Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU ĦAMSA

Il-fidwa—L-aqwa rigal mingħand Alla

Il-fidwa—L-aqwa rigal mingħand Alla

1, 2. (a) X’inhu li jagħmlu prezzjuż rigal? (b) Il-fidwa għala hi l-aqwa rigal mingħand Alla?

X’INHU l-aqwa rigal li qatt irċivejt? Rigal m’għandux għalfejn iqum ħafna flus biex ikun prezzjuż għalik. Meta rigal jagħmlek ferħan jew ikun xi ħaġa li tassew għandek bżonn, int tapprezzah.

2 Mir-rigali kollha li tana Alla, hemm wieħed li għandna bżonnu iktar minn kull ħaġa oħra. Hu l-aqwa rigal li Alla ta lill-bnedmin. F’dan il-kapitlu, se nitgħallmu li Ġeħova bagħat lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex aħna nkunu nistgħu ngħixu għal dejjem. (Aqra Mattew 20:28.) Billi bagħat lil Ġesù fuq l-art bħala fidwa, Ġeħova wera li tassew iħobbna.

X’INHI L-FIDWA?

3. Il-bnedmin għala jmutu?

3 Il-fidwa hi l-mezz li juża Ġeħova biex jeħles lill-bnedmin mid-dnub u l-mewt. (Efesin 1:7) Biex nifhmu għala neħtieġu l-fidwa, hemm bżonn inkunu nafu x’ġara eluf taʼ snin ilu fil-ġnien tal-Għeden. L-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, dinbu. Minħabba li dinbu, huma mietu. Aħna wkoll immutu għaliex writna d-dnub mingħand Adam u Eva.—Ara n-Nota fl-aħħar numru 9.

4. Min kien Adam, u x’kellu?

4 Meta Ġeħova ħalaq lill-ewwel raġel, Adam, Hu  tah xi ħaġa prezzjuża ferm. Hu ta lil Adam ħajja umana perfetta, jiġifieri kellu moħħ perfett u ġisem perfett. Hu qatt ma kien se jimrad, qatt ma kien se jixjieħ, u qatt ma kien se jmut. Peress li Ġeħova ħalaq lil Adam, Hu kien bħal missier għalih. (Luqa 3:38) Ġeħova spiss kien jitkellem miegħu. Alla spjega lil Adam b’mod ċar x’kien jistenna mingħandu u tah xogħol pjaċevoli x’jagħmel.—Ġenesi 1:28-30; 2:16, 17.

5. Xi jfisser meta l-Bibbja tgħid li Adam ġie maħluq “fix-xbieha t’Alla”?

5 Adam ġie maħluq “fix-xbieha t’Alla.” (Ġenesi 1:27) Ġeħova tah kwalitajiet bħal Tiegħu stess, fosthom l-imħabba, l-għerf, il-ġustizzja, u l-qawwa. Lil Adam tah il-libertà tal-għażla. Adam ma kienx xi robot. Alla ħalqu biex ikun jistaʼ jagħżel jekk jagħmilx it-tajjeb jew il-ħażin. Li kieku Adam għażel li jobdi lil Alla, hu setaʼ jgħix għal dejjem f’Ġenna tal-art.

6. (a) Meta Adam kien diżubbidjenti lejn Alla, x’tilef? (b) Dan kif jeffettwa lilna?

6 Meta kien diżubbidjenti lejn Alla u ġie kundannat għall-mewt, lil Adam swielu ħafna. Hu tilef il-ħbiberija speċjali li kellu maʼ Ġeħova, il-ħajja perfetta tiegħu, u l-ġnien mill-isbaħ li kien jgħix fih. (Ġenesi 3:17-19) Adam u Eva għażlu li ma jobdux lil Alla, allura ma kellhom l-ebda tama. Minħabba dak li għamel Adam, “id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Meta Adam dineb, hu ‘biegħ’ lilu nnifsu u lilna fil-jasar tad-dnub u l-mewt. (Rumani 7:14) Hemm xi tama għalina? Iva, hemm.

7, 8. X’inhi fidwa?

 7 X’inhi fidwa? Fidwa bażikament tistaʼ tfisser żewġ affarijiet. L-ewwel, fidwa hi l-prezz li jitħallas biex xi ħadd jiġi meħlus jew biex tinxtara xi ħaġa lura. It-tieni, fidwa hi l-prezz li jkopri l-ammont taʼ kemm tkun tiswa xi ħaġa.

8 Ebda bniedem ma setaʼ jpatti għall-ħsara kbira li kkaġuna Adam meta dineb u ġab il-mewt fuqna. Imma Ġeħova pprovda l-mezz biex jeħlisna mid-dnub u l-mewt. Ejja nitgħallmu kif taħdem il-fidwa u kif nistgħu nibbenefikaw minnha.

