Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Hija dinja ħielsa mill-vjolenza possibbli?

Hija dinja ħielsa mill-vjolenza possibbli?

Int jew membru tal-​familja qatt kontu vittma tal-​vjolenza? Għandek għalfejn tibżaʼ li tistaʼ tkun? Il-​vjolenza ġiet imsejħa “problema taʼ saħħa pubblika li qed tikber madwar id-​dinja.” Ikkunsidra xi eżempji.

VJOLENZA DOMESTIKA U VJOLENZA SESSWALI: “Mara minn kull tlieta kienet vittma taʼ vjolenza fiżika jew vjolenza sesswali minn sieħeb intimu f’xi mument f’ħajjitha,” tgħid il-​Ġnus Magħquda. B’dispjaċir, “huwa kkalkulat li madwar id-​dinja, mara minn kull ħamsa se taqaʼ vittma taʼ stupru jew attentat taʼ stupru.”

KRIMINALITÀ FIT-​TOROQ: Skont xi rapporti, iktar minn 30,000 klikka vjolenti huma attivi fil-​kriminalità fl-​Istati Uniti. Fl-​Amerika Latina, kważi persuna minn kull tlieta rrapportat li kienet vittma taʼ kriminalità vjolenti.

OMIĊIDJI: Huwa kkalkulat li kważi nofs miljun persuna ġew maqtulin f’sena reċenti, iktar minn dawk maqtulin fil-​gwerer. Fin-​Nofsinhar tal-​Afrika u fl-​Amerika Ċentrali kien hemm l-​ogħla rata tal-​medja taʼ qtil, iktar minn erbaʼ darbiet tal-​medja fid-​dinja. F’sena waħda, ġew maqtulin ’il fuq minn 100,000 persuna fl-​Amerika Latina, u xi 50,000 fil-​Brażil biss. Tistaʼ tinstab soluzzjoni dejjiema għall-​vjolenza?

TISTAʼ TITWAQQAF IL-​VJOLENZA?

Għala hi tant mifruxa l-​vjolenza? Ħafna kaġuni ġew identifikati, inkluż dawn li ġejjin: tensjoni li tiġi minn inugwaljanza soċjali u ekonomika, disprezz ġenerali għall-​ħajjiet t’oħrajn, abbuż tal-​alkoħol u tad-​drogi, tfal esposti għall-​aġir vjolenti tal-​adulti, u l-​fatt li kriminali vjolenti jaġixxu bħallikieku mhux se jiġu kkastigati.

Huwa minnu li f’xi partijiet tad-​dinja sar progress f’li titrażżan il-​vjolenza. Xi rapporti jgħidu li kien hemm tnaqqis fin-​numru taʼ omiċidji fl-​aħħar għaxar snin fil-​belt popolata taʼ São Paulo, il-​Brażil. Xorta waħda, kriminalità vjolenti taʼ kull tip hija rampanti f’din il-​belt, u r-​rata taʼ omiċidji tibqaʼ madwar 10 għal kull 100,000 abitant. Mela, x’hemm bżonn isir biex tintemm il-​vjolenza darba għal dejjem?

Soluzzjoni dejjiema għall-​vjolenza fl-​aħħar mill-​aħħar tinvolvi n-​nies—l-​attitudni u l-​imġiba tagħhom. Biex nies vjolenti jinbidlu, karatteristiki bħall-​imħabba, ir-​rispett, u l-​konsiderazzjoni lejn oħrajn għandhom jieħdu post il-​kburija, ir-​regħba, u l-​egoiżmu.

X’jistaʼ jimmotiva persuna biex tagħmel bidliet drastiċi bħal dawn? Aħseb dwar dak li tgħallem il-​Bibbja:

  • “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu.”—1 Ġwanni 5:3.

  • “Il-​biżaʼ taʼ Ġeħova jfisser li tobgħod il-​ħażen.” *Proverbji 8:13.

L-​imħabba għal Alla u l-​biżaʼ li nonqsuh tant huma forzi taʼ motivazzjoni b’saħħithom li jistgħu  jgħinu anki lil nies vjolenti jbiddlu ħajjithom—mhux b’mod superfiċjali, imma sal-​punt li jbiddlu l-​personalità kollha tagħhom. Dan veru jiġri?

