Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Istruzzjonijiet għal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna

Istruzzjonijiet għal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna

Werrej

 

Paragrafu

Introduzzjoni miċ-​chairman

 2

Teżori mill-​Kelma t’Alla

 3

Irsisti fil-​Ministeru

 4

Għix Bħala Kristjan

 5

Kummenti tal-​għeluq

 6

Irsisti fil-​qari u t-​tagħlim

 7

Pariri

 8

Ħin

 9

Żjara mill-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet

 10

Il-​ġimgħa tal-​assemblea jew tal-​konvenzjoni

 11

Il-​ġimgħa tat-​Tifkira

 12

L-​indokratur tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna

 13

Iċ-​chairman tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna

 14

Il-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani

 15

L-​ajjutant li jagħti l-​pariri

 16

Klassijiet oħrajn

 17

Vidjows

 18

1. Il-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna se ssir kif inhu muri fil-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa—Il-​Ħajja u l-​Ministeru Kristjan Tagħna u skont l-​istruzzjonijiet li ġejjin. Il-​pubblikaturi kollha għandhom jiġu mistidnin jagħmlu lilhom infushom disponibbli biex jippreżentaw inkarigi tal-​istudenti. Oħrajn li qed jassoċjaw b’mod attiv mal-​kongregazzjoni jistgħu jipparteċipaw jekk huma jaqblu mat-​tagħlim tal-​Bibbja u ħajjithom tkun fi qbil mal-​prinċipji Kristjani.—be p. 282.

 2. Introduzzjoni miċ-​chairman: 3 minuti jew inqas. Kull ġimgħa, wara l-​għanja tal-​ftuħ u t-​talba, iċ-​chairman tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna se jqanqal l-​entużjażmu għall-​programm taʼ dakinhar, u dan jinkludi li jenfasizza l-​mistoqsija mill-​Karta bit-​tweġibiet għal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna.

 3. Teżori mill-​Kelma t’Alla:

  • Taħdita: 10 minuti. It-​tema u l-​punti prinċipali, li jkunu tnejn jew tlieta, huma pprovduti fil-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna. Din it-​taħdita għandha tiġi assenjata lil anzjan jew lil qaddej ministerjali kwalifikat. Meta fl-​iskeda taʼ kull ġimgħa tal-​Qari tal-​Bibbja nkunu se nibdew ktieb tal-​Bibbja ġdid, għandu jintwera l-​vidjow biex jintroduċi l-​ktieb. Il-​kelliemi jistaʼ jislet tagħlim mill-​vidjow li jaqbel mat-​tema. Madankollu, għandu jagħmel ċert li jkopri l-​punti tal-​outline li huma mniżżlin fil-​Fuljett għall-​Istudju. Ukoll, skont kemm jippermetti l-​ħin, għandu juża  l-​istampi u l-​punti Skritturali li jkun hemm. Dawn huma ddisinjati biex jikkumplimentaw il-​materjal li għandu jiġi mgħoddi.

  • Ħaffer għal ġawhar spiritwali: 8 minuti. Din il-​parti għandha tkun forma taʼ mistoqsija u tweġiba mingħajr introduzzjoni jew konklużjoni. Din għandha ssir minn anzjan jew qaddej ministerjali kwalifikat. Hu jistaʼ jqassam il-​ħin tal-​erbaʼ punti skont kif japplikaw għall-​kongregazzjoni lokali. Madankollu, għandu jistaqsi lill-​udjenza l-​mistoqsijiet kollha. Ukoll, hu għandu jiddeċiedi jekk għandhomx jinqraw il-​versi kollha msemmijin fl-​ewwel żewġ mistoqsijiet. Il-​kummenti taʼ dawk li jagħtu t-​tweġibiet għandhom ikunu taʼ 30 sekonda jew inqas.

  • Qari tal-​Bibbja: 4 minuti jew inqas. Dan l-​inkarigu għandu jingħata minn ħu. L-​istudent għandu jaqra l-​materjal assenjat mingħajr introduzzjoni u konklużjoni. Iċ-​chairman tal-​laqgħa għandu jkun interessat b’mod speċjali f’li jgħin lill-​istudenti biex jaqraw b’mod eżatt, b’mod li jinftiehem, b’mod fluwenti, b’enfasi xierqa fuq il-​kliem, bil-​modulazzjoni, b’pawsi xierqa, u b’mod naturali.

