Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-Masoreti kkopjaw l-Iskrittura bir-reqqa

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-​BIBBJA—L-ISTORJA TAʼ KIF BAQGĦET TEŻISTI

Il-Bibbja baqgħet teżisti minkejja attentati biex jinbidel il-messaġġ tagħha

Il-Bibbja baqgħet teżisti minkejja attentati biex jinbidel il-messaġġ tagħha

IT-​THEDDIDA: Theddid bħal tmermir u oppożizzjoni ma qerdux il-​Bibbja. Madankollu, xi kopisti u tradutturi pprovaw ibiddlu l-​messaġġ tal-​Bibbja. Kultant, huma pprovaw jagħmlu l-​Bibbja taqbel mat-​twemmin tagħhom minflok ma ġabu t-​twemmin tagħhom fi qbil mal-​Bibbja. Ikkunsidra xi eżempji:

  • Post taʼ qima: Bejn ir-​rabaʼ u t-​tieni seklu QK, il-​kittieba tal-​Pentatewku Samaritan daħħlu l-​kliem “f’Aargaareezem. U hemm għandek tibni artal” wara Eżodu 20:17. B’hekk, is-​Samaritani ttamaw li jagħmlu l-​Iskrittura tappoġġjahom fil-​bini taʼ tempju fuq “Aargaareezem,” jew il-​Muntanja Geriżim.

  • Id-​duttrina tat-​Trinità: Inqas minn 300 sena wara li l-​Bibbja kienet kompluta, kittieb Trinitarjan żied mal-​1 Ġwanni 5:7 l-​kliem “fis-​sema, il-​Missier, il-​Kelma, u l-​Ispirtu s-​Santu: u dawn it-​tlieta huma wieħed.” Din l-​istqarrija ma kinitx fit-​test oriġinali. “Mis-​sitt seklu ’l quddiem,” jinnota l-​istudjuż tal-​Bibbja Bruce Metzger, dan il-​kliem kien “misjub iżjed u iżjed taʼ spiss f’manuskritti tal-​Latin Antik u l-​Vulgata [Latina].”

  • L-​isem divin: Billi kkwotaw superstizzjoni Lhudija bħala l-​awtorità tagħhom, ħafna tradutturi tal-​Bibbja ddeċidew li jneħħu l-​isem divin mill-​Iskrittura. Minflok dan l-​isem, huma poġġew titli bħal “Alla” jew “Mulej,” espressjonijiet li fil-​Bibbja jiġu applikati mhux biss għall-​Ħallieq imma wkoll għal nies, oġġetti taʼ qima falza, u saħansitra x-​Xitan.—Ġwanni 10:34, 35; 1 Korintin 8:5, 6; 2 Korintin 4:4. *

KIF IL-​BIBBJA BAQGĦET TEŻISTI: L-​ewwel, għalkemm xi kopisti tal-​Bibbja kienu traskurati jew saħansitra qarrieqa, ħafna oħrajn kienu tas-​sengħa  u taʼ reqqa kbira f’xogħolhom. Bejn is-​seklu sitta u s-​seklu għaxra WK, il-​Masoreti kkopjaw l-​Iskrittura Ebrajka u pproduċew dak li hu magħruf bħala t-​test Masoretiku. Jintqal li huma għoddew il-​kliem u l-​ittri biex jagħmlu ċert li l-​ebda żball ma ddaħħal. Kull fejn issuspettaw żbalji fit-​test li kienu qed jikkopjaw minnu, huma għamlu nota taʼ dan fil-​ġenb. Il-​Masoreti rrifjutaw li jbagħbsu t-​test Bibliku. “Tibdil intenzjonat,” kiteb il-​Professur Moshe Goshen-​Gottstein, “kien ikun għalihom l-​agħar reat possibbli.”

