Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-​BIBBJA—L-ISTORJA TAʼ KIF BAQGĦET TEŻISTI

Il-Bibbja baqgħet teżisti minkejja tmermir

Il-Bibbja baqgħet teżisti minkejja tmermir

IT-​THEDDIDA: Il-​papiru u l-​parċmina kienu l-​ewwel żewġ materjali użati biex fuqhom inkitbet u ġiet ikkopjata l-​Bibbja. * (2 Timotju 4:13) Dawn il-​materjali kif poġġew f’periklu l-​eżistenza tal-​Bibbja?

Il-​papiru faċilment jitqattaʼ, jitlef il-​kulur, u jiddgħajjef. “Folja tistaʼ eventwalment titmermer u tiġi fi ftit fibri u qabda trab,” jgħidu żewġ studjużi tal-​antikità Eġizzjana, Richard Parkinson u Stephen Quirke. “Meta jkun maħżun, romblu jistaʼ jrabbi l-​moffa jew jitmermer bl-​umdità u jistaʼ jittiekel minn annimali u insetti gerriema, partikularment min-​nemel abjad, meta jitpoġġa taħt l-​art.” Xi papiri, wara li ġew skoperti, ġew esposti għal dawl qawwi jew umdità, u dan żied id-​deterjorazzjoni tagħhom.

Il-​parċmina sservi iktar mill-​papiru, imma anke din tistaʼ titfarrak jekk ma tiġix trattata tajjeb jew tiġi esposta għal temperaturi estremi, umdità, jew dawl. * Il-​parċmina hija wkoll fil-​mira tal-​insetti. B’hekk, rigward dokumenti antiki, il-​ktieb Everyday Writing in the Graeco-​Roman East jgħid: “Li jibqgħu jeżistu hija l-​eċċezzjoni minflok ir-​regola.” Kieku l-​Bibbja tmermret b’dan il-​mod, il-​messaġġ tagħha kien jispiċċa magħha.

KIF IL-​BIBBJA BAQGĦET TEŻISTI: Il-​liġi Lhudija obbligat lil kull sultan biex “jikteb fi ktieb kopja taʼ din il-​liġi għalih innifsu,” l-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja. (Dewteronomju 17:18) Iktar minn hekk, kopisti professjonali tant ipproduċew manuskritti li sal-​ewwel seklu wara Kristu (WK), l-​Iskrittura setgħet tinstab fis-​sinagogi fl-​Iżrael kollu u saħansitra fil-​Maċedonja mbiegħda! (Luqa 4:16, 17; Atti 17:11) Xi manuskritti antiki ħafna kif baqgħu jeżistu sal-​lum?

Manuskritti magħrufin bħala r-Rombli tal-Baħar il-Mejjet baqgħu jeżistu għal sekli sħaħ maħżunin f’għerien f’ġarar tal-fuħħar fi klima xotta

“Il-​Lhud kienu magħrufin għal li jpoġġu l-​iskrolli bil-​kitba tal-​Iskrittura f’reċipjenti jew ġarar sabiex jippreservawhom,” jgħid studjuż tat-​Testment il-​Ġdid, Philip W. Comfort. Milli jidher, il-​Kristjani komplew b’din it-​tradizzjoni. B’hekk, xi manuskritti bikrin tal-​Bibbja nstabu f’ġarar tal-​fuħħar, kif ukoll fi kmamar żgħar mudlama u għerien u f’reġjuni eċċezzjonalment nexfin.

IR-​RIŻULTAT: Eluf taʼ partijiet minn manuskritti Bibliċi—uħud minnhom għandhom iktar minn 2,000 sena—għadhom jeżistu sal-​lum. L-​ebda kitba oħra tal-​qedem m’għandha daqstant manuskritti minn daqshekk żmien ilu.

^ par. 3 Il-​papiru hu materjal li ssir kitba fuqu, magħmul minn pjanta bl-​istess isem li tikber fl-​ilma jew ħdejh. Il-​parċmina hi magħmula mill-​ġlud tal-​annimali.

^ par. 5 Pereżempju, il-​kopja ffirmata uffiċjali tad-​Dikjarazzjoni tal-​Indipendenza tal-​Istati Uniti kienet miktuba fuq il-​parċmina. Issa, inqas minn 250 sena wara,tant iċċarat li bilkemm setgħet tinqara.