Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU DSATAX

Ibqaʼ qrib taʼ Ġeħova

Ibqaʼ qrib taʼ Ġeħova

1, 2. Fejn nistgħu nsibu protezzjoni llum?

IMMAĠINA li int miexi barra f’ġurnata xitwija. Is-sema tiddallam u jibda jberraq u jriegħed. Ma ddumx ma tibda nieżla x-xita. Int tfittex post fejn tmur tistkenn. Kemm tieħu r-ruħ xħin issib xi mkien għall-kenn!

2 Aħna ninsabu f’sitwazzjoni simili llum. Il-kundizzjonijiet fid-dinja sejrin mill-ħażin għall-agħar. Forsi tistaqsi, ‘Fejn nistaʼ nