Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU TNEJN

Il-Bibbja—Ktieb mingħand Alla

Il-Bibbja—Ktieb mingħand Alla

1, 2. Il-Bibbja għala hi rigal mill-isbaħ mingħand Alla?

KIF tħossok meta ħabib tiegħek jagħtik xi rigal li ma kontx qed tistennieh? Ikollok ġenn biex tiftħu, u tkun ferħan li ħaseb fik. Lill-ħabib tiegħek tirringrazzjah tar-rigal.

2 Il-Bibbja hi rigal mingħand Alla. Tagħtina informazzjoni li ma nistgħu nsibuha mkien iktar. Pereżempju, tgħidilna li Alla ħalaq is-smewwiet, l-art, u l-ewwel raġel u mara. Tagħtina prinċipji li jistgħu jgħinuna meta niffaċċjaw xi problema. Fil-Bibbja, nitgħallmu kif Alla se jwettaq l-iskop tiegħu li jagħmel l-art post aħjar. Il-Bibbja hi rigal mill-isbaħ!

3. X’se titgħallem hekk kif tistudja l-Bibbja?

3 Hekk kif tistudja l-Bibbja, int se ssir taf li Alla jridek tkun il-ħabib tiegħu. Iktar ma titgħallem dwaru, iktar se tissaħħaħ il-ħbiberija tiegħek miegħu.

4. X’jimpressjonak dwar il-Bibbja?

4 Il-Bibbja ġiet tradotta f’madwar 2,800 lingwa, u ġew stampati biljuni taʼ kopji. Iktar minn 90 fil-mija tan-nies madwar id-dinja jistgħu jaqraw il-Bibbja bil-lingwa tagħhom stess. U kull ġimgħa, iktar minn miljun ruħ jakkwistaw Bibbja! Iva, m’hemm ebda ktieb ieħor bħall-Bibbja.

5. Għala nistgħu ngħidu li l-Bibbja hi “mnebbħa minn Alla”?

5 Il-Bibbja hi “mnebbħa minn Alla.” (Aqra  t-2 Timotju 3:16.) Imma xi wħud għandhom mnejn jistaqsu, ‘Il-Bibbja nkitbet mill-bnedmin, allura kif jistaʼ jkun li ġejja mingħand Alla?’ Il-Bibbja twieġeb: “Xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew [jew, ġew gwidati] mill-ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:21) Dan hu simili għal meta negozjant jgħid lis-segretarju tiegħu biex jikteb ittra. Min hu l-awtur tal-ittra? Huwa n-negozjant u mhux is-segretarju. Bl-istess mod, l-awtur tal-Bibbja hu Alla u mhux l-irġiel li uża biex jiktbuha. Alla ggwidahom biex jiktbu l-ħsibijiet tiegħu. Il-Bibbja tassew hi “l-kelma t’Alla.”—1 Tessalonikin 2:13, ara n-Nota fl-aħħar numru 2.

It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa hi disponibbli f’ħafna lingwi

 IL-BIBBJA HI EŻATTA

6, 7. Għala nistgħu ngħidu li m’hemmx nuqqas taʼ qbil fil-Bibbja?

6 Il-Bibbja nkitbet matul perijodu taʼ iktar minn 1,600 sena. Il-kittieba tagħha għexu fi żminijiet differenti. Xi wħud kienu taʼ skola u oħrajn ma kinux. Pereżempju, wieħed minnhom kien tabib. Oħrajn kienu bdiewa, sajjieda, ragħajja, profeti, imħallfin, u slaten. Għalkemm kien hemm kittieba differenti, m’hemmx nuqqas taʼ qbil f’dak li kitbu. Ma nsibux xi ħaġa miktuba f’kapitlu u mbagħad f’kapitlu ieħor insibu l-kontra. *

7 L-ewwel kapitli tal-Bibbja jispjegaw kif bdew il-problemi tad-dinja, u l-aħħar kapitli jgħidulna kif Alla se jsolvi dawn il-problemi billi jbiddel id-dinja f’ġenna tal-art. Il-Bibbja tkopri eluf taʼ snin tal-istorja umana u turi li l-iskop t’Alla dejjem jitwettaq.

