Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU TMIENJA

X’inhi s-Saltna t’Alla?

X’inhi s-Saltna t’Alla?

1. Liema talba famuża se niddiskutu issa?

MILJUNI taʼ nies jafu t-talba famuża msejħa t-Talba tal-Missierna. Ġesù uża din it-talba biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu kif għandhom jitolbu. Għal liema affarijiet talab? U din it-talba għala hi importanti għalina llum?

2. Ġesù għal liema tliet affarijiet importanti għallimna biex nitolbu?

2 Ġesù qal: “Hekk, mela, itolbu: ‘Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.’” (Aqra Mattew 6:9-13.) Ġesù għala għallimna biex nitolbu għal dawn it-tliet affarijiet?—Ara n-Nota fl-aħħar numru 20.

3. X’hemm bżonn inkunu nafu dwar is-Saltna t’Alla?

3 Aħna tgħallimna li Alla jismu Ġeħova. Tkellimna wkoll dwar x’inhi r-rieda t’Alla għall-bnedmin u għall-art. Imma Ġesù x’ried ifisser meta qal: “Ħa tiġi saltnatek”? Issa se nitgħallmu x’inhi s-Saltna t’Alla, x’se tagħmel, u kif se tqaddes l-isem t’Alla.

X’INHI S-SALTNA T’ALLA?

4. X’inhi s-Saltna t’Alla, u min hu s-Sultan tagħha?

4 Ġeħova stabbilixxa gvern fis-sema u fil-Bibbja dan il-gvern jissejjaħ is-Saltna t’Alla. Hu għażel lil Ġesù biex ikun is-Sultan taʼ din is-Saltna. Ġesù hu “s-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien.” (1 Timotju 6:15) Hu jistaʼ jagħmel iktar ġid milli qatt jistaʼ jagħmel  kwalunkwe mexxej uman, u hu iktar setgħan mill-mexxejja umani kollha f’daqqa.

5. Il-gvern t’Alla minn fejn se jsaltan u fuq xiex?

5 Erbgħin jum wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù mar lura s-sema. Eventwalment, Ġeħova ħatru bħala s-Sultan tas-Saltna. (Atti 2:33) Il-gvern t’Alla se jsaltan fuq l-art mis-sema. (Rivelazzjoni 11:15) Huwa għalhekk li l-Bibbja ssejjaħ is-Saltna t’Alla ‘saltna tas-sema.’—2 Timotju 4:18.

6, 7. Ġesù għala hu aħjar minn kull sultan uman?

6 Il-Bibbja tgħid li Ġesù hu akbar minn kull sultan uman ieħor għax hu “l-uniku wieħed li għandu l-immortalità.” (1 Timotju 6:16) Il-ħakkiema umani eventwalment kollha jmutu, imma Ġesù qatt mhu se jmut. Il-ġid kollu li Ġesù se jagħmel għalina se jibqaʼ għal dejjem.

7 Il-profezija tal-Bibbja tgħid li Ġesù se jkun Sultan ġust u ħanin: “Fuqu jrid jistrieħ l-ispirtu taʼ Ġeħova, l-ispirtu taʼ l-għerf u taʼ l-abbiltà li jifhem, l-ispirtu taʼ l-għoti taʼ pariri u tas-setgħa, l-ispirtu taʼ l-għarfien u tal-biżaʼ taʼ Ġeħova; u hu jsib għaxqa fil-biżaʼ taʼ Ġeħova. U mhux se jiġġudika biss fuq dak li jara b’għajnejh, lanqas ma jwiddeb [jew, jagħti parir] sempliċement skond dak li jismaʼ b’widnejh. U bis-sewwa jiġġudika lill-batuti.” (Isaija 11:2-4) Tixtieq int li s-sultan tiegħek ikun bħal dan?