It-​tieni, l-​ammont kbir taʼ manuskritti li jeżistu llum fil-​fatt jgħin lill-​istudjużi tal-​Bibbja biex isibu l-​iżbalji. Pereżempju, mexxejja reliġjużi għal sekli sħaħ għallmu li l-​verżjonijiet tagħhom bil-​Latin kien fihom it-​test Bibliku awtentiku. Iżda, fl-​1 Ġwanni 5:7, huma kienu daħħlu l-​kliem mhux awtentiku li rreferejna għalih iktar kmieni f’dan l-​artiklu. Saħansitra, l-​iżball daħal ukoll fil-​Bibbja influwenti bl-​Ingliż tal-​King James Version! Iżda meta nstabu manuskritti oħra, xi wrew? Bruce Metzger kiteb: “Is-​silta [fl-​1 Ġwanni 5:7] ma kinitx tinstab fil-​manuskritti tal-​verżjonijiet kollha antiki (is-​Sirjak, il-​Koptu, l-​Armen, l-​Etjopiku, l-​Għarbi, is-​Slavoniku), ħlief fil-​Latin.” B’hekk, edizzjonijiet riveduti tal-​King James Version u Bibbji oħra neħħew il-​frażi żbaljata.

Chester Beatty P46, manuskritt tal-Bibbja tal-papiru minn madwar is-sena 200 WK

Juru l-​manuskritti iżjed antiki li l-​messaġġ tal-​Bibbja ġie protett? Fl-​1947, meta nstabu r-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet, l-​istudjużi fl-​aħħar setgħu jqabblu t-​test Masoretiku Ebrajk maʼ dak li kien hemm fl-​iskrolli tal-​Bibbja li kienu nkitbu iktar minn elf sena qabel. Membru tat-​tim editorjali tar-​Rombli tal-​Baħar il-​Mejjet ikkonkluda li skroll wieħed “jagħti prova li ma tistax tiċħadha li t-​test bibliku mgħoddi lilna minn idejn kopisti Lhud f’perijodu taʼ iżjed minn elf sena kien estremament leali u magħmul b’attenzjoni.”

Iċ-​Chester Beatty Library f’Dublin, l-​Irlanda, fiha ġabra taʼ papiri li tirrappreżenta kważi kull ktieb tal-​Iskrittura Griega Kristjana, inkluż manuskritti datati mit-​tieni seklu WK—madwar 100 sena biss wara li l-​Bibbja ġiet kompluta. “Għalkemm il-​Papiri jipprovdu teżor taʼ informazzjoni ġdida dwar dettalji testwali,” josserva The Anchor Bible Dictionary, “huma juru wkoll stabbiltà rimarkevoli tal-​istorja taʼ kif it-​test bibliku ġie mgħoddi lilna.”

“Nistgħu ngħidu bla biżaʼ li l-ebda xogħol tal-qedem ma twasslilna b’tant eżattezza”

IR-​RIŻULTAT: Minflok ma kkorrompew it-​test Bibliku, iż-​żmien u l-​għadd kbir taʼ manuskritti Bibliċi attwalment tejbuh. “L-​ebda ktieb tal-​qedem ieħor m’għandu xhieda abbundanti u bikrija bħal din għat-​test tiegħu,” kiteb Sir Frederic Kenyon dwar l-​Iskrittura Griega Kristjana, “u l-​ebda studjuż li għandu ħarsa bilanċjata mhu se jiċħad li t-​test li twasslilna hu fil-​biċċa l-​kbira sħiħ.” U dwar l-​Iskrittura Ebrajka, l-​istudjuż William Henry Green qal: “Nistgħu ngħidu bla biżaʼ li l-​ebda xogħol tal-​qedem ma twasslilna b’tant eżattezza.”

^ par. 6 Għal iktar informazzjoni, ara Appendiċi Nru. 1 fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa, paġni 1638-1639 u l-appendiċi tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?, paġni 195-197, disponibbli wkoll fuq il-Websajt jw.org/mt.