  4. Irsisti fil-​Ministeru: 15-​il minuta jew inqas. Din il-​parti tal-​laqgħa hi ddisinjata biex tagħti opportunità lil kulħadd ħalli jipprattika għall-​ministeru u jtejjeb l-​abbiltà tiegħu biex jipprietka u jgħallem. L-​istudenti għandhom jibbażaw l-​inkarigi tal-​ewwel konversazzjoni u ż-​żjara lura fuq l-​eżempji taʼ konversazzjonijiet provduti fl-​ewwel paġna tal-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna. Il-​pubblikaturi jistgħu jiddeċiedu jekk għandhomx jintroduċu pubblikazzjoni jew vidjow mill-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim tagħna. Il-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna jispeċifika l-​ħin għal kull inkarigu tal-​istudent u, kultant, għandu mnejn jipprovdi iktar istruzzjonijiet. L-​istudenti m’għandhomx għalfejn iżidu iktar informazzjoni sempliċement biex jużaw il-​ħin kollu li għandhom. Xi turijiet preparati sew jistgħu jispiċċaw minuta jew ftit iktar qabel. Skont il-​bżonn, anzjani jistgħu jirċievu inkarigi bħala studenti.

  • Eżempji taʼ konversazzjonijiet permezz taʼ vidjows: Il-​vidjows taʼ kif jistgħu jsiru konversazzjonijiet se jintwerew wieħed wieħed matul ix-​xahar u jiġu diskussi. Dawn il-​vidjows se juru l-​ewwel konversazzjoni, l-​ewwel żjara lura, u t-​tieni żjara lura. Iċ-​chairman tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru għandu jieħu ħsieb din il-​parti.

  • L-​ewwel konversazzjoni: Dan l-​inkarigu jistaʼ jiġi assenjat lil ħu jew oħt. L-​assistent għandu jkun tal-​istess sess jew membru tal-​familja. L-​istudent u l-​assistent jistgħu jpoġġu bilqiegħda jew jibqgħu bilwieqfa. L-​istudent għandu jagħżel tislima addattata għat-​territorju. L-​eżempju taʼ konversazzjoni għandu jintuża bħala l-​bażi għad-​diskussjoni.

  • L-​ewwel żjara lura: Dan l-​inkarigu jistaʼ jiġi assenjat lil ħu jew oħt. L-​assistent m’għandux ikun xi ħadd tas-​sess oppost. (km 5/97 p. 2) L-​istudent u l-​assistent jistgħu jpoġġu bilqiegħda jew jibqgħu bilwieqfa. L-​istudent għandu juri x’għandu jingħad meta nerġgħu lura biex inżuru lil xi ħadd li wera interess fl-​ewwel konversazzjoni. L-​eżempju taʼ konversazzjoni li nsibu fil-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna għandu jintuża bħala l-​bażi għad-​diskussjoni.

  • It-​tieni żjara lura: Dan l-​inkarigu jistaʼ jiġi assenjat lil ħu jew oħt. L-​assistent m’għandux ikun xi ħadd tas-​sess oppost. (km 5/97 p. 2) L-​istudent u l-​assistent jistgħu jpoġġu bilqiegħda jew jibqgħu bilwieqfa. L-​istudent għandu juri x’għandu jingħad meta nerġgħu  lura biex inżuru lil xi ħadd li wera interess matul l-​ewwel żjara lura. L-​eżempju taʼ konversazzjoni għandu jintuża bħala l-​bażi għad-​diskussjoni.

  • Studju tal-​Bibbja: Dan l-​inkarigu jistaʼ jiġi assenjat lil ħu jew oħt. L-​assistent m’għandux ikun xi ħadd tas-​sess oppost. (km 5/97 p. 2) L-​istudent u l-​assistent jistgħu jpoġġu bilqiegħda jew jibqgħu bilwieqfa. Dan l-​inkarigu għandu juri parti minn studju tal-​Bibbja li jkun diġà beda. M’hemmx bżonn taʼ introduzzjoni jew konklużjoni sakemm l-​istudent mhux qed jaħdem speċifikament fuq wieħed minn dawn il-​punti taʼ studju. M’hemmx għalfejn jinqara l-​materjal assenjat kollu, għalkemm dan jistaʼ jsir. Għandhom jiġu enfasizzati metodi tajbin taʼ kif wieħed jgħallem.

