Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 MISTOQSIJA 2

Għala ninkwieta dwar kif nidher?

Għala ninkwieta dwar kif nidher?

GĦALA HU IMPORTANTI

Xi affarijiet huma iktar importanti minn dak li tara fil-mera.

INT KIEKU X’TAGĦMEL?

Immaġina din ix-xena: Meta Julia tħares lejn il-mera, hi tara lilha nfisha ħoxna. “Hemm bżonn li nonqos,” tgħid bejnha u bejn ruħha—minkejja li l-ġenituri tagħha u sħabha jgħidulha li hi “niexfa għuda.”

Dan l-aħħar, Julia bdiet taħseb dwar li tmur fl-estrem biex tonqos biss ftit żgħira oħra. Kulma trid tagħmel hu li ma tiekol xejn għal ftit ġranet . . .

Jekk ġieli ħassejtek bħalma ħassitha Julia, int kieku x’tagħmel?

IEQAF U AĦSEB!

Il-mod kif tħares lejk innifsek jistaʼ jkun bħal meta tħares lejn mera li turi kollox mgħawweġ

Ma fiha xejn ħażin li jkun jimpurtak dwar kif tidher. Infatti l-Bibbja titkellem b’mod pożittiv fuq l-apparenza fiżika taʼ diversi rġiel u nisa, inkluż Sara, Rakele, Abigajl, Ġużeppi, u David. Il-Bibbja tgħid li mara jisimha Abisag kienet “sabiħa ferm.”—1 Slaten 1:4.

Madankollu, ħafna żgħażagħ huma ffissati dwar kif jidhru. Dan jistaʼ jwassal għal problemi serji. Aħseb dwar dan:

  • Fi stħarriġ wieħed, 58 fil-mija tat-tfajliet qalu li kellhom piż żejjed, meta fil-fatt kien hemm biss 17 fil-mija li kellhom piż żejjed.

  • Fi studju ieħor, 45 fil-mija li fil-fatt kienu jiżnu inqas milli suppost ħasbu li kienu ħoxnin wisq!

  • Hekk kif ipprovaw jonqsu, xi żgħażagħ spiċċaw vittma tal-anoreksja—marda qerrieda konnessa mal-ikel li twassal lil dak li jkun biex joqtol lilu nnifsu bil-ġuħ.

 Jekk għandek xi sintomu tal-anoreksja jew taʼ xi marda oħra konnessa mal-ikel, fittex l-għajnuna. Ibda billi tiftaħ qalbek maʼ ġenitur jew m’adult ieħor li tafda. Il-Bibbja tgħid: “Ħabib veru jħobb il-ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-niket.”—Proverbji 17:17.

L-AQWA TITJIB LI TISTAʼ TAGĦMEL!

Fir-realtà, hu dak li persuna tkun minn ġewwa li jagħmilha attraenti jew le. Aħseb dwar Absalom, bin is-Sultan David. Il-Bibbja tgħid:

“Ma kienx hemm raġel ieħor daqstant sabiħ u taʼ min ifaħħru. . . . Ma kien hemm ebda difett fih.”—2 Samwel 14:25.

Madankollu, dan iż-żagħżugħ kien kburi, jippretendiha, u qarrieq! Għaldaqstant, il-Bibbja ma tantx tagħti stampa tajba tiegħu; tiddeskrivih bħala raġel li kien żleali b’mod sfaċċat u li kellu mibegħda qattiela.

Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tagħtina dawn il-pariri:

“Ilbsu l-personalità l-ġdida.”—Kolossin 3:10.

“Tħallux it-tiżjin tagħkom ikun dak minn barra . . . , imma ħa jkun dak tal-persuna minn ġewwa, fil-qalb.”—1 Pietru 3:3, 4.

Filwaqt li m’hemm xejn ħażin imbilli tkun tixtieq tidher tajjeb, ħafna iktar importanti mid-dehra tiegħek hi l-personalità tiegħek. Fl-aħħar mill-aħħar, kwalitajiet taʼ min ifaħħarhom se jagħmluk tidher isbaħ f’għajnejn ħaddieħor milli jkollok ġisem immuskolat jew figura sabiħa. “L-ewwel ma tiekol l-għajn hi s-sbuħija,” tgħid żagħżugħa jisimha Phylicia, “imma l-persuna li int minn ġewwa u l-kwalitajiet mill-aħjar tiegħek huma l-affarijiet li ħaddieħor se jiftakar l-iktar dwarek.”

ĦARSA LEJN KIF TIDHER

Tkun spiss imdejjaq bil-mod kif tidher?

Ġieli għaddielek minn moħħok li tagħmel xi operazzjoni jew dieta estrema biex tirranġa xi difett fiżiku?

Kieku tistaʼ tbiddel xi ħaġa mid-dehra tiegħek, xi tkun? (Agħżel kulma tbiddel.)

  • TUL

  • PIŻ

  • XAGĦAR

  • FIGURA

  • WIĊĊ

  • IL-KULUR TAL-ĠILDA

Jekk wiġibt iva għall-ewwel żewġ mistoqsijiet u jekk għażilt tlieta jew iktar fit-tielet mistoqsija, ikkunsidra dan: Wisq probabbli oħrajn ma jarawkx b’mod negattiv daqskemm int tara lilek innifsek. Hu faċli li tmur fl-estrem u tinkwieta żżejjed dwar kif tidher.—1 Samwel 16:7.