8. Kif nafu li Ġesù mhux se jsaltan waħdu?

8 Alla għażel lil xi bnedmin biex isaltnu maʼ Ġesù fis-Saltna tas-sema. Pereżempju, l-appostlu Pawlu qal lil Timotju: “Jekk nibqgħu nissaportu, se nsaltnu  wkoll flimkien.” (2 Timotju 2:12) Kemm se jkun hemm isaltnu maʼ Ġesù?

9. (a) Kemm se jkun hemm isaltnu maʼ Ġesù? (b) Alla meta beda jagħżel lil dawn l-uħud?

9 Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 7, l-appostlu Ġwanni ngħata viżjoni li fiha ra lil Ġesù bħala Sultan fis-sema maʼ 144,000 sultan ieħor. Min huma l-144,000? Ġwanni jispjega li huma għandhom “ismu [jiġifieri, isem Ġesù] u isem Missieru miktubin fuq ġbinhom.” U jżid jgħid: “Dawn huma dawk li jibqgħu mexjin wara l-Ħaruf [jiġifieri, Ġesù] kulfejn imur. Dawn inxtraw minn fost il-bnedmin.” (Aqra Rivelazzjoni 14:1, 4.) Il-144,000 huma Kristjani leali li Alla għażel biex “isaltnu għal fuq l-art” maʼ Ġesù. Meta jmutu, huma jiġu rxoxtati u jgħixu fis-sema. (Rivelazzjoni 5:10) Minn żmien l-appostli ’l hawn, Ġeħova għażel lil Kristjani leali biex ikunu parti minn dan il-grupp taʼ 144,000 sultan.

10. Għala hu att taʼ mħabba li Ġeħova għamel arranġament biex Ġesù u l-144,000 isaltnu fuq il-bnedmin?

10 Ġeħova tant jimpurtah minna li hu għamel arranġament biex xi bnedmin isaltnu maʼ Ġesù. Ġesù se jkun mexxej tajjeb għax hu jifhimna. Hu jaf x’jiġifieri li tkun uman u li tbati. Pawlu qal li Ġesù jħoss għalina, hu jistaʼ “jagħder id-dgħjufijiet tagħna,” u “ġie provat fl-aspetti kollha bħalna.” (Ebrej 4:15; 5:8) Il-144,000 ukoll jafu xi jfisser li tkun uman. U huma tqabdu mal-imperfezzjoni u l-mard. Allura nistgħu nkunu ċerti li Ġesù u l-144,000 mhux biss se jifhmu kif inħossuna imma wkoll il-problemi li jkollna nissieltu magħhom.

 X’SE TAGĦMEL IS-SALTNA T’ALLA?

11. Ġesù għala għallem lid-dixxipli tiegħu jitolbu biex ir-rieda t’Alla sseħħ fis-sema?

11 Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu jitolbu biex ir-rieda t’Alla sseħħ fis-sema. Għala? F’Kapitlu 3 sirna nafu li Satana x-Xitan irribella kontra Ġeħova. Wara li Satana rribella, Ġeħova ħalla lilu u lill-anġli mhux leali, jew id-demonji, jibqgħu fis-sema għal xi żmien. Allura mhux kulħadd fis-sema kien qed jagħmel ir-rieda t’Alla. F’Kapitlu 10 se nitgħallmu iktar dwar Satana u d-demonji.

12. Liema żewġ ġrajjiet importanti huma deskritti f’Rivelazzjoni 12:10?

12 Il-Bibbja tispjega li ftit wara li Ġesù ntgħamel Sultan tas-Saltna t’Alla, hu kellu jiggwerra kontra Satana. (Aqra Rivelazzjoni 12:7-10.) Vers 10 jiddeskrivi żewġ ġrajjiet importanti ħafna. Is-Saltna t’Alla tibda tirrenja b’Ġesù Kristu bħala s-Sultan, u Satana jitkeċċa ’l barra mis-sema. Kif se naraw, dawn il-ġrajjiet diġà seħħew.