  • Taħdita: Dan l-​inkarigu għandu jiġi assenjat lil ħu u għandu jingħata bħala taħdita lill-​kongregazzjoni.

  5. Għix Bħala Kristjan: Wara l-​għanja, se jkun hemm sezzjoni taʼ 15-​il minuta li se tikkonsisti f’parti jew tnejn. Dawn se jkunu ddisinjati biex jgħinu l-​udjenza tapplika l-​Kelma t’Alla. Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, dawn l-​inkarigi jistgħu jiġu assenjati lil anzjani jew qaddejja ministerjali kwalifikati, bl-​eċċezzjoni tal-​bżonnijiet lokali, li għandhom jingħataw minn anzjan.

  • Studju tal-​Bibbja tal-​kongregazzjoni: 30 minuta. Dan għandu jkun assenjat lil anzjan kwalifikat. (Fejn in-​numru t’anzjani hu limitat, jistgħu jiġu inkarigati qaddejja ministerjali kwalifikati skont il-​bżonn.) Il-​ġemgħa tal-​anzjani għandha tiddetermina min hu kwalifikat biex jikkonduċi l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​kongregazzjoni. Dawk approvati għandhom ikunu kapaċi jikkonduċu tajjeb ħalli jżommu l-​istudju fil-​ħin, jenfasizzaw l-​iskritturi prinċipali, u jgħinu lil kulħadd japprezza l-​valur prattiku tal-​punti li jkunu għaddew flimkien. Se jsibu prinċipji t’għajnuna billi jirrivedu d-​direzzjoni ppubblikata dwar kif wieħed għandu jikkonduċi l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa. Fejn ikun possibbli, għandhom jintużaw aħwa differenti kull ġimgħa biex jikkonduċu u jaqraw. Jekk iċ-​chairman tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna jinforma li l-​istudju għandu jiġi mqassar, imbagħad il-​ħu li jikkonduċi għandu jiddeċiedi kif se jqassru. Hu jistaʼ jagħżel li ma jinqrawx xi paragrafi.

  6. Kummenti tal-​għeluq: 3 minuti jew inqas. Iċ-​chairman tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna għandu jirrivedi punti taʼ għajnuna mil-​laqgħa u jinkludi l-​mistoqsija u t-​tweġiba mill-​Karta bit-​tweġibiet għal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna. Hu għandu wkoll isemmi fil-​qosor il-​materjal li jkun se jiġi kkunsidrat il-​ġimgħa taʼ wara, u forsi jsemmi mistoqsija li se tiġi mwieġba. Hu jistaʼ jsemmi l-​ismijiet tal-​istudenti li huma assenjati l-​ġimgħa taʼ wara, dment li jkun hemm ħin għal dan. Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, għandu jsir kull avviż neċessarju u għandha tinqara kull ittra importanti lill-​kongregazzjoni miċ-​chairman waqt il-​kummenti tal-​għeluq tiegħu. Informazzjoni tas-​soltu, bħall-​arranġamenti normali tas-​servizz tal-​għalqa u skedi tat-​tindif, m’għandhomx jitħabbru minn fuq il-​platform imma għandhom jiġu mwaħħlin man-​notice board. Jekk ma jistgħux isiru avviżi jew jinqraw ittri fil-​ħin allokat għall-​kummenti tal-​għeluq, iċ-​chairman għandu jitlob lill-​aħwa li jkollhom parti fis-​sezzjoni Għix Bħala Kristjan biex iqassru skont il-​bżonn. (Ara  paragrafi 5 u  9.) Il-​laqgħa tispiċċa b’għanja u talba.

 7. Irsisti fil-​qari u t-​tagħlim: Mill-​ġimgħa li tibda fis-​7 taʼ Jannar 2019, iċ-​chairman tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna għandu juża l-​browxer Tagħlim bħala l-​bażi biex ifaħħar u jagħti parir. Kull student għandu jaħdem fuq l-​istudju li jidher fil-​parentesi ħdejn l-​inkarigu  li jkun hemm fil-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna. Matul l-​ewwel ġimgħa taʼ kull xahar, iċ-​chairman tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna se jikkunsidra mal-​udjenza studju wieħed mill-​browxer Tagħlim. Is-​sezzjoni tal-​browxer “Żomm nota tal-​progress tiegħek” hi ddisinjata biex tintuża mill-​istudent u m’għandhiex tiġi mmarkata miċ-​chairman.

  8. Pariri: Wara li kull student jagħmel l-​inkarigu tiegħu, iċ-​chairman tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna għandu bejn wieħed u ieħor minuta biex ifaħħar u jagħti parir ibbażat fuq il-​browxer Tagħlim. Meta ċ-​chairman jintroduċi l-​inkarigu tal-​istudent, hu m’għandux jgħid fuq liema studju qed jaħdem l-​istudent. Madankollu, meta l-​istudent ilesti l-​inkarigu, iċ-​chairman, wara li jfaħħru bi kliem xieraq, jistaʼ jgħid fuq liema studju kien qed jaħdem u għala mar tajjeb fuq dak l-​istudju jew inkella b’qalb tajba jispjega għala għandu jagħti iktar attenzjoni lil dak il-​punt partikolari. Iċ-​chairman jistaʼ jikkummenta wkoll fuq aspetti oħra tat-​turija jekk jaħseb li dan se jkun taʼ benefiċċju għall-​istudent jew l-​udjenza. Pariri oħrajn li jibnu bbażati fuq il-​browxer Tagħlim jew il-​ktieb tal-​Iskola tal-​Ministeru jistgħu jingħataw privatament wara l-​laqgħa jew f’ħin ieħor, kemm dwar l-​istudju li l-​istudent ħadem fuqu kif ukoll dwar studju ieħor.—Għal iktar informazzjoni rigward l-​irwol tal-​indokratur tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna u l-​irwol tal-​ajjutant li jagħti l-​pariri, ara  paragrafi 13 u  16.

    9. Ħin: Ħadd m’għandu jaqbeż il-​ħin, inkluż iċ-​chairman tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna meta jkun qed jagħti l-​kummenti tiegħu. L-​inkarigu tal-​istudent għandu jitwaqqaf bit-​tattika meta jkun sar il-​ħin. Jekk waqt il-​laqgħa, aħwa oħrajn jaqbżu l-​ħin, għandhom jingħataw parir fil-​privat mill-​ajjutant li jagħti l-​pariri. Il-​laqgħa kollha, inkluż l-​għanjiet u t-​talb, għandha ddum siegħa u 45 minuta.

 10. Żjara mill-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet: Meta l-​kongregazzjoni jkollha ż-​żjara tal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet, il-​programm għandu jsir skont kif inhu deskritt fil-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna bl-​eċċezzjonijiet li ġejjin: Minflok l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​kongregazzjoni għandha ssir taħdita tas-​servizz taʼ 30 minuta mill-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Qabel it-​taħdita tas-​servizz, iċ-​chairman tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna għandu jirrivedi l-​programm li jkun għadu kif sar, jagħti ħarsa fuq fuq lejn il-​programm tal-​ġimgħa taʼ wara, jagħmel kwalunkwe avviż importanti, jaqra xi ittri li jkun hemm bżonn, u mbagħad jintroduċi lill-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Wara t-​taħdita tas-​servizz, l-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet għandu jikkonkludi l-​laqgħa b’għanja li jagħżel hu. Waqt iż-​żjara tal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet m’għandhiex issir it-​tieni jew it-​tielet klassi fil-​lingwa tal-​kongregazzjoni. Grupp taʼ lingwa barranija jistaʼ jagħmel il-​laqgħat tiegħu anke meta l-​indokratur ikun qed iżur il-​kongregazzjoni li hemm il-​grupp fiha. Madankollu, il-​grupp għandu jingħaqad mal-​kongregazzjoni għat-​taħdita tas-​servizz tal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet.

