Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU SEBGĦA

Se jkun hemm irxoxt!

Se jkun hemm irxoxt!

1-3. Taʼ xiex aħna priġunieri, u Ġeħova kif se jeħlisna?

IMMAĠINA li ġejt mibgħut il-ħabs għal għomrok għal xi ħaġa li m’għamiltx. M’għandek l-ebda ċans li se tiġi meħlus. Il-futur tiegħek jistaʼ jidher li hu bla tama, u ma tistaʼ tagħmel xejn dwaru. Imma eżatt kif tkun qtajt qalbek għalkollox, int issir taf li xi ħadd għandu l-qawwa biex jeħilsek u li hu wiegħed li se jgħinek! Kif kont tħossok?

2 Aħna lkoll priġunieri tal-mewt. Nagħmlu x’nagħmlu ma nistgħux naħarbuha. Imma Ġeħova għandu l-qawwa biex jeħlisna mill-mewt. Hu wiegħed li “l-aħħar għadu, il-mewt se tinġieb fix-xejn.”—1 Korintin 15:26.

3 Immaġina s-serħan li se tħoss meta ma jkollokx għalfejn tinkwieta dwar il-mewt! Imma Ġeħova mhux talli se jneħħi l-mewt imma talli se jerġaʼ jagħti l-ħajja lil dawk li mietu. Aħseb ftit dwar x’se jfisser dan għalik. Hu jwiegħed li dawk “bla qawwa fil-mewt” se jerġgħu jgħixu. (Isaija 26:19) Fil-Bibbja dan jissejjaħ l-irxoxt.

META JMUT XI ĦADD LI TĦOBB

4. (a) X’jistaʼ jfarraġna meta jmutilna xi membru tal-familja jew xi ħabib? (b) Min kienu wħud mill-ħbieb tal-qalb taʼ Ġesù?

4 Meta jmut xi membru tal-familja jew ħabib  tal-qalb, forsi ma nkunux nifilħu għall-uġigħ u n-niket li nesperjenzaw. Inħossuna bla ħila għax ma nkunu nistgħu nagħmlu xejn biex inġibu lil dik il-persuna lura. Imma l-Bibbja tagħtina faraġ taʼ veru. (Aqra t-2 Korintin 1:3, 4.) Ejja naraw eżempju wieħed li juri kemm Ġeħova u Ġesù jridu jġibu lill-għeżież tagħna lura għal ħajja. Meta Ġesù kien fuq l-art, hu spiss kien iżur lil Lazzru u lil ħutu, Marta u Marija. It-tlieta li huma kienu ħbieb tal-qalb taʼ Ġesù. Il-Bibbja tgħid: “Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru.” Imbagħad ġurnata minnhom Lazzru miet.—Ġwanni 11:3-5.

5, 6. (a) Ġesù x’għamel meta ra l-familja u l-ħbieb taʼ Lazzru mnikktin? (b) Għala hu taʼ faraġ li nkunu nafu kif ħassu Ġesù dwar il-mewt?

5 Ġesù mar biex ifarraġ lil Marta u Marija. Meta Marta saret taf li Ġesù kien sejjer ħdejhom, hi ħarġet barra l-belt biex tiltaqaʼ miegħu. Ħadet pjaċir meta rat lil Ġesù, imma qaltlu: “Mulej, kieku kont hawnhekk ħija ma kienx imut.” Marta ħasbet li Ġesù kien wasal tard wisq. Wara dan, Ġesù ra lil oħtha, Marija, tibki. Meta ra n-niket tagħhom, hu ħassu mweġġaʼ u qabiżlu d-dmugħ. (Ġwanni 11:21, 33, 35) Hu ħass l-uġigħ kbir li ngħaddu minnu meta nitilfu lil xi ħadd li nħobbu.

6 Kemm ifarraġna l-fatt li nafu li Ġesù jħossu bħalna dwar il-mewt! U Ġesù hu eżatt bħal Missieru. (Ġwanni 14:9) Ġeħova għandu l-qawwa biex ineħħi l-mewt għal dejjem, u dalwaqt se jagħmel hekk.

 “LAZZRU, OĦROĠ!”

7, 8. Marta għala ma ridithomx ineħħu l-ġebla minn quddiem il-qabar taʼ Lazzru, imma Ġesù x’għamel?

7 Meta Ġesù wasal ħdejn il-qabar fejn kien tpoġġa l-ġisem taʼ Lazzru, quddiem id-daħla kien hemm ġebla kbira. Ġesù qal: “Neħħu l-ġebla.” Imma Marta ma ridithomx ineħħuha għax il-ġisem taʼ Lazzru kien diġà ilu erbat ijiem fil-qabar. (Ġwanni 11:39) Ma kinitx taf x’kien se jagħmel Ġesù biex jgħin lil ħuha.