Ikkunsidra lil Alex, * li qattaʼ l-​aħħar 19-​il sena l-​ħabs fil-​Brażil għal diversi reati. Hu sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova fis-​sena 2000, wara li studja l-​Bibbja max-​Xhieda. Hu verament biddel l-​imġiba vjolenti tiegħu? Iva, u Alex jiddispjaċih ħafna għal kull ħaġa ħażina li għamel. Hu jgħid: “Sirt inħobb lil Alla għax ippermettieli nħossni maħfur ġenwinament. Gratitudni u mħabba lejn Ġeħova għenuni nbiddel ħajti.”

César, ukoll fil-​Brażil, kien involut f’serq u serq bl-​armi. Dan kien il-​mod t’għajxien tiegħu għal madwar 15-​il sena. X’ġiegħlu jinbidel? Waqt li kien fil-​ħabs, hu ġie kkuntattjat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u hu wkoll studja l-​Bibbja. César jispjega: “Għall-​ewwel darba, sibt skop fil-​ħajja. Tgħallimt inħobb lil Alla. Tgħallimt ukoll nibżaʼ minnu—biżaʼ bnina li nerġaʼ lura għal li nagħmel dak li hu ħażin u nnikket lil Ġeħova. Ma ridtx nuri nuqqas taʼ gratitudni għall-​qalb tajba tiegħu. Din l-​imħabba u l-​biżaʼ mmotivawni biex ninbidel.”

Tgħallem kif int tistaʼ tgħix f’dinja ħielsa mill-vjolenza

X’juruna dawn l-​esperjenzi? Li l-​Bibbja għandha l-​qawwa li tbiddel il-​ħajja tan-​nies profondament—billi tbiddel il-​mod kif jaħsbu. (Efesin 4:23) Alex, li diġà ssemma, iżid: “Dak li tgħallimt mill-​Bibbja kien bħal qisu ilma nadif għaddej minn ġo fija, li bil-​mod il-​mod inaddafni billi jneħħili l-​ħsibijiet ħżiena. Dawn kienu affarijiet li qatt ma immaġinajt li stajt neħles minnhom.” Iva, meta nimlew moħħna bil-​messaġġ nadif tal-​Bibbja, dan jistaʼ jkeċċi jew ineħħi l-​ħażen. Il-​Kelma t’Alla għandha l-​qawwa li tnaddaf. (Efesin 5:26) Ir-​riżultat hu li nies kattivi u egoisti jistgħu jinbidlu, u jsiru qalbhom tajba u jżommu l-​paċi. (Rumani 12:18) Huma jesperjenzaw il-​paċi f’ħajjithom billi japplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja.—Isaija 48:18.

Iktar minn tmien miljun Xhud taʼ Ġeħova f’240 pajjiż skoprew is-​soluzzjoni għat-​tneħħija tal-​vjolenza darba għal dejjem. Nies taʼ kull razza u minn kull sfond u livell soċjali tgħallmu jħobbu u jibżgħu minn Alla kif ukoll iħobbu lil xulxin, waqt li jgħixu fil-​paċi bħala familja globali. (1 Pietru 4:8) Huma prova ħajja li dinja mingħajr vjolenza hi possibbli.

DINJA ĦIELSA MILL-​VJOLENZA TINSAB QRIB!

Il-​Bibbja twiegħed li Alla dalwaqt se jnaddaf din l-​art mill-​vjolenza. Id-​dinja vjolenti tal-​lum qiegħda tiffaċċja “jum il-​ġudizzju [t’Alla] u l-​qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.” (2 Pietru 3:5-​7) In-​nies vjolenti qatt iktar mhuma se jġiegħlu lil ħaddieħor ibati. Kif nistgħu nkunu ċerti li Alla jrid jintervieni u jeqred il-​vjolenza?

Alla “lil kulmin iħobb il-​vjolenza Ruħu tobogħdu,” tgħid il-​Bibbja. (Salm 11:5) Il-​Ħallieq iħobb il-​paċi u l-​ġustizzja. (Salm 33:5; 37:28) Dan hu għala mhuwiex se jittollera nies vjolenti għal dejjem.

Iva, ġejja dinja ġdida taʼ paċi. (Salm 37:11; 72:14) Għala ma titgħallimx iktar dwar kif tistaʼ tikkwalifika biex tgħix f’dik id-​dinja mingħajr vjolenza?

^ par. 12 Ġeħova hu isem Alla bħalma hu misjub fil-​Bibbja.

^ par. 14 L-​ismijiet ġew mibdulin.