 11. Il-​ġimgħa tal-​assemblea jew tal-​konvenzjoni: Matul il-​ġimgħa tal-​assemblea jew tal-​konvenzjoni ma ssir ebda laqgħa tal-​kongregazzjoni. Il-​materjal li kien se jiġi kkunsidrat matul il-​laqgħa f’dik il-​ġimgħa għandu jiġi kkunsidrat b’mod personali jew bħala familja.

 12. Il-​ġimgħa tat-​Tifkira: Jekk it-​Tifkira tinzerta matul il-​ġimgħa, ma jkunx hemm il-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna. Naturalment, il-​laqgħat tas-​servizz tal-​għalqa għandhom jinżammu dakinhar tat-​Tifkira.

   13. L-​indokratur tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna: Anzjan magħżul mill-​ġemgħa tal-​anzjani għandu jaqdi bħala l-​indokratur tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna. Hu l-​wieħed responsabbli biex jagħmel ċert li din il-​laqgħa tkun organizzata sew u li ssir skont dawn l-​istruzzjonijiet. Hu għandu jżomm komunikazzjoni tajba mal-​ajjutant li jagħti l-​pariri. Kull meta l-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna jkun disponibbli, l-​indokratur tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna għandu jagħmel l-​inkarigi tal-​istudenti għal dak ix-​xahar. (Ara  paragrafu 4.) Kull inkarigu taʼ student għandu jiġi mogħti minn tal-​inqas tliet ġimgħat qabel id-​data tal-​inkarigu permezz tal-​formola bit-​titlu Inkarigu fil-​Laqgħa l-​Ħajja u l-​Ministeru Kristjan Tagħna (S-​89).

 14. Iċ-​chairman tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna: Kull ġimgħa, anzjan għandu jaqdi bħala ċ-​chairman matul il-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna. (Fejn in-​numru t’anzjani hu limitat, qaddejja ministerjali kwalifikati jistgħu jintużaw skont il-​bżonn.) Hu għandu jkun responsabbli biex jipprepara l-​kummenti tal-​introduzzjoni u tal-​għeluq u biex jiddiskuti kwalunkwe vidjow tal-​eżempji taʼ konversazzjonijiet kif ukoll il-​vidjows li jintroduċu punt ġdid mill-​istudju tal-​browxer Tagħlim. Hu għandu wkoll jintroduċi kull inkarigu u, skont id-​daqs tal-​ġemgħa tal-​anzjani, hu jistaʼ jkun responsabbli f’li jkollu xi inkarigi oħra fil-​laqgħa. Il-​kummenti bejn il-​partijiet tal-​laqgħa għandhom ikunu qosra ħafna. Il-​ġemgħa tal-​anzjani għandha tiddeċiedi liema anzjani huma kwalifikati biex ikollhom dan l-​irwol. L-​anzjani kwalifikati normalment għandhom ikunu assenjati bħala chairmen minn żmien għal żmien. Skont iċ-​ċirkustanzi lokali, l-​indokratur tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna jistaʼ jintuża bħala chairman iktar spiss mill-​anzjani kwalifikati l-​oħra. Jekk anzjan hu kwalifikat biex jikkonduċi l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni, aktarx hu kwalifikat biex jaqdi bħala ċ-​chairman tal-​laqgħa. Madankollu, jekk jogħġbok żomm f’moħħok li l-​anzjan li jaqdi bħala chairman ikun mitlub li jfaħħar u li jagħti pariri taʼ għajnuna u bi mħabba lill-​istudenti li jkollhom l-​inkarigu. Hija r-​responsabbiltà taċ-​chairman li jagħmel ċert li l-​laqgħa tispiċċa fil-​ħin. (Ara  paragrafi 6 u  9.) Jekk jippreferi u jekk hemm biżżejjed spazju, jistaʼ jkun hemm mikrofonu fuq stand fuq il-​platform ħalli ċ-​chairman ikun jistaʼ jintroduċi l-​parti li jkun imiss fl-​istess waqt li l-​ħu jkun qed jieħu postu mal-​istand tal-​kelliemi. Bl-​istess mod, iċ-​chairman jistaʼ jippreferi li jpoġġi maʼ mejda fuq il-​platform matul l-​inkarigu tal-​Qari tal-​Bibbja u s-​sezzjoni Irsisti fil-​Ministeru. Dan jistaʼ jiffranka l-​ħin.