13. X’ġara fis-sema meta Satana tkeċċa ’l barra?

13 Il-Bibbja tiddeskrivi l-ferħ tal-anġli leali wara li Satana u d-demonji tiegħu tkeċċew ’il barra mis-sema. Naqraw: “Ifirħu smewwiet u intom li tgħammru fihom!” (Rivelazzjoni 12:12) Issa hemm il-paċi u l-unità fis-sema għax kulħadd qed jagħmel ir-rieda t’Alla.

Minn mindu Satana u d-demonji tiegħu tkeċċew mis-sema, kien hawn iktar tbatija fuq l-art. Din it-tbatija dalwaqt se tispiċċa

14. X’ġara fuq l-art peress li Satana tkeċċa mis-sema?

14 Imma l-ħajja fuq l-art hi differenti ħafna. Qed jiġru affarijiet mill-agħar lin-nies “għax ix-Xitan niżel”  u “għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.” (Rivelazzjoni 12:12) Satana hu indannat. Hu tkeċċa mis-sema u jaf li dalwaqt se jiġi meqrud. Hu jagħmel kulma jistaʼ biex mad-dinja kollha jaqlaʼ l-inkwiet u jġib l-uġigħ u t-tbatija.

15. X’inhi r-rieda t’Alla għall-art?

15 Imma r-rieda t’Alla għall-art ma nbidlitx. Hu għadu jrid li l-bnedmin perfetti jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna. (Salm 37:29) Allura s-Saltna t’Alla kif se tagħmel dan possibbli?

16, 17. Danjel 2:44 x’jgħidilna dwar is-Saltna t’Alla?

16 Il-profezija taʼ Danjel 2:44 tgħid: “Fi żmien dawn is-slaten, l-Alla tas-sema jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered. U din is-saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor. Hi se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha, u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Din il-profezija x’tgħallimna dwar is-Saltna t’Alla?

17 L-ewwel, din tgħidilna li s-Saltna t’Alla kienet se tibda tirrenja “fi żmien dawn is-slaten.” Dan ifisser li xorta kien se jkun hawn gvernijiet oħrajn fuq l-art meta s-Saltna tkun bdiet tirrenja. It-tieni, din tgħidilna li s-Saltna t’Alla se tibqaʼ għal dejjem u ebda gvern mhu se jieħu postha. U t-tielet, se jkun hemm gwerra bejn is-Saltna t’Alla u l-gvernijiet taʼ din id-dinja. Is-Saltna t’Alla se tirbaħ u ssir l-uniku gvern li jmexxi għal fuq l-art. Imbagħad il-bnedmin se jkollhom l-aqwa gvern li qatt jistaʼ jkollhom.

18. X’tissejjaħ il-gwerra finali bejn is-Saltna t’Alla u l-gvernijiet taʼ din id-dinja?

18 Is-Saltna t’Alla kif se tieħu t-tmexxija tal-art  taħt idejha? Qabel l-aħħar gwerra, imsejħa l-gwerra t’Armageddon, id-demonji se jqarrqu bis-“slaten taʼ l-art abitata kollha, biex jiġbruhom flimkien għall-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” Iva, gvernijiet umani se jiġġieldu kontra s-Saltna t’Alla.—Rivelazzjoni 16:14, 16; ara n-Nota fl-aħħar numru 10.

19, 20. Għala għandna bżonn li s-Saltna t’Alla tirrenja għal fuq l-art?

