Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU TMINTAX

Għandi niddedika ħajti lil Alla u nitgħammed?

Għandi niddedika ħajti lil Alla u nitgħammed?

1. X’għandek mnejn taħseb wara li tistudja dan il-ktieb bir-reqqa?

INT tgħallimt ħafna veritajiet mill-Bibbja matul l-istudju tiegħek taʼ dan il-ktieb, bħall-wegħda t’Alla taʼ ħajja taʼ dejjem, il-kundizzjoni tal-mejtin, u t-tama tal-irxoxt. (Ekkleżjasti 9:5; Luqa 23:43; Ġwanni 5:28, 29; Rivelazzjoni 21:3, 4) Forsi bdejt tattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova u temmen li huma jipprattikaw il-qima vera. (Ġwanni 13:35) Għandek mnejn bdejt tiżviluppa ħbiberija mill-qrib maʼ  Ġeħova, u forsi ddeċidejt li trid taqdih. Allura forsi taħseb, ‘X’għandi nagħmel issa biex naqdi lil Alla?’

2. Raġel Etjopjan għala ried jitgħammed?

2 Hekk ħaseb raġel Etjopjan li għex fi żmien Ġesù. Xi żmien wara li Ġesù ġie rxoxtat, Filippu, dixxiplu taʼ Ġesù, ipprietka lil dan ir-raġel. Filippu tah prova li Ġesù kien il-Messija. Ir-raġel Etjopjan tant tqanqal minn dak li tgħallem li mill-ewwel qal: “Ara! Hawn l-ilma; x’qed iżommni milli nitgħammed?”—Atti 8:26-36.

3. (a) Ġesù liema kmand ta lis-segwaċi tiegħu? (b) Individwu kif għandu jiġi mgħammed?

3 Il-Bibbja tgħallem b’mod ċar li jekk trid taqdi lil Ġeħova, trid titgħammed. Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, [u] għammduhom.” (Mattew 28:19) Ġesù ħalla wkoll l-eżempju billi hu stess ġie mgħammed. Dan ma sarx billi raxxewlu ftit ilma fuq rasu imma billi ġie mgħaddas kompletament fl-ilma. (Mattew 3:16) Illum, meta jitgħammed Kristjan, hu wkoll irid jiġi mgħaddas kompletament fl-ilma, jew imniżżel għalkollox taħt l-ilma.

4. Il-magħmudija tiegħek x’turi lil oħrajn?

4 Meta titgħammed tkun qed turi lil oħrajn li int verament trid tkun ħabib t’Alla u trid taqdih. (Salm 40:7, 8) Allura għandek mnejn tistaqsi, ‘Xi rrid nagħmel biex nitgħammed?’

GĦARFIEN U FIDI

5. (a) X’għandek tagħmel qabel ma tkun tistaʼ titgħammed? (b) Il-laqgħat Kristjani għala huma importanti?

5 Qabel ma tkun tistaʼ titgħammed, għandek bżonn issir taf lil Ġeħova u Ġesù. Int dan diġà bdejt tagħmlu  permezz tal-istudju tal-Bibbja tiegħek. (Aqra Ġwanni 17:3.) Imma dan mhuwiex biżżejjed. Il-Bibbja tgħid li trid ‘timtela bl-għarfien eżatt’ dwar ir-rieda taʼ Ġeħova. (Kolossin 1:9) Il-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova se jgħinuk biex ikollok relazzjoni eqreb maʼ Ġeħova. Din hi raġuni importanti għala għandek tattendi dawn il-laqgħat regolarment.—Ebrej 10:24, 25.

Qabel ma titgħammed, għandek tistudja l-Bibbja

6. Kemm għandek bżonn tkun taf dwar il-Bibbja qabel ma tkun tistaʼ titgħammed?

6 M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova ma jistenniex li tkun taf kulma hemm fil-Bibbja qabel ma titgħammed. Hu ma stenniex li r-raġel Etjopjan ikun jaf kollox qabel ma tgħammed. (Atti 8:30, 31) U se nkomplu nitgħallmu dwar Alla għal dejjem. (Ekkleżjasti 3:11) Imma biex titgħammed, għandek bżonn tkun taf u taċċetta minn tal-inqas it-tagħlim bażiku tal-Bibbja.—Ebrej 5:12.