 15. Il-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani: Il-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani għandu jassenja l-​inkarigi kollha tal-​laqgħa, bl-​eċċezzjoni tal-​inkarigi tal-​istudenti. Dan jinkludi l-​inkarigu taċ-​chairman għal kull ġimgħa minn fost dawk approvati mill-​ġemgħa tal-​anzjani. B’kooperazzjoni mal-​indokratur tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna, il-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani għandu jagħmel ċert li man-​notice board ikun hemm imwaħħla kopja tal-​iskeda tal-​inkarigi għal-​laqgħa kollha.

  16. L-​ajjutant li jagħti l-​pariri: Kull meta jkun possibbli, ikun tajjeb li jintuża anzjan li hu kelliemi tal-​esperjenza biex ikollu dan l-​irwol. Ir-​responsabbiltà tal-​ajjutant għandha tkun li jagħti pariri fil-​privat, jekk ikun hemm bżonn, lil anzjani u qaddejja ministerjali rigward kull inkarigu li għandu mnejn ikollhom. Dawn l-​inkarigi jistgħu jinkludu: meta jkollhom sehem fil-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna, taħditiet pubbliċi, u meta jikkonduċu jew jaqraw l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa jew l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​kongregazzjoni. (Ara  paragrafu 9.) Jekk hemm ammont mhux ħażin taʼ anzjani fil-​kongregazzjoni li huma kelliema u għalliema kapaċi, mela kull sena jistaʼ jaqdi anzjan differenti fil-​kariga taʼ ajjutant li jagħti l-​pariri. Mhuwiex neċessarju li l-​ajjutant jagħti pariri wara kull inkarigu.

  17. Klassijiet oħrajn: Skont kemm hemm studenti, il-​kongregazzjonijiet jistaʼ jkollhom klassijiet oħrajn għall-​inkarigi tal-​istudenti. Kull klassi oħra għandu jkollha xi ħadd kwalifikat biex jagħti l-​pariri, preferibbilment anzjan. Meta jkun neċessarju, jistaʼ jiġi inkarigat qaddej ministerjali kwalifikat sew. Il-​ġemgħa tal-​anzjani għandha tiddeċiedi min jistaʼ jagħmel dan u jekk l-​inkarigu għandux isir dejjem mill-​istess persuna. Dak li jagħti l-​pariri għandu jsegwi l-​proċedura mniżżla f’ paragrafu 8. Jekk isiru klassijiet oħra, l-​istudenti għandhom jiġu mitluba biex imorru fihom wara li ssir il-​parti Ħaffer għal ġawhar spiritwali li hi parti mis-​sezzjoni tal-​laqgħa li jisimha Teżori mill-​Kelma t’Alla. Imbagħad għandhom jerġgħu jingħaqdu mal-​kumplament tal-​kongregazzjoni wara s-​sezzjoni tal-​laqgħa li jisimha Irsisti fil-​Ministeru. Meta jkun se jiġi diskuss vidjow, dawk fil-​klassijiet oħrajn għandhom jaraw jew jisimgħu d-​diskussjoni minn dik il-​kamra, jekk inhu possibbli. Jekk le, il-​ħu li jagħti l-​pariri għandu jieħu ħsieb din il-​parti u l-​vidjow taʼ magħha billi juża tablet jew mowbajl.

 18. Vidjows: Se jintwerew xi vidjows li jkollhom x’jaqsmu maʼ din il-​laqgħa. Il-​vidjows għal-​laqgħa taʼ matul il-​ġimgħa se jkunu disponibbli fl-​app tal-​JW Library u se jkunu aċċessibbli minn diversi apparati. Kultant, il-​vidjows tal-​eżempji taʼ konversazzjonijiet jistgħu jintwerew waqt il-​laqgħat tas-​servizz tal-​għalqa wara li jkunu ntwerew fil-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna.