Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU DISGĦA

Id-dinja dalwaqt se tispiċċa?

Id-dinja dalwaqt se tispiċċa?

1. Fejn nistgħu nsiru nafu x’se jiġri fil-futur?

ĠIELI rajt l-aħbarijiet u ħsibt, ‘Jistgħu l-affarijiet imorru għall-agħar?’ Tant hawn traġedji u krudeltà li xi nies jemmnu li d-dinja bilfors li waslet biex tispiċċa. Huwa minnu dan? Hemm xi mod kif nistgħu nkunu nafu x’se jiġri fil-futur? Iva. Għalkemm il-bnedmin ma jistgħux jgħidu x’se jiġri, Alla Ġeħova jistaʼ. Fil-Bibbja, hu jgħidilna dwar il-futur tagħna u dwar dak tal-art.—Isaija 46:10; Ġakbu 4:14.

2, 3. Id-dixxipli taʼ Ġesù x’riedu jkunu jafu, u Ġesù kif wiġibhom?

2 Meta l-Bibbja titkellem dwar it-tmiem tad-dinja, ma tkunx qed tirreferi għat-tmiem tal-pjaneta Art, imma għat-tmiem tal-ħażen. Ġesù għallem lin-nies li s-Saltna t’Alla kienet se tirrenja għal fuq l-art. (Luqa 4:43) Id-dixxipli tiegħu riedu jkunu jafu meta kienet se tiġi s-Saltna t’Alla, u staqsew lil Ġesù: “Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema?” (Mattew 24:3) Ġesù ma tahomx id-data preċiża, imma qalilhom x’kien se jiġri eżatt qabel ma tispiċċa din id-dinja. Dak li Ġesù qal li kellu jiġri, qed jiġri issa stess.

3 F’dan il-kapitlu se niddiskutu evidenza li qed ngħixu fiż-żmien eżatt qabel tmiem id-dinja. L-ewwel, irridu nitgħallmu dwar gwerra li seħħet fis-sema biex inkunu nistgħu nifhmu għala l-affarijiet huma daqstant ħżiena hawnhekk fuq l-art.

 GWERRA FIS-SEMA

4, 5. (a) X’ġara fis-sema ftit wara li Ġesù sar Sultan? (b) Skont Rivelazzjoni 12:12, x’kellu jiġri fuq l-art wara li Satana jitwaddab għal isfel?

4 F’Kapitlu 8 tgħallimna li fl-1914 Ġesù sar Sultan fis-sema. (Danjel 7:13, 14) Il-ktieb tar-Rivelazzjoni jgħidilna x’ġara: “Faqqgħet gwerra fis-sema: Mikiel [jiġifieri, Ġesù] u l-anġli tiegħu tqabdu mad-dragun [Satana], u d-dragun u l-anġli tiegħu tqabdu.” * Satana u d-demonji tiegħu tilfu l-gwerra u twaddbu ’l isfel lejn l-art. Immaġina l-ferħ li ħassew l-anġli! Imma xi ngħidu għan-nies fuq l-art? Il-Bibbja tgħid li dan kellu jkun żmien taʼ inkwiet għall-umanità. Għala? Għax ix-Xitan hu indannat, “għax jaf li żmien qasir baqagħlu.”—Rivelazzjoni 12:7, 9, 12.

5 Ix-Xitan qed jaqlaʼ kemm jistaʼ jkun inkwiet fuq l-art. Hu rrabjat ħafna għax fadallu biss ftit żmien qabel ma Alla jwaqqaf l-attivitajiet taʼ Satana fuq l-art. Ejja neżaminaw dak li Ġesù qal li se jiġri matul l-aħħar jiem.—Ara n-Nota fl-aħħar numru 24.

L-AĦĦAR JIEM

6, 7. X’nistgħu ngħidu dwar il-gwerer u l-ġuħ illum?

6 Gwerer. Ġesù qal: “Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna.” (Mattew 24:7) Iktar inqatlu nies fi gwerer fi żmienna milli fi kwalunkwe żmien ieħor fl-istorja. Rapport wieħed mill-Worldwatch Institute juri li mill-1914 ’il quddiem, il-gwerer qatlu iktar  minn 100 miljun ruħ. Matul il-100 sena bejn is-sena 1900 u s-sena 2000 fil-gwerer inqatlu tliet darbiet iktar nies milli nqatlu matul l-1,900 sena taʼ qabel. Immaġina ftit in-niket u l-uġigħ li ħassew miljuni taʼ nies minħabba l-gwerer!

7 Ġuħ. Ġesù qal: “Ikun hemm nuqqas taʼ ikel.” (Mattew 24:7) Avolja issa hemm iktar ikel minn qatt qabel, ħafna nies qatt ma jkollhom biżżejjed x’jieklu. Għala? Għax m’għandhomx biżżejjed flus biex jixtru l-ikel jew biżżejjed art fejn ikabbru l-ikel. Iktar minn biljun ruħ iridu jgħixu b’inqas minn ewro kuljum. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tgħid li kull sena jmutu miljuni taʼ tfal, l-aktar minħabba li m’għandhomx biżżejjed ikel biex jibqgħu f’saħħithom.

8, 9. X’juri li qed iseħħu l-profeziji taʼ Ġesù dwar it-terremoti u l-mard?

8 Terremoti. Ġesù pprofetizza: “Ikun hemm terremoti kbar.” (Luqa 21:11) Issa kull sena jkun mistenni li jseħħu  ħafna terremoti qawwijin. Mis-sena 1900 ’l hawn, mietu iktar minn żewġ miljun ruħ minħabba t-terremoti. U għalkemm it-teknoloġija qed tgħin biex in-nies ikunu jafu minn qabel li ġej terremot, xorta għadhom imutu ħafna nies.

9 Mard. Ġesù bassar li kellu jkun hawn “mard li jittieħed.” Mard perikoluż kellu jinfirex malajr u joqtol lil ħafna. (Luqa 21:11) Avolja t-tobba tgħallmu kif ifejqu ħafna mard, xorta hemm xi mard li m’hemmx kura għalih. Infatti, rapport wieħed jispjega li kull sena, miljuni taʼ nies imutu minħabba mard bħat-tuberkulosi, il-malarja, u l-kolera. Mhux hekk biss, imma t-tobba sabu 30 marda ġdida, u xi wħud minnhom m’hemmx kura għalihom.

KIF KELLHOM IKUNU N-NIES FL-AĦĦAR JIEM

10. Illum kif qed jitwettaq il-kliem tat-2 Timotju 3:1-5?

10 Fit-2 Timotju 3:1-5, il-Bibbja tgħid: “Fl-aħħar jiem  ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” L-appostlu Pawlu ddeskriva kif ħafna nies kellhom iġibu ruħhom matul l-aħħar jiem. Hu qal li n-nies kienu se

  • jkunu egoisti

  • jħobbu l-flus

  • jkunu diżubbidjenti lejn il-ġenituri

  • jkunu żleali

  • juru nuqqas t’affezzjoni lejn il-familja

  • jkunu bla rażan

  • jkunu vjolenti u aggressivi

  • jħobbu l-pjaċiri iktar milli jħobbu lil Alla

  • jagħmlu tabirruħhom li jħobbu lil Alla imma ma jobduhx

11. Skont Salm 92:7, x’se jiġri lin-nies mill-agħar?

11 Fejn tgħix int, hemm ħafna nies li jaġixxu hekk? Mad-dinja kollha, ħafna jġibu ruħhom b’dan il-mod. Imma Alla dalwaqt se jieħu azzjoni. Hu jwiegħed: “Meta n-nies mill-agħar jinbtu bħall-ħaxix u dawk kollha li jipprattikaw  il-ħsara jiffjorixxu, dan ikun biex jinqerdu għal dejjem.”—Salm 92:7.

AĦBAR TAJBA FL-AĦĦAR JIEM

12, 13. Ġeħova x’għallimna matul l-aħħar jiem?

12 Il-Bibbja bassret li matul l-aħħar jiem, id-dinja kienet se tkun mimlija wġigħ u tbatija. Imma l-Bibbja tgħid ukoll li kellhom iseħħu affarijiet tajbin.

“Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha.”—Mattew 24:14

13 Ħafna wħud kellhom jifhmu l-Bibbja. Il-profeta Danjel kiteb dwar l-aħħar jiem. Hu qal: “L-għarfien veru jkun abbundanti.” (Danjel 12:4) Alla kien se jagħti lill-poplu tiegħu l-abbiltà li jifhmu l-Bibbja aħjar minn qatt qabel. Ġeħova għamel dan speċjalment mill-1914 ’l hawn. Pereżempju, hu għallimna l-importanza t’ismu u l-iskop tiegħu għall-art kif ukoll il-verità dwar il-fidwa, x’jiġrilna meta mmutu, u l-irxoxt. Tgħallimna li s-Saltna t’Alla biss tistaʼ ssolvi l-problemi kollha tagħna. Tgħallimna wkoll kif inkunu ferħanin u kif ngħixu b’mod li jogħġob lil Alla. Imma l-qaddejja t’Alla x’jagħmlu b’dak li jkunu tgħallmu? Profezija oħra tagħtina t-tweġiba.—Ara n-Nota fl-aħħar numru 21 u 25.