7. L-istudju tiegħek tal-Bibbja kif għenek?

7 Il-Bibbja tgħid: ‘Mingħajr fidi impossibbli li togħġob lil Alla.’ (Ebrej 11:6) Allura għandek bżonn il-fidi qabel ma tkun tistaʼ titgħammed. Il-Bibbja tgħidilna li xi nies fil-belt antika taʼ Korintu semgħu dak li għallmu s-segwaċi taʼ Ġesù u, minħabba f’hekk, “bdew jemmnu u jitgħammdu.” (Atti 18:8) B’mod simili, l-istudju tiegħek tal-Bibbja għenek ikollok fidi fil-wegħdi t’Alla u fil-qawwa tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, li jistaʼ jsalvana mid-dnub u l-mewt.—Ġożwè 23:14; Atti 4:12; 2 Timotju 3:16, 17.

GĦID LIL OĦRAJN DWAR IL-VERITAJIET TAL-BIBBJA

8. X’se jqanqlek biex tgħid lil oħrajn dwar dak li tgħallimt?

8 Hekk kif titgħallem iktar mill-Bibbja u tara kif dan  qed jgħinek f’ħajtek, il-fidi tiegħek se tissaħħaħ. Int se tkun trid tgħid lil oħrajn dwar dak li qed titgħallem. (Ġeremija 20:9; 2 Korintin 4:13) Imma lil min għandek tgħid?

Il-fidi għandha tqanqlek biex tgħid lil oħrajn dwar dak li temmen

9, 10. (a) Maʼ min forsi tibda taqsam dak li tgħallimt? (b) X’għandek tagħmel jekk tixtieq tipprietka mal-kongregazzjoni?

9 Għandek mnejn tkun trid tgħid lill-familja, lill-ħbieb, lill-ġirien, jew lill-kollegi tiegħek dwar dak li qed titgħallem. Din hi ħaġa tajba, imma dejjem tkellem bil-ħlewwa u bl-imħabba. Eventwalment, se tkun tistaʼ tibda tipprietka mal-kongregazzjoni. Meta tħoss li int lest tagħmel dan, tistaʼ titkellem max-Xhud li qed jgħallmek il-Bibbja u tgħidlu li tixtieq tibda tieħu sehem fix-xogħol tal-ippritkar mal-kongregazzjoni. Jekk dan l-individwu jħoss li int lest u jekk qed tgħix ħajtek fi qbil mal-livelli tal-Bibbja, imbagħad flimkien se tiltaqgħu maʼ żewġ anzjani fil-kongregazzjoni.

10 X’se jiġri f’din il-laqgħa? L-anzjani se jkellmuk biex jaraw jekk tifhimx u temminx it-tagħlim bażiku tal-Bibbja, jekk tobdix dak li tgħid il-Bibbja fil-ħajja tiegħek taʼ kuljum, u jekk verament tixtieqx issir Xhud taʼ Ġeħova. Ftakar li l-anzjani jieħdu ħsieb il-membri kollha tal-kongregazzjoni, inkluż lilek, allura tibżax tkellimhom. (Atti 20:28; 1 Pietru 5:2, 3) Wara din il-laqgħa, l-anzjani se jgħidulek jekk tistax tibda tipprietka mal-kongregazzjoni.

11. Għala hu daqstant importanti li tagħmel bidliet qabel ma tkun tistaʼ tibda tipprietka mal-kongregazzjoni?

11 L-anzjani forsi jgħidulek li għandek bżonn tagħmel iktar bidliet qabel ma tkun tistaʼ tibda tipprietka mal-kongregazzjoni. Għala hu daqstant importanti li  tagħmel dawn il-bidliet? Għax meta nkellmu lil oħrajn dwar Alla, aħna nkunu qed nirrappreżentaw lil Ġeħova u għandna nkunu qed ngħixu b’tali mod li jġib unur lilu.—1 Korintin 6:9, 10; Galatin 5:19-21.

