GĦALA HU IMPORTANTI

Id-deċiżjonijiet tiegħek dwar is-sess se jeffettwaw il-futur tiegħek.

INT KIEKU X’TAGĦMEL?

Immaġina din ix-xena: Heather ilha xahrejn biss toħroġ maʼ Mike, imma tħossha bħallikieku ilha tafu ħajjitha kollha. Huma l-ħin kollu jibagħtu l-messaġġi lil xulxin, jitkellmu għal sigħat sħaħ fuq it-telefown, u saħansitra jaħsbu u jitkellmu bl-istess mod! Imma issa Mike irid iktar milli sempliċement jitkellem.

F’dawn l-aħħar xahrejn, Mike u Heather m’għamlu xejn ħlief iżommu id xulxin u jbusu lil xulxin ħafif ħafif. Heather ma trid tagħmel xejn iżjed minn hekk. Imma lanqas ma trid titlef lil Mike. Ħadd ħliefu ma jġegħelha tħossha daqshekk sabiħa u speċjali. Bejnha u bejn ruħha, hi tirraġuna: ‘Barra minn hekk, jien u Mike inħobbu ’l xulxin . . . ’

Jekk int kbir biżżejjed biex toħroġ maʼ xi ħadd u kont fis-sitwazzjoni taʼ Heather, kieku x’kont tagħmel?

IEQAF U AĦSEB!

Is-sess hu rigal minn Alla għall-miżżewġin biss. Jekk tagħmel is-sess qabel iż-żwieġ, tkun qed tuża ħażin dan ir-rigal. Hu bħal meta xi ħadd jagħtik flokk sabiħ u int tużah biex tnaddaf bih

Jekk tikser xi liġi tal-fiżika, bħalma hi l-liġi tal-gravità, se tbati l-konsegwenzi. L-istess jistaʼ jingħad jekk tikser xi liġi morali, bħal-liġi li tgħid: ‘Tbiegħdu miż-żína,’ jew mill-immoralità sesswali.—1 Tessalonikin 4:3.

Liema konsegwenzi se tbati jekk ma tobdix dan il-kmand? Il-Bibbja tgħid: “Min jipprattika ż-żína qed jidneb kontra ġismu stess.” (1 Korintin 6:18) Dan kif inhu minnu?

 Xi riċerkaturi sabu li ħafna żgħażagħ li għamlu s-sess qabel iż-żwieġ normalment jesperjenzaw waħda jew iktar mill-konsegwenzi li ġejjin.

  • NIKET. Ħafna miż-żgħażagħ li għamlu s-sess qabel iż-żwieġ jgħidu li wara ddispjaċiehom.

  • NUQQAS TAʼ FIDUĊJA. Wara li jkollhom relazzjoni sesswali, kull wieħed mill-imseħbin jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Min jaf maʼ min iktar għamel/għamlet is-sess?’

  • DIŻAPPUNT. Fil-fond taʼ qalbhom, ħafna tfajliet jippreferu lil xi ħadd li jipproteġihom u mhux lil xi ħadd li jużahom. U ħafna ġuvintur iħossuhom inqas miġbudin lejn tfajla li tkun marret magħhom.

  • Il-konklużjoni: Jekk iċċedi għas-sess qabel iż-żwieġ tkun qed tbaxxi lilek innifsek għax tkun qed tarmi xi ħaġa prezzjuża. (Rumani 1:24) Ġismek hu prezzjuż wisq, ibżaʼ għalih!

Uri li għandek karattru sod biżżejjed biex titbiegħed mill-immoralità sesswali. (1 Tessalonikin 4:3) Imbagħad, jekk xi darba tiżżewweġ, int tkun tistaʼ tagħmel is-sess. U tkun tistaʼ tgawdih bis-sħiħ, mingħajr ebda inkwiet, dispjaċir, u dubju li spiss huma r-riżultat li jiġu minn relazzjoni sesswali qabel iż-żwieġ.—Proverbji 7:22, 23; 1 Korintin 7:3.

INT X’TAĦSEB?

  • Taħseb li xi ħadd li verament iħobbok se jipperikola l-benesseri fiżiċi u emozzjonali tiegħek?

  • Xi ħadd li verament jimpurtah minnek sejjer jipperikola r-relazzjoni tiegħek m’Alla?—Ebrej 13:4.