Meta nqisu t-tribulazzjoni kbira li riesqa, ix-xogħol tagħna hu wieħed urġenti. (Pr 24:11, 12, 20) Biex ngħinu n-nies, nistgħu nużaw ­il-kards tal-JW.ORG biex niġbdu l-attenzjoni tagħhom lejn il-Kelma t’Alla u lejn il-Websajt tagħna. Il-kard fiha kodiċi li jieħdok fuq il-vidjow Għala għandek tistudja l-Bibbja? u stedina biex titlob iktar informazzjoni jew studju tal-Bibbja. Xi nies ma jkunux lesti jaċċettaw letteratura imma jkunu lesti jżuru l-Websajt tagħna. Allura żżommx lura milli tagħtihom kard. Però, tħallix minn dawn il-kards ma’ wħud li ma jkunu wrew l-ebda interess.

Fl-attivitajiet tiegħek ta’ kuljum, tista’ tqanqal l-interess ta’ xi ħadd billi sempliċement tgħid: “Għandi xi ħaġa li nixtieq nagħtik. Din il-kard tieħdok f’Websajt li fiha informazzjoni u vidjows b’xejn fuq ħafna suġġetti.” (Ġw 4:7) Peress li dawn il-kards huma żgħar, hu faċli li żżomm ftit fuqek ħalli tkun tista’ tqassamhom m’oħrajn f’kull opportunità.