INDEM U DUR LURA

12. Għala kulħadd għandu bżonn jindem?

12 Hemm xi ħaġa oħra li trid tagħmel qabel ma tkun tistaʼ titgħammed. L-appostlu Pietru qal: “Għalhekk, indmu u duru lura sabiex dnubietkom jitħassrulkom.” (Atti 3:19) X’jiġifieri li nindmu? Ifisser li jiddispjaċina ħafna għal kwalunkwe ħażen li nkunu għamilna. Pereżempju, jekk int għext ħajja immorali sesswalment, imbagħad ikollok bżonn tindem. U anki jekk dejjem għamilt l-almu tiegħek biex tagħmel is-sewwa, xorta għandek bżonn tindem, għax ilkoll kemm aħna nidinbu u rridu nitolbu lil Alla għall-maħfra.—Rumani 3:23; 5:1.

13. Xi jfisser li ‘ddur lura’?

13 Huwa biżżejjed li sempliċement jiddispjaċik għal dak li għamilt? Le. Pietru qal li għandek bżonn ‘iddur lura.’ Dan ifisser li għandek twarrab kwalunkwe kondotta ħażina u tibda tagħmel dak li hu sewwa. Biex nagħtu eżempju, immaġina li sejjer f’ċertu post għall-ewwel darba. Wara ftit, int tinduna li kont qed issuq fid-direzzjoni l-ħażina. Kieku x’tagħmel? Bla dubju, int kieku tnaqqas, tieqaf, iddur lura, u mbagħad issuq fid-direzzjoni t-tajba. B’mod simili, hekk kif tistudja l-Bibbja, x’aktarx tinduna li hemm xi drawwiet jew affarijiet f’ħajtek li għandek bżonn tbiddel. Kun lest li ‘ddur lura’—jiġifieri, li tagħmel il-bidliet meħtiġin—u ibda agħmel dak li hu sewwa.

 AGĦMEL DEDIKAZZJONI PERSUNALI

Wegħedt int lil Ġeħova li se taqdih?

14. Kif tiddedika lilek innifsek lil Alla?

14 Pass importanti ieħor li għandek tagħmel qabel ma titgħammed hu li tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova. Meta tiddedika ruħek lil Ġeħova, int tgħid talba li fiha twiegħed li se tqim lilu biss u li se tagħmel ir-rieda tiegħu l-iktar ħaġa importanti f’ħajtek.—Dewteronomju 6:15.

15, 16. Xi jqanqal lil individwu biex jiddedika lilu nnifsu lil Alla?

15 Li twiegħed li se taqdi lil Ġeħova biss hu bħal meta twiegħed li se tqattaʼ l-kumplament taʼ ħajtek maʼ persuna li tħobb. Immaġina li raġel u mara qed joħorġu flimkien. Hekk kif ir-raġel isir jaf lill-mara aħjar, hu jsir iħobbha u jkun irid jiżżewwiġha. Għalkemm din hi deċiżjoni serja, ir-raġel hu lest li jaċċetta din ir-responsabbiltà għax iħobbha.

16 Hekk kif titgħallem dwar Ġeħova, int issir tħobbu u tkun trid tagħmel l-almu tiegħek biex taqdih. Dan se jqanqlek biex tgħid talba li fiha twiegħed li se taqdih. Il-Bibbja tgħid li kull min irid isegwi lil Ġesù jrid “jiċħad lilu nnifsu.” (Marku 8:34) Dan xi jfisser? Ifisser li tpoġġi l-ubbidjenza lejn Ġeħova l-ewwel f’ħajtek. Dak li jrid Ġeħova hu iktar importanti mix-xewqat u l-miri tiegħek.—Aqra l-1 Pietru 4:2.

TAĦSIBX LI MHUX SE JIRNEXXILEK TGĦIX FI QBIL MAD-DEDIKAZZJONI

17. Xi wħud għala ma jiddedikawx ruħhom lil Ġeħova?

17 Xi wħud ma jiddedikawx ruħhom lil Ġeħova għax jibżgħu li ma jistgħux iżommu l-wegħda tagħhom li jaqduh. Huma ma jridux jiddiżappuntaw lil  Ġeħova, jew forsi jirraġunaw li jekk ma jiddedikawx lilhom infushom lilu, mela Ġeħova mhux se jitlobhom kont għal dak li jagħmlu.