19 Għala għandna bżonn is-Saltna t’Alla? Hemm minn tal-inqas tliet raġunijiet. L-ewwel, aħna midinbin, allura nimirdu u mmutu. Imma l-Bibbja tgħid li taħt is-Saltna t’Alla, se ngħixu għal dejjem. Infatti, Ġwanni 3:16 jgħid: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”

20 It-tieni raġuni għala għandna bżonn is-Saltna t’Alla hi li aħna mdawrin b’nies mill-agħar. Ħafna jigdbu u jqarrqu u huma immorali. Aħna ma nistgħu nagħmlu xejn biex inneħħu lil dawn l-uħud, imma Alla jistaʼ u hekk se jagħmel. Nies li jibqgħu jagħmlu affarijiet mill-agħar se jiġu meqrudin f’Armageddon. (Aqra Salm 37:10.) It-tielet raġuni għala għandna bżonn is-Saltna t’Alla hi għax il-gvernijiet umani wrew li huma bla ħila, kattivi, jew korrotti. Huma mhumiex interessati f’li jgħinu lin-nies biex jobdu lil Alla. Il-Bibbja tgħid li “l-bniedem iddomina lill-bniedem bi ħsara għalih.”—Ekkleżjasti 8:9.

21. Is-Saltna kif se tagħmel ċert li ssir ir-rieda t’Alla fuq l-art?

21 Wara Armageddon, is-Saltna t’Alla se tagħmel  ċert li ssir ir-rieda t’Alla fuq l-art. Pereżempju, se tneħħi lil Satana u d-demonji tiegħu. (Rivelazzjoni 20:1-3) Eventwalment, ħadd mhu se jimrad jew imut. Minħabba l-fidwa, il-bnedmin leali kollha se jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem f’Ġenna tal-art. (Rivelazzjoni 22:1-3) Is-Saltna se tqaddes l-isem t’Alla. Dan xi jfisser? Ifisser li meta l-gvern t’Alla jkun qed imexxi fuq l-art, il-bnedmin kollha se jonoraw l-isem taʼ Ġeħova.—Ara n-Nota fl-aħħar numru 21.

ĠESÙ META SAR SULTAN?

22. Kif nafu li Ġesù ma sarx Sultan meta kien fuq l-art jew eżatt wara li ġie rxoxtat?

22 Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu: “Ħa tiġi saltnatek.” Allura kien ovvju li l-gvern t’Alla kellu jiġi fil-futur. Ġeħova l-ewwel kien se jistabbilixxi l-gvern tiegħu u lil Ġesù jagħmlu Sultan. Sar Ġesù Sultan eżatt malli reġaʼ lura s-sema? Le, kien se jkollu jistenna. Xi żmien wara l-irxoxt taʼ Ġesù, kemm  Pietru kif ukoll Pawlu wrew dan b’mod ċar meta applikaw il-profezija li nsibu Salm 110:1 għal Ġesù. Fil-profezija, Ġeħova jgħid: “Oqgħod bil-qiegħda fuq il-lemin tiegħi, sakemm inqiegħed l-għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.” (Atti 2:32-35; Ebrej 10:12, 13) Ġesù kemm kien se jkollu jistenna qabel ma Ġeħova kien se jaħtru bħala Sultan?

Is-Saltna t’Alla se tagħmel ċert li r-rieda t’Alla ssir fuq l-art

23. (a) Ġesù meta sar Sultan tal-gvern t’Alla? (b) X’se nitgħallmu fil-kapitlu li jmiss?

23 Għal ħafna snin qabel l-1914, grupp taʼ Kristjani sinċieri fehmu li din kienet se tkun sena importanti fil-profezija tal-Bibbja. Ġrajjiet dinjin mill-1914 ’il quddiem urew li kellhom raġun. Ġesù beda jirrenja bħala Sultan f’dik is-sena. (Salm 110:2) Ftit wara dan, Satana twaddab ’l isfel lejn l-art, u issa “żmien qasir baqagħlu.” (Rivelazzjoni 12:12) Fil-kapitlu li jmiss, se naraw iktar evidenza li qed ngħixu f’dan il-perijodu taʼ żmien. Se nitgħallmu wkoll li s-Saltna t’Alla dalwaqt se tagħmel ċert li ssir ir-rieda t’Alla fuq l-art.—Ara n-Nota fl-aħħar numru 22.