8. Agħti xi eżempji li juru li l-Bibbja hija eżatta xjentifikament.

8 Il-Bibbja ma nkitbitx biex tgħallem ix-xjenza jew biex tkun xi ktieb tal-iskola, imma dak li tgħid dwar affarijiet xjentifiċi dejjem hu eżatt. Hekk nistennew minn ktieb li ġej mingħand Alla. Pereżempju, il-ktieb tal-Levitiku fih l-istruzzjonijiet t’Alla dwar kif l-Iżraelin setgħu jwaqqfu l-mard milli jinfirex. Dan inkiteb ħafna qabel ma n-nies kienu jafu kif il-batterji u l-virus jikkaġunaw il-mard. Il-Bibbja tgħallem ukoll li d-dinja hi mdendla fuq ix-xejn. (Ġob 26:7) U meta l-biċċa l-kbira min-nies kienu jaħsbu li l-art hija ċatta, il-Bibbja qalet li hi tonda.—Isaija 40:22.

9. X’tgħinna nifhmu l-onestà tal-kittieba tal-Bibbja?

 9 Meta l-Bibbja titkellem dwar l-istorja, dejjem tkun eżatta. Imma ħafna kotba tal-istorja mhumiex eżatti għalkollox għax il-kittieba ma kinux onesti. Pereżempju, mhux dejjem kitbu dwar meta l-ġens tagħhom tilef xi battalja. Għall-kuntrarju, il-kittieba tal-Bibbja kienu onesti, anki meta ġens ieħor rebaħ lill-Iżrael. Kitbu wkoll dwar l-iżbalji tagħhom stess. Pereżempju, fil-ktieb tan-Numri, Mosè jgħidilna li żbalja bl-ikrah u li Alla kellu jiddixxiplinah minħabba f’hekk. (Numri 20:2-12) L-onestà tal-kittieba tal-Bibbja turi li l-Bibbja ġejja mingħand Alla. Dan ifisser li jistaʼ jkollna fiduċja fil-Bibbja.

KTIEB MIMLI PARIRI TAJBIN

10. Il-pariri tal-Bibbja għala huma t’għajnuna għalina llum?

10 Il-Bibbja hi “mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, [u] tikkoreġi.” (2 Timotju 3:16) Iva, il-pariri tal-Bibbja huma t’għajnuna għalina llum. Ġeħova jaf kif aħna magħmulin, allura hu jifhem kif naħsbu u nħossuna. Hu jafna aħjar milli nafu lilna nfusna, u jridna nkunu ferħanin. Hu jaf x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin għalina.

11, 12. (a) Ġesù liema pariri tajbin ta f’Mattew kapitli 5 sa 7? (b) X’nistgħu nitgħallmu iktar mill-Bibbja?

11 F’Mattew kapitli 5 sa 7, aħna nsibu pariri tajbin ħafna li Ġesù ta dwar kif inkunu ferħanin, kif ningwalawha m’oħrajn, kif għandna nitolbu, u kif għandna nqisu l-flus. Dawn il-pariri, għalkemm intqalu 2,000 sena ilu, għadhom japplikaw u huma utli llum.

 12 Fil-Bibbja, Ġeħova jgħallimna wkoll prinċipji li jgħinuna jkollna ħajja tal-familja aħjar, inkunu ħaddiema tajbin, u ngħixu fil-paċi m’oħrajn. Il-prinċipji tal-Bibbja dejjem jistgħu jgħinuna, aħna min aħna, ngħixu fejn ngħixu, jew ikollna liema problema jkollna.—Aqra Isaija 48:17; ara n-Nota fl-aħħar numru 3.

TISTAʼ TAFDA L-PROFEZIJI TAL-BIBBJA

Il-kittieb Bibliku Isaija bassar li Babilonja kienet se tiġi megħluba

13. Isaija x’qal li kien se jiġrilha l-belt taʼ Babilonja?

13 Ħafna profeziji tal-Bibbja diġà twettqu. Pereżempju, Isaija pprofetizza li Babilonja kienet se tinqered. (Isaija 13:19) Hu ddeskriva eżattament kif il-belt kienet se tiġi megħluba. Il-belt kienet protetta minn bibien kbar u xmara. Imma Isaija bassar li x-xmara kienet se tinxef u li l-bibien kienu se jitħallew miftuħin. L-attakkanti kienu se jieħdu l-belt taħt idejhom mingħajr ġlieda. Isaija saħansitra pprofetizza li raġel jismu Ċiru kien se jegħleb lil Babilonja.—Aqra Isaija 44:27–45:2; ara n-Nota fl-aħħar numru 4.

14, 15. Il-profezija taʼ Isaija kif twettqet?

14 Mitejn sena wara li nkitbet il-profezija, waslet armata lesta biex tattakka lil Babilonja. Min kien qed imexxi lill-armata? Sewwasew bħalma kien profetizzat, kien Ċiru, is-sultan tal-Persja. Imma kien se jirnexxilha l-armata taʼ Ċiru tinvadi lil Babilonja, kif kien bassar il-profeta Isaija?

