Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 MISTOQSIJA 3

Kif nistaʼ nitkellem mal-ġenituri tiegħi?

Kif nistaʼ nitkellem mal-ġenituri tiegħi?

GĦALA HU IMPORTANTI

Iktar ma tingwalaha mal-ġenituri tiegħek, iktar ħajtek ħa timxi ħarir.

INT KIEKU X’TAGĦMEL?

Immaġina din ix-xena: Hu l-Erbgħa waranofsinhar. Geoffrey, li għandu 17-il sena, lesta l-affarijiet li kellu jagħmel, u sa fl-aħħar lest biex joqgħod jirrilassa ftit! Jixgħel it-televixin u jinxteħet fuq il-pultruna favorita tiegħu.

Dak il-ħin jidħol missieru, u xejn ma jieħu pjaċir.

“Geoffrey! Għala qed taħli l-ħin tara t-televixin meta suppost qed tgħin lil ħuk iż-żgħir jagħmel il-ħowmwerk? Qatt ma tagħmel dak li ngħidulek!”

“Ħa nerġgħu nibdew,” igerger Geoffrey minn taħt l-ilsien, għalkemm fl-istess ħin jinstemaʼ.

Missieru jersaq lejh. “X’għedt int?”

“Xej, pa,” jgħid Geoffrey hu u jonfoħ u jaqleb għajnejh.

Issa missieru veru rrabjat. “Ara kif tkellimni lili!” jgħidlu bl-herra.

Li kieku kont Geoffrey, kif stajt tevita din is-sitwazzjoni?

IEQAF U AĦSEB!

Li tikkomunika mal-ġenituri tiegħek jistaʼ jitqabbel maʼ xi ħadd li jsuq karozza. Jekk isib triq li ma jistax jgħaddi minnha, isib triq oħra.

 PEREŻEMPJU:

“Insibha diffiċli biex nikkomunika maʼ missieri,” tgħid tfajla jisimha Leah. “Ġieli nkun qed inkellmu, u mbagħad jgħidli, ‘Skużani, lili kont qed tkellem?’”

LEAH MINN TAL-INQAS GĦANDHA TLIET GĦAŻLIET.

  1. Tgħajjat maʼ missierha.

    Leah tgħajjat, “U ejja din importanti ta! Iva ismagħni!”

  2. Ma tibqax tkellem lil missierha.

    Leah taqtaʼ qalbha u ma tibqax tipprova tkellem lil missierha dwar il-problema tagħha.

  3. Tistenna ħin aħjar, u terġaʼ tqajjem is-suġġett.

    Leah titkellem maʼ missierha wiċċ imb wiċċ f’ħin ieħor, jew tiktiblu ittra dwar il-problema tagħha.

Liema għażla tissuġġerixxi int lil Leah?

AĦSEB DWAR DAN: Missier Leah hu aljenat—u b’hekk lanqas qed jinduna li hi frustrata. Allura jekk Leah tagħżel l-A, għandu mnejn lanqas biss jifhem għala qed tgħajjat miegħu. Din l-għażla x’aktarx li mhux se ġġiegħel lil missier Leah jagħti iktar kas taʼ x’qed tgħid hi, u lanqas turi rispett u unur lejh. (Efesin 6:2) Fir-realtà, b’din l-għażla ma jgawdi minnha ħadd.

Sewwasew bħalma ssib triq oħra jekk issib triq magħluqa, hekk ukoll tistaʼ ssib mod ieħor kif tingwalaha mal-ġenituri tiegħek

Waqt li l-B għandha mnejn tkun l-iktar waħda faċli, mhijiex l-iktar għażla għaqlija. Għala? Għax biex issolvi l-problemi tagħha, Leah għandha bżonn titkellem maʼ missierha—u biex hu jgħinha, jeħtieġ li jkun jaf x’inhu jiġri f’ħajjitha. Bis-silenzju mhu se jissolva xejn.

Iżda jekk tagħżel iċ-Ċ, Leah ma tħallix din is-sitwazzjoni żżommha lura milli tagħmel sforz biex titkellem maʼ missierha. Minflok, hi tipprova ssemmi s-suġġett f’ħin ieħor. U jekk hi tagħżel li tikteb ittra lil missierha, Leah taf tħossha aħjar dak il-ħin stess.

Li tikteb l-ittra jistaʼ jgħinha wkoll biex tesprimi eżatt dak li tixtieq tgħid. Meta missier Leah jaqra l-ittra, hu se jsir jaf x’riedet tgħidlu u dan jistaʼ jgħinu jifhem id-diffikultà tagħha aħjar. B’hekk, l-għażla Ċ hi taʼ benefiċċju kemm għal Leah kif ukoll għal missierha. Kemm jekk wiċċ imb wiċċ u kemm jekk b’ittra, din l-għażla ssegwi l-parir tal-Bibbja biex “niġru wara l-affarijiet li jġibu l-paċi.”—Rumani 14:19.

Liema għażliet oħra jistaʼ jkollha Leah?

Ara jekk tistax taħseb f’għażla oħra. Imbagħad aħseb x’tistaʼ tkun il-konsegwenza tagħha.

 TKELLEM ĊAR U TOND

Tinsiex, dak li għedt u dak li l-ġenituri tiegħek jaħsbu li għedt mhux dejjem ikun l-istess.

PEREŻEMPJU:

Il-ġenituri tiegħek jistaqsu għala donnok għandek burdata ħażina. Int twieġeb, “Ma rridx nitkellem fuq dan.”

Imma l-ġenituri tiegħek jisimgħu: “Ma nafdakomx biżżejjed biex niftaħ qalbi magħkom. Ħa nitkellem maʼ sħabi dwar din il-problema u mhux magħkom.”

Ġib quddiem għajnejk li għandek problema serja u li l-ġenituri tiegħek joffru li jgħinuk. Imma int tgħid: “Tagħtux kas. Issa nirranġa jien.”

  • Il-ġenituri tiegħek x’għandhom mnejn jisimgħu?

  • X’tistaʼ tkun tweġiba aħjar mingħandek?