Immaġina kemm ferħu l-familja u l-ħbieb taʼ Lazzru meta ġie rxoxtat!—Ġwanni 11:38-44

8 Ġesù qal lil Lazzru: “Oħroġ!” Dak li ġara wara għaġġibhom lil Marta u Marija. “Dak li qabel kien mejjet ħareġ b’saqajh u b’idejh infaxxati.” (Ġwanni 11:43, 44) Lazzru kien ġie rxoxtat u setaʼ jerġaʼ jingħaqad maʼ ħbiebu u familtu. Huma setgħu jħaddnuh magħhom, imissuh, u jkellmuh. X’miraklu! Ġesù kien qajjem lil Lazzru mill-mewt.

“TFAJLA, NGĦIDLEK, QUM!”

9, 10. (a) Min ta l-qawwa lil Ġesù biex jirxoxta lin-nies? (b) Ir-rakkonti tal-irxoxt għala huma prezzjużi għalina?

9 Kien Ġesù jirxoxta lin-nies bil-qawwa tiegħu stess? Le. Qabel ma rxoxta lil Lazzru, Ġesù talab lil Ġeħova, u Ġeħova tah il-qawwa biex jirxoxtah. (Aqra Ġwanni 11:41, 42.) Lazzru ma kienx l-uniku wieħed li ġie mqajjem mill-mewt. Il-Bibbja tgħidilna dwar tfajla taʼ 12-il sena li kienet marida ferm. Missierha, Ġajru, ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel u talab lil Ġesù bil-ħniena biex ifejjaqha. Ma kellux tfal ħliefha. Waqt li kien qed ikellem lil Ġesù, ġew xi rġiel u qalu: “Bintek mietet! Għala tibqaʼ tħabbat lill-għalliem?” Imma Ġesù qal lil Ġajru: “Tibżax, biss uri  l-fidi, u hi tiġi salvata.” Imbagħad flimkien irħewlha lejn id-dar taʼ Ġajru. Hekk kif resqu viċin id-dar, Ġesù setaʼ jara u jismaʼ lin-nies jibku. Ġesù qalilhom: “Tibqgħux tibku, għax mhix mejta imma rieqda.” Missierha u ommha żgur li bdew jitħassbu dwar x’ried ifisser Ġesù. Ġesù talab lil kulħadd biex joħroġ mid-dar u ħa lil missierha u lil ommha fil-kamra fejn kienet mimduda ċ-ċkejkna binthom. Ġesù bil-ġentilezza qabdilha idha u qalilha: “Tfajla, ngħidlek, Qum!” Immaġina l-ferħ li ħassew il-ġenituri tagħha meta hi minnufih qamet u bdiet timxi! Ġesù kien irxoxta lil binthom. (Marku 5:22-24, 35-42; Luqa 8:49-56) Minn dakinhar ’il quddiem, meta kienu jaraw lil binthom, huma kienu se jiftakru dak li Ġeħova kien għamel għalihom permezz taʼ Ġesù. *

10 Dawk li Ġesù qajjimhom mill-mewt maż-żmien reġgħu mietu. Imma dak li naqraw dwar dawn in-nies hu prezzjuż għax jagħtina tama reali. Ġeħova jrid jirxoxta lin-nies, u hekk se jagħmel.

DAK LI NITGĦALLMU MIR-RAKKONTI TAL-IRXOXT

L-appostlu Pietru rxoxta lil Dorka, mara Kristjana.—Atti 9:36-42

Elija rxoxta t-tifel t’armla.—1 Slaten 17:17-24

11. Ekkleżjasti 9:5 x’jgħallimna dwar Lazzru?

11 Il-Bibbja tgħid ċar u tond li “l-mejtin ma jafu assolutament xejn.” Dan kien minnu fil-każ taʼ Lazzru. (Ekkleżjasti 9:5) Bħalma qal Ġesù, kien bħallikieku Lazzru kien rieqed. (Ġwanni 11:11) Waqt li kien fil-qabar, Lazzru ma kien jaf “assolutament xejn.”

12. Kif nafu li Lazzru verament ġie rxoxtat?

 12 Ħafna nies raw lil Ġesù jirxoxta lil Lazzru. Anki l-għedewwa taʼ Ġesù kienu jafu li kien wettaq dan il-miraklu. Lazzru kien ħaj, u dan ta prova li l-irxoxt verament kien seħħ. (Ġwanni 11:47) Ukoll, ħafna nies marru jżuru lil Lazzru, u minħabba f’hekk, huma bdew jemmnu li Ġesù kien intbagħat minn Alla. L-għedewwa taʼ Ġesù xejn ma ħadu pjaċir b’dan, allura fasslu pjan biex joqtlu kemm lil Ġesù kif ukoll lil Lazzru.—Ġwanni 11:53; 12:9-11.

13. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jirxoxta lill-mejtin?

13 Ġesù qal li “dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira” se jiġu rxoxtati. (Ġwanni 5:28) Dan ifisser li dawk kollha li huma fil-memorja taʼ Ġeħova se jerġgħu jingħataw il-ħajja. Imma biex Ġeħova jirxoxta lil xi ħadd, irid jiftakar kull dettall dwar dik il-persuna. Jistaʼ verament jagħmel dan? Kif nafu, hemm biljuni taʼ stilel fl-univers, iżda l-Bibbja tgħid li Ġeħova jaf l-isem taʼ kull stilla. (Aqra Isaija 40:26.) Jekk jistaʼ jiftakar l-isem taʼ kull stilla, mela żgur li jistaʼ jiftakar faċilment kull dettall dwar dawk li se jirxoxta. Iktar importanti minn hekk, Ġeħova ħalaq kollox, allura nafu li hu għandu l-qawwa biex iqajjem lin-nies mill-mewt.

14, 15. Il-kliem taʼ Ġob x’jgħallimna dwar l-irxoxt?

14 Ir-raġel leali Ġob kien jemmen fl-irxoxt. Hu staqsa: “Jekk raġel b’saħħtu jmut jistaʼ jerġaʼ jgħix?” Imbagħad qal lil Ġeħova: “Int issejjaħli, u jien inwieġbek. Għal xogħol idejk int tixxennaq.” Iva, Ġob kien jaf li Ġeħova qed iħares ’il quddiem għal dak iż-żmien  meta se jirxoxta lil dawk li mietu.—Ġob 14:13-15.

15 Int kif tħossok dwar it-tama tal-irxoxt? Forsi bejnek u bejn ruħek taħseb, ‘Xi ngħidu għall-membri tal-familja tiegħi u sħabi li mietu, se jiġu huma rxoxtati?’ Ifarraġna l-fatt li nafu li Ġeħova verament irid iqajjem lil dawk li mietu. Ejja naraw x’tgħid il-Bibbja dwar fejn se jgħixu dawn l-uħud u dwar min se jiġi rxoxtat.

SE “JISIMGĦU LEĦNU U JOĦORĠU”

16. Dawk li jiġu rxoxtati x’tip taʼ ħajja se jgawdu fuq l-art?

16 Fil-passat, dawk li ġew irxoxtati reġgħu ngħaqdu mal-familja u l-ħbieb tagħhom hawnhekk fuq l-art. Dan se jkun l-istess fil-futur, imma se jkun ħafna aħjar. Għala? Għaliex dawk li jerġgħu jingħataw il-ħajja hawnhekk fuq l-art se jkollhom l-opportunità li jgħixu għal dejjem u ma jmutu qatt. U dawn se jgħixu f’dinja differenti ferm minn dik li ngħixu fiha llum. Mhux se jkun hawn gwerer, kriminalità, u mard.

17. Min se jiġi rxoxtat?

17 Min se jiġi rxoxtat? Ġesù qal li “dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) U Rivelazzjoni 20:13 jgħidilna: “Il-baħar radd il-mejtin li kienu fih, u l-mewt u l-Qabar raddew il-mejtin li kienu fihom.” Iva, biljuni taʼ nies se jerġgħu jgħixu. L-appostlu Pawlu qal ukoll li ‘kemm in-nies sewwa u kemm dawk li m’humiex sewwa’ se jiġu rxoxtati. (Aqra Atti 24:15.) Dan xi jfisser?

Fil-Ġenna tal-art, dawk li mietu se jiġu rxoxtati u se jerġgħu jingħaqdu maʼ dawk li jħobbuhom

18. Min huma “n-nies sewwa” li se jiġu rxoxtati?

 18 “In-nies sewwa” jinkludu qaddejja leali taʼ Ġeħova li għexu qabel ma Ġesù ġie fuq l-art. Nies bħal Noè, Abraham, Sara, Mosè, Rut, u Ester se jiġu rxoxtati hawnhekk fuq l-art. Int tistaʼ taqra dwar uħud minn dawn l-irġiel u n-nisa f’Ebrej kapitlu 11. Xi ngħidu għall-qaddejja leali taʼ Ġeħova li jmutu fi  żmienna? Dawn ukoll huma “nies sewwa,” allura anki huma se jiġu rxoxtati.

19. (a) Min huma “dawk li m’humiex sewwa”? (b) Ġeħova x’opportunità se jagħtihom lil dawn l-uħud?

19 “Dawk li m’humiex sewwa” jinkludu biljuni taʼ nies li ma kellhomx l-opportunità li jsiru jafu lil Ġeħova. Għalkemm mietu, Ġeħova ma nsihomx. Hu se jirxoxtahom, u se jkollhom l-opportunità li jitgħallmu dwaru u jaqduh.

20. Għala mhux kulħadd se jiġi rxoxtat?

20 Ifisser dan li kull min miet se jiġi rxoxtat? Le. Ġesù qal li xi wħud mhumiex se jerġgħu jingħataw il-ħajja. (Luqa 12:5) Min se jiddeċiedi jekk individwu hux se jiġi rxoxtat jew le? Ġeħova hu l-Imħallef finali, imma hu ta wkoll lil Ġesù l-awtorità “biex ikun imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin.” (Atti 10:42) Kull min jiġi ġudikat bħala li hu mill-agħar u li ma jridx jinbidel mhux se jiġi rxoxtat.—Ara n-Nota fl-aħħar numru 19.

L-IRXOXT TAʼ DAWK LI SE JMORRU FIS-SEMA

21, 22. (a) Dawk li se jgħixu fis-sema kif se jiġu rxoxtati? (b) Min kien l-ewwel wieħed li ġie rxoxtat bħala spirtu?

21 Il-Bibbja tgħidilna wkoll li xi wħud se jgħixu fis-sema. Meta jiġi rxoxtat xi ħadd minn dawn, hu ma jiġix imqajjem mill-mewt bħala bniedem b’ġisem uman. Hu jiġi rxoxtat bħala spirtu u jgħix fis-sema.

22 Ġesù kien l-ewwel wieħed li ġie mqajjem b’dan il-mod. (Ġwanni 3:13) Tlett ijiem wara li Ġesù ġie maqtul, Ġeħova rxoxtah. (Salm 16:10; Atti 13:34, 35) Ġesù ma ġiex irxoxtat b’ġisem uman. L-appostlu Pietru jispjega li Ġesù “ngħata l-mewt fil-laħam  [jiġifieri, bħala bniedem], imma ngħata l-ħajja fl-ispirtu.” (1 Pietru 3:18) Ġesù reġaʼ rċieva l-ħajja bħala spirtu setgħan! (1 Korintin 15:3-6) Imma l-Bibbja tgħid li hu ma kienx se jkun l-uniku wieħed.

23, 24. Min huma dawk li jifformaw il-“merħla żgħira” li semma Ġesù, u kemm se jkunu b’kollox?

23 Ftit qabel ma miet, Ġesù qal lid-dixxipli leali tiegħu: “Sejjer inħejji post għalikom.” (Ġwanni 14:2) Dan ifisser li wħud mis-segwaċi tiegħu kienu se jiġu rxoxtati biex jgħixu miegħu fis-sema. Dawn kemm kellhom ikunu? Ġesù qal li kienu se jkunu ftit, “merħla żgħira.” (Luqa 12:32) L-appostlu Ġwanni ta n-numru preċiż meta ra lil Ġesù “wieqaf fuq il-Muntanja Sijon [tas-sema], u miegħu kien hemm mija u erbgħa u erbgħin elf.”—Rivelazzjoni 14:1.

24 Il-144,000 Kristjan meta kellhom jiġu rxoxtati? Il-Bibbja tgħidilna li dan kellu jsir wara li Kristu jibda jsaltan fis-sema. (1 Korintin 15:23) Aħna qed ngħixu f’dak iż-żmien issa stess, u l-biċċa l-kbira mill-144,000 diġà ġew irxoxtati u qegħdin fis-sema. Dawk li għadhom fuq l-art u li jmutu fi żmienna se jiġu rxoxtati mill-ewwel għal ħajja fis-sema. Madankollu, il-maġġuranza tan-nies se jiġu rxoxtati fil-futur u se jgawdu l-ħajja hawnhekk fuq art magħmula Ġenna.

25. Dwar xiex se nitgħallmu fil-kapitlu li jmiss?

25 Ġeħova dalwaqt se jeħles lill-bnedmin kollha mill-mewt, u l-mewt se tispiċċa darba għal dejjem! (Aqra Isaija 25:8.) Imma dawk li jmorru fis-sema x’se jagħmlu hemmhekk? Il-Bibbja tispjega li se jsaltnu maʼ Ġesù fis-Saltna t’Alla. Se nitgħallmu iktar dwar din is-Saltna, jew gvern, fil-kapitlu li jmiss.

^ par. 9 F’rakkonti oħra, il-Bibbja tgħidilna dwar l-irxoxt taʼ wħud kbar u żgħar, irġiel u nisa, u Iżraelin u barranin. Tistaʼ taqra dwar dawn fl-1 Slaten 17:17-24; 2 Slaten 4:32-37; 13:20, 21; Mattew 28:5-7; Luqa 7:11-17; 8:40-56; Atti 9:36-42; 20:7-12.