14. L-aħbar tajba tas-Saltna fejn qed tiġi pritkata, u min qed jagħmel dan ix-xogħol?

14 Ix-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja. Rigward l-aħħar jiem, Ġesù qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha.” (Mattew 24:3, 14) L-aħbar tajba tas-Saltna qed tiġi pritkata f’iktar minn 230 pajjiż u b’iktar minn 700 lingwa. Iva, madwar id-dinja kollha, ix-Xhieda taʼ Ġeħova minn “kull ġens u tribù” qed jgħinu lin-nies jifhmu x’inhi  s-Saltna u x’se tagħmel għall-umanità. (Rivelazzjoni 7:9) U dan jagħmluh bla ħlas. Għalkemm ħafna jobogħduhom u jippersegwitawhom, xejn ma jistaʼ jwaqqaf ix-xogħol tal-ippritkar, eżatt kif ipprofetizza Ġesù.—Luqa 21:17.

INT X’SE TAGĦMEL?

15. (a) Temmen int li qed ngħixu fl-aħħar jiem, u għala? (b) X’se jiġri minn dawk li jobdu lil Ġeħova u minn dawk li ma jobduhx?

15 Temmen int li qed ngħixu fl-aħħar jiem? Qed jitwettqu ħafna profeziji tal-Bibbja dwar l-aħħar jiem. Ġeħova dalwaqt se jiddeċiedi li jwaqqaf l-ippritkar tal-aħbar tajba, u mbagħad se jiġi “t-tmiem.” (Mattew 24:14) X’inhu t-tmiem? Dan hu Armageddon, meta Alla se jneħħi l-ħażen kollu. Ġeħova se juża lil Ġesù u lill-anġli setgħanin tiegħu biex jeqirdu lil kull min jirrifjuta li jobdi Lilu u lil Ibnu. (2 Tessalonikin 1:6-9) Wara dan, Satana u d-demonji tiegħu mhux se jkomplu jqarrqu bin-nies. U dawk kollha li jridu jobdu lil Alla u jaċċettaw is-Saltna tiegħu se jaraw it-twettiq taʼ kull wegħda li għamel Alla.—Rivelazzjoni 20:1-3; 21:3-5.

16. Peress li t-tmiem hu tant fil-qrib, x’għandek bżonn tagħmel?

16 Din id-dinja maħkuma minn Satana dalwaqt se tispiċċa. Allura huwa importanti ferm li nistaqsu lilna nfusna, ‘X’għandi bżonn nagħmel?’ Ġeħova jridek titgħallem kemm tistaʼ mill-Bibbja. L-istudju tiegħek trid tieħdu bis-serjetà. (Ġwanni 17:3) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jkollhom laqgħat kull ġimgħa biex jgħinu lin-nies jifhmu l-Bibbja. Ipprova attendi dawn il-laqgħat regolarment. (Aqra Ebrej 10:24, 25.) Jekk  tinduna li trid tagħmel xi bidliet, tibżax tagħmilhom. Hekk kif tagħmel dawn il-bidliet, il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova se tissaħħaħ.—Ġakbu 4:8.

17. It-tmiem għala se jkun taʼ sorpriża għall-biċċa l-kbira min-nies?

17 L-appostlu Pawlu spjega li l-qerda taʼ dawk mill-agħar se tiġi meta l-biċċa l-kbira min-nies ma jkunux qed jistennewha, “bħal ħalliel bil-lejl.” (1 Tessalonikin 5:2) Ġesù pprofetizza li ħafna kienu se jagħżlu li jinjoraw l-evidenza li qed ngħixu fl-aħħar jiem. Hu qal: “Bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem [jew, l-aħħar jiem]. Għax bħalma f’dawk il-jiem qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-żwieġ, sal-jum li Noè daħal fl-arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem.”—Mattew 24:37-39.

18. Ġesù liema twissija tana?

18 Ġesù wissa li m’għandniex niġu aljenati “b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-ħajja.” Hu qal li t-tmiem se jiġi għal għarrieda, “bħal nassa.” Hu qal ukoll li se “jiġi fuq dawk kollha li jgħixu fuq wiċċ l-art kollha.” Imbagħad żied jgħid: “Għalhekk, ibqgħu mqajmin u itolbu bil-ħerqa l-ħin kollu biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.” (Luqa 21:34-36) Għala hu daqstant importanti li nagħtu kas it-twissija taʼ Ġesù? Għax id-dinja mill-agħar taʼ Satana dalwaqt se tiġi meqruda, u dawk biss li għandhom l-approvazzjoni taʼ Ġeħova u Ġesù se jibqgħu ħajjin u jgħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida.—Ġwanni 3:16; 2 Pietru 3:13.

^ par. 4 Mikiel hu isem ieħor għal Ġesù Kristu. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara n-Nota fl-aħħar numru 23.