KIF ĠEĦOVA PPROVDA L-FIDWA

9. Il-fidwa kif setgħet titħallas?

9 Ħadd minna ma jistaʼ qatt iħallas il-fidwa għall-ħajja perfetta li tilfilna Adam. Għala le? Għax ilkoll kemm aħna imperfetti. (Salm 49:7, 8) Il-fidwa li kellha titħallas kienet ħajja umana perfetta oħra. Għalhekk tissejjaħ “fidwa ekwivalenti.” (1 Timotju 2:6) Il-fidwa kellu jkollha l-istess valur tal-ħajja li tilef Adam.

10. Ġeħova kif ipprovda l-fidwa?

10 Ġeħova kif ipprovda l-fidwa? Ġeħova bagħat lil Ibnu l-għażiż fuq l-art. Dan l-Iben, Ġesù, kien l-ewwel ħolqien tiegħu. (1 Ġwanni 4:9, 10) Ġesù kien lest li jitlaq lil Missieru u d-dar tiegħu fis-sema. (Filippin 2:7) Ġeħova ttrasferixxa lil Ġesù mis-sema għal fuq l-art, u Ġesù twieled bħala bniedem perfett, mingħajr dnub.—Luqa 1:35.

Ġeħova ta lil Ibnu l-għażiż bħala fidwa għalina

11. Raġel wieħed kif setaʼ jkun il-fidwa għall-bnedmin kollha?

11 L-ewwel raġel, Adam, tellef il-ħajja perfetta lill-bnedmin  kollha meta m’obdiex lil Ġeħova. Setaʼ raġel ieħor ineħħi l-mewt minn fuq l-ulied kollha t’Adam? Iva. (Aqra Rumani 5:19.) Ġesù, li qatt ma dineb, ta l-ħajja perfetta tiegħu bħala l-fidwa. (1 Korintin 15:45) Il-ħajja perfetta tiegħu setgħet tintuża biex tneħħi l-mewt minn fuq l-ulied kollha t’Adam.—1 Korintin 15:21, 22.

12. Ġesù għala kellu jbati daqstant?

12 Il-Bibbja tiddeskrivi kemm Ġesù bata qabel ma miet. Hu ġie msawwat bil-krudeltà, imsammar maʼ zokk tat-tortura, u mġiegħel jissaporti mewta bil-mod u taʼ wġigħ. (Ġwanni 19:1, 16-18, 30) Ġesù għala kellu jbati daqstant? Għax Satana sostna li ebda bniedem ma kien se jkun leali lejn Alla jekk jiġi mġarrab bl-aħrax. Ġesù wera li bniedem perfett jistaʼ jibqaʼ leali lejn Alla anki jekk ibati b’mod estrem. Immaġina kemm Ġeħova ħassu kburi b’Ġesù!—Proverbji 27:11; ara n-Nota fl-aħħar numru 15.

13. Il-fidwa kif tħallset?

13 Il-fidwa kif tħallset? Ġesù ta lil Missieru l-valur taʼ ħajtu. Fl-14 taʼ Nisan tas-sena 33, skont il-kalendarju Lhudi, Ġeħova ħalla lill-għedewwa taʼ Ġesù joqtluh. (Ebrej 10:10) Tlett ijiem wara dan, Ġeħova qajjem lil Ġesù mill-mewt bħala spirtu u mhux bħala bniedem. Iktar tard, meta Ġesù mar lura ħdejn Missieru fis-sema, hu ta l-valur tal-ħajja umana perfetta tiegħu lil Ġeħova bħala l-fidwa. (Ebrej 9:24) Issa li l-fidwa tħallset, aħna għandna l-opportunità li niġu meħlusin mid-dnub u l-mewt.—Aqra Rumani 3:23, 24.

 KIF INT TISTAʼ TIBBENEFIKA MILL-FIDWA

14, 15. Xi rridu nagħmlu biex dnubietna jiġu maħfurin?

14 Aħna diġà nibbenefikaw mill-aqwa rigal mingħand Alla. Ejja naraw kif nibbenefikaw issa u kif se nibbenefikaw fil-futur.

15 Dnubietna jiġu maħfurin. Hu diffiċli għalina biex dejjem nagħmlu s-sewwa. Aħna niżbaljaw, u kultant ngħidu u nagħmlu dak li hu ħażin. (Kolossin 1:13, 14) Kif nistgħu ningħataw il-maħfra? Għandu jiddispjaċina verament minn dak li għamilna u bl-umiltà nitolbu lil Ġeħova biex jaħfrilna. Imbagħad nistgħu nkunu fiduċjużi li dnubietna jkunu ġew maħfurin.—1 Ġwanni 1:8, 9.

16. Xi rridu nagħmlu biex ikollna kuxjenza tajba?

16 Jistaʼ jkollna kuxjenza tajba. Jekk il-kuxjenza tagħna tgħidilna li għamilna xi ħaġa ħażina, aħna nħossuna ħatjin, forsi saħansitra nħossuna bla tama u li ma niswew għalxejn. Imma m’għandniex għalfejn naqtgħu qalbna. Jekk nitolbu lil Ġeħova bil-ħerqa għall-maħfra, nistgħu nkunu ċerti li hu se jismagħna u jaħfrilna. (Ebrej 9:13, 14) Ġeħova jridna nkellmuh dwar kull problema u dgħufija li jkollna. (Ebrej 4:14-16) B’hekk, nistgħu nkunu fil-paċi m’Alla.

17. Liema barkiet huma possibbli peress li Ġesù miet għalina?

17 Għandna t-tama li ngħixu għal dejjem. “Il-ħlas li jagħti d-dnub hu l-mewt, imma l-għotja li jagħti Alla hi l-ħajja taʼ dejjem bi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna.” (Rumani 6:23) Peress li Ġesù miet għalina, aħna nistgħu ngħixu għal dejjem u ngawdu saħħa perfetta. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Imma xi rridu nagħmlu biex nirċievu dawn il-barkiet?

 SE TAĊĊETTA INT IL-FIDWA?

18. Kif nafu li Ġeħova jħobbna?

18 Aħseb ftit dwar kemm tħossok ferħan meta xi ħadd jagħtik rigal mill-isbaħ. Il-fidwa hi l-iktar rigal prezzjuż li qatt nistgħu nirċievu, u għandna nkunu grati ħafna lejn Ġeħova għaliha. Ġwanni 3:16 jgħidilna li “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu.” Iva, Ġeħova tant iħobbna li tana lil Ibnu l-għażiż, Ġesù. U aħna nafu li anki Ġesù jħobbna, għax kien lest li jagħti ħajtu għalina. (Ġwanni 15:13) Ir-rigal tal-fidwa għandu jikkonvinċik li Ġeħova u Ġesù tassew iħobbuk.—Galatin 2:20.

Hekk kif nitgħallmu dwar Ġeħova, se nsiru ħbieb tiegħu u se tikber l-imħabba tagħna għalih

19, 20. (a) Kif tistaʼ ssir ħabib taʼ Ġeħova? (b) Kif tistaʼ turi li taċċetta s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa?

19 Issa li tgħallimt dwar l-imħabba kbira t’Alla, kif tistaʼ ssir ħabib tiegħu? Mhuwiex faċli li tħobb lil xi ħadd li ma tafux. Ġwanni 17:3 jgħid li nistgħu nieħdu għarfien dwar Ġeħova, jiġifieri nsiru nafuh. Hekk kif tagħmel dan, l-imħabba tiegħek għalih se tikber, se tkun trid togħġbu, u se ssir ħabib tiegħu. Għalhekk, ibqaʼ tgħallem dwar Ġeħova billi tistudja l-Bibbja.—1 Ġwanni 5:3.

20 Aċċetta s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Il-Bibbja tgħid li “min jeżerċita l-fidi fl-Iben għandu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:36) Xi jfisser li neżerċitaw il-fidi? Ifisser li nagħmlu dak li għallimna Ġesù biex nagħmlu. (Ġwanni 13:15) Ma nistgħux sempliċement ngħidu li nemmnu f’Ġesù. Biex naċċettaw il-fidwa, irridu nagħmlu xi ħaġa dwar il-fidi tagħna. F’Ġakbu 2:26 naqraw: “Il-fidi mingħajr l-għemejjel hi mejta.”

21, 22. (a) Għala għandna nattendu t-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu kull sena? (b) X’se niddiskutu f’Kapitli 6 u 7?

 21 Attendi t-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu. Fil-lejla taʼ qabel mewtu, Ġesù għallimna li għandna niftakru fil-mewt tiegħu. Dan nagħmluh kull sena, u nsejħulha t-Tifkira jew “l-ikla taʼ fil-għaxija tal-Mulej.” (1 Korintin 11:20; Mattew 26:26-28) Ġesù jridna niftakru li hu ta l-ħajja perfetta tiegħu bħala fidwa għalina. Hu qal: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Aqra Luqa 22:19.) Meta tattendi t-Tifkira, int turi li tiftakar fil-fidwa u fl-imħabba kbira li għandhom għalina Ġeħova u Ġesù.—Ara n-Nota fl-aħħar numru 16.

22 Il-fidwa hi l-aqwa rigal li qatt nistgħu nirċievu. (2 Korintin 9:14, 15) Dan ir-rigal prezzjuż saħansitra se jkun taʼ benefiċċju għal miljuni taʼ nies li diġà mietu. Kapitli 6 u 7 se jiddiskutu kif dan hu possibbli.