett li kelli lejja nnifsi nbidel f’mibegħda lejja nnifsi.

Iż-​żwieġ tiegħi spiċċa, u ħajti kienet diżastru. Imbagħad, jien tlabt lil Ġeħova bil-​qalb kollha. Erġajt bdejt nistudja l-​Bibbja, għalkemm kienu għaddew għoxrin sena. Sa dak iż-​żmien missieri laħaq miet, u ommi tgħammdet bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Kien hemm baħar jaqsam bejn il-​mod taʼ ħajja li kelli u l-​livelli għoljin tal-​Bibbja. Imma din id-​darba kont determinat li nikseb il-​paċi tal-​moħħ li twiegħed il-​Bibbja. Iddeċidejt li naqtaʼ l-​kliem ħażin u nikkalma t-​tempra tiegħi. Iddeċidejt ukoll li ma nibqax ngħix ħajja immorali, nieqaf mil-​logħob tal-​ażżard, naqtaʼ x-​xorb żejjed, u ma nibqax nisraq mingħand l-​imgħallem tiegħi.

Sħabi tax-​xogħol ma setgħux jifhmu għaliex ridt nagħmel bidliet daqshekk drastiċi. Għal tliet snin, huma l-​ħin kollu qagħdu jipprovokawni biex nerġaʼ naqaʼ għal li kont. Jekk kont niżbalja f’xi ħaġa żgħira, bħal pereżempju nirrabja jew ngħid kelma ħażina, kienu jifirħu u jgħajtu: “Aħa! Hemm hu l-​Joe li nafu aħna.” Kemm weġġagħni dan il-​kliem! Spiss ħassejtni fallut.

Il-​post fejn kont naħdem kien invażat bil-​pornografija, kemm elettronika u kemm printjata. Sħabi tax-​xogħol kontinwament kienu jibagħtuli stampi oxxeni bil-​kompjuters tagħhom, bħalma għamilt jien qabel. Ipprovajt negħleb il-​vizzju, imma dehru determinati li jfixkluni f’kull pass li nagħmel. Għedt b’dan kollu lill-​persuna li kont nistudja l-​Bibbja miegħu biex jappoġġjani u jinkuraġġini. Hu kien joqgħod jismagħni bil-​paċenzja jien u niftaħ qalbi miegħu. Waqt li uża versi speċifiċi mill-​Bibbja, hu wrieni kif niffaċċja l-​vizzju tiegħi, u inkuraġġieni nfittex l-​għajnuna taʼ Ġeħova permezz taʼ talb persistenti.—Salm 119:37.

Jum minnhom, laqqajt lil sħabi tax-​xogħol. Meta nġbarna flimkien, għedtilhom jagħtu birra lil żewġt irġiel minnhom. Dawn kienu jgħidu huma stess li kienu alkoħoliċi. Sħabi pprotestaw u qalu: “Ma tistax tagħmel hekk! Dawn l-​irġiel qed jitħabtu maʼ vizzju!” Jien wiġibt: “Iva, anki jien.” Minn dakinhar ʼil quddiem dawk l-​irġiel fehmu xi ġlieda kelli kontra l-​vizzju tal-​pornografija u ma baqgħux jagħmluli pressjoni biex nerġaʼ ngħix bħal qabel.

Maż-​żmien, u b’ħafna għajnuna mingħand Ġeħova, irbaħt il-​vizzju tal-​pornografija. Fl-​1999, tgħammidt bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, ferħan li ngħatajt ċans ieħor biex ngħix ħajja ferħana u deċenti.

Issa nifhem għala Ġeħova jobgħod l-​affarijiet li kont ilni nħobb. Bħala Missier kollu mħabba, hu ried jipproteġini mill-​ħsara li tikkawża l-​pornografija. Kemm hu veru l-​kliem taʼ Proverbji 3:5, 6! Din is-​silta tgħid: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-​mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.” Il-​livelli tal-​Bibbja ma kinux biss taʼ protezzjoni, imma fl-​aħħar mill-​aħħar kienu garanzija taʼ suċċess.—Salm 1:1-​3.

KIF IBBENEFIKAJT:

Fil-​passat, ħassejtni diżgustat bija nnifsi, imma issa għandi rispett lejja nnifsi u paċi ġewwinija. Ngħix ħajja nadifa u nħoss li Ġeħova ħafirli u appoġġjani. Fl-​2000 iżżewwiġt lil Karolin, oħt Kristjana sabiħa li tħobb lil Ġeħova daqsi. Darna hi kenn taʼ paċi. Inħossuna verament privileġġjati li nagħmlu parti minn fratellanza Kristjana nadifa u kollha mħabba mifruxa madwar id-​dinja.