15 Fil-lejl li fih sar l-attakk, il-Babiloniżi kienu qed jagħmlu festa. Huma ħassewhom fis-sigurtà għax kienu mdawrin bi swar enormi u xmara. Barra l-belt, Ċiru u l-armata tiegħu ħaffru kanal biex ibaxxu  l-livell tal-ilma tax-xmara. L-ilma tbaxxa biżżejjed biex is-suldati Persjani jkunu jistgħu jgħaddu minnha. Imma l-armata kif kienet se tgħaddi mis-swar taʼ Babilonja? Sewwasew bħalma qalet il-profezija, il-bibien tal-belt tħallew miftuħin, allura s-suldati ħadu l-belt taħt idejhom mingħajr ġlieda.

16. (a) Isaija xi pprofetizza dwar il-futur taʼ Babilonja? (b) Kif nafu li l-profezija taʼ Isaija twettqet?

 16 Isaija pprofetizza li maż-żmien ħadd ma kien se jerġaʼ jgħix ġewwa Babilonja. Hu kiteb: “Qatt ma se tkun abitata, u minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni ma jkunx hemm iktar post għaliha.” (Isaija 13:20) Seħħet din il-profezija? Fil-post fejn qabel kienet Babilonja, madwar 80 kilometru ’l bogħod min-Nofsinhar taʼ Bagdad, l-Iraq, hemm biss fdalijiet. Anki llum, ħadd ma jgħix hemmhekk. Ġeħova kines lil Babilonja “bl-ixkupa tal-qerda,” jiġifieri qeridha.—Isaija 14:22, 23. *

Il-fdalijiet taʼ Babilonja

17. Għala nistgħu nafdaw il-wegħdi kollha t’Alla?

17 Il-fatt li tant profeziji tal-Bibbja diġà twettqu jfisser li nistgħu nafdaw dak li l-Bibbja tgħid dwar il-futur. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jżomm  il-wegħda tiegħu li l-art jagħmilha ġenna. (Aqra Numri 23:19.) Iva, aħna għandna t-tama ‘tal-ħajja taʼ dejjem, li Alla, li ma jistax jigdeb, wiegħed żmien twil ilu.’—Titu 1:2. *

IL-BIBBJA TISTAʼ TBIDDILLEK ĦAJTEK

18. Pawlu kif jiddeskrivi “l-kelma t’Alla”?

18 Aħna tgħallimna li m’hemmx ktieb ieħor bħall-Bibbja. Ma fihiex nuqqas taʼ qbil, u meta titkellem dwar affarijiet xjentifiċi jew storiċi, dejjem tkun eżatta. Tagħtina wkoll pariri tajbin u fiha ħafna profeziji li diġà twettqu. Imma l-Bibbja tagħmel saħansitra iktar minn hekk. L-appostlu Pawlu kiteb: “Il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.” Dan xi jfisser?—Aqra Ebrej 4:12.

19, 20. (a) Il-Bibbja kif tistaʼ tgħinek issir taf min int? (b) Kif tistaʼ turi li int grat għall-Bibbja?

19 Il-Bibbja tistaʼ tbiddillek ħajtek. Tistaʼ tgħinek issir taf min int tassew. Tistaʼ tgħinek tifhem il-ħsibijiet u s-sentimenti ġewwinin tiegħek. Pereżempju, aħna forsi naħsbu li nħobbu lil Alla. Imma biex nagħtu prova li nħobbuh, irridu napplikaw dak li tgħid il-Bibbja.

20 Il-Bibbja verament hi ktieb mingħand Alla. Hu jridek taqraha, tistudjaha, u tħobbha. Kun grat għal dan ir-rigal, u ibqaʼ studjaha. Imbagħad se tifhem l-iskop t’Alla għall-bnedmin. Fil-kapitlu li jmiss se nitgħallmu iktar dwar dan l-iskop.

^ par. 6 Xi nies jgħidu li l-Bibbja daqqa tgħid ħaġa u daqqa tgħid oħra, imma dan mhux minnu. Ara kapitlu 7 tal-ktieb Il-Bibbja—Il-Kelma t’Alla jew tal-Bniedem? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 16 Jekk tixtieq titgħallem iktar dwar il-profeziji tal-Bibbja, tistaʼ taqra paġni 27-29 tal-browxer Ktieb Għan-Nies Kollha, ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 17 Il-qerda taʼ Babilonja hi biss profezija Biblika waħda li seħħet. Tistaʼ ssib informazzjoni dwar profeziji konnessi maʼ Ġesù Kristu fin-Nota fl-aħħar numru 5.