Il-ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu? u l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? huma simili. It-tnejn huma għodod li nużawhom biex ngħallmu u t-tnejn fihom l-istess veritajiet u fl-istess ordni. Però, il-ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu? juża kliem simplifikat u loġiku. Hu disinjat għal dawk li jista’ jkollhom diffikultà biex jifhmu l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? Minflok ma fih appendiċi, il-ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu? fih noti fl-aħħar li jagħtu spjegazzjonijiet sempliċi ta’ xi termini u kliem li jinsabu fit-test prinċipali. Il-kapitli ma fihomx mistoqsijiet fil-bidu u lanqas kaxxa tar-reviżjoni. Minflok, il-kapitli jispiċċaw b’reviżjoni ta’ veritajiet tal-Bibbja li jkunu ġew spjegati fit-test prinċipali. Bħall-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?, il-ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu? jista’ jiġi offrut fi kwalunkwe żmien, anki jekk ma jkunx l-offerta tax-xahar. Kif nistgħu nużaw l-aspetti uniċi tal-ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu? meta nkunu qed nikkonduċu studju tal-Bibbja?

REVIŻJONI: Il-biċċa l-kbira tan-nies isibuh tajjeb il-metodu normali tagħna li nikkonduċi studju billi naqraw il-paragrafu mill-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? u mbagħad nistaqsu l-mistoqsija. Madankollu, ejja ngħidu li l-istudent ma tantx hu familjari mal-lingwa jew ma tantx jaf jaqra. F’dan il-każ, tista’ tagħżel li tuża l-ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu? Imbagħad tista’ tuża r-reviżjonijiet tal-kapitlu bħala bażi għall-istudju u tista’ tħeġġeġ lill-istudent biex jaqra t-test prinċipali waħdu. Kull tagħlima, jew verità, tal-Bibbja spiss tista’ tiġi mgħallma f’sessjoni li ddum madwar kwarta. Ladarba r-reviżjonijiet ma fihomx id-dettalji li hemm fit-test prinċipali, dak li jikkonduċi l-istudju għandu jipprepara sew u jżomm f’moħħu l-bżonnijiet tal-istudent. Jekk l-għalliem jikkonduċi l-istudju mit-test prinċipali, ir-reviżjonijiet jistgħu jintużaw bħala tfakkira tal-punti prinċipali.

NOTI FL-AĦĦAR: It-termini u l-kliem li hemm fin-noti fl-aħħar huma fl-ordni li dehru fit-test prinċipali. L-għalliem jista’ jiddeċiedi hu jekk jaqrax in-noti fl-aħħar jew le tal-ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu? matul l-istudju.