18. X’se jgħinek tegħleb kwalunkwe biżaʼ li tiddiżappunta lil Ġeħova?

18 L-imħabba tiegħek għal Ġeħova se tgħinek tegħleb kwalunkwe biżaʼ li tiddiżappuntah. Peress li tħobbu, int se tagħmel l-aħjar tiegħek biex iżżomm il-wegħda li għamiltlu. (Ekkleżjasti 5:4; Kolossin 1:10) Mhux se taħseb li hu diffiċli wisq biex tagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova. L-appostlu Ġwanni kiteb: “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”—1 Ġwanni 5:3.

19. Għala m’għandekx tibżaʼ tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova?

19 M’għandekx għalfejn tkun perfett biex tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova. Hu qatt ma jistenna li nagħmlu iktar milli nifilħu. (Salm 103:14) Hu se jgħinek tagħmel dak li hu sewwa. (Isaija 41:10) Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha, u “hu jiddrittalek triqatek.”—Proverbji 3:5, 6.

STQARRIJA PUBBLIKA GĦAS-SALVAZZJONI

20. Wara li tagħmel dedikazzjoni persunali lil Alla, xi jkun il-pass li jmiss?

20 Taħseb li int lest biex tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova? Wara li tkun iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova, int tkun lest għall-pass li jmiss. Li titgħammed.

21, 22. Kif tistaʼ tagħmel ‘stqarrija pubblika’ tal-fidi tiegħek?

21 Għid lill-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani fil-kongregazzjoni tiegħek li int iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova u li trid titgħammed. Imbagħad hu  se jirranġa biex xi anzjani jirrivedu xi tagħlim bażiku mill-Bibbja miegħek. Jekk jaqblu li int lest, huma se jgħidulek li tistaʼ titgħammed fl-assemblea jew il-konvenzjoni li jkun imiss tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Fl-assemblea, se jkun hemm taħdita li tispjega xi tfisser il-magħmudija. Il-kelliemi li jagħmel it-taħdita mbagħad se jistaqsi lil dawk li huma lesti biex  jitgħammdu żewġ mistoqsijiet sempliċi. Billi twieġeb dawn il-mistoqsijiet, int se tkun qed tagħmel ‘stqarrija pubblika’ tal-fidi tiegħek.—Rumani 10:10.

22 Imbagħad se titgħammed. Int se tiġi mgħaddas kompletament fl-ilma. Il-magħmudija se turi lil  kulħadd li int iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova u li issa int wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

DAK LI TIRRAPPREŻENTA L-MAGĦMUDIJA TIEGĦEK

23. Xi jfisser li titgħammed “fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis”?

23 Ġesù qal li d-dixxipli tiegħu kienu se jitgħammdu “fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis.” (Aqra Mattew 28:19.) Dan xi jfisser? Ifisser li tagħraf l-awtorità taʼ Ġeħova u l-irwol taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla, kif ukoll kif Alla juża l-ispirtu qaddis tiegħu biex iwettaq ir-rieda tiegħu.—Salm 83:18; Mattew 28:18; Galatin 5:22, 23; 2 Pietru 1:21.

Meta titgħammed, int turi li tixtieq tagħmel ir-rieda t’Alla

24, 25. (a) X’tirrappreżenta l-magħmudija? (b) X’se niddiskutu fl-aħħar kapitlu?

24 Il-magħmudija tirrappreżenta xi ħaġa importanti ħafna. Meta titniżżel taħt l-ilma, ifisser li int tkun tlaqt, jew abbandunajt, il-ħajja li kellek qabel. Meta titlaʼ mill-ilma, int se tibda ħajja ġdida li fiha tagħmel ir-rieda t’Alla. Turi li minn dakinhar ’il quddiem int se taqdi lil Ġeħova. Ftakar li int ma ddedikajtx lilek innifsek lil xi bniedem, organizzazzjoni, jew xogħol. Int iddedikajt ruħek lil Ġeħova.

25 Id-dedikazzjoni tiegħek se tgħinek tiżviluppa ħbiberija mill-qrib m’Alla. (Salm 25:14) Dan ma jfissirx li individwu se jiġi salvat sempliċement għax jitgħammed. L-appostlu Pawlu kiteb: “Ibqgħu wettqu s-salvazzjoni tagħkom bil-biżaʼ u t-tregħid.” (Filippin 2:12) Il-magħmudija hi biss il-bidu. Imma kif tistaʼ tibqaʼ qrib taʼ Ġeħova? L-aħħar kapitlu f’dan il-ktieb se jwieġeb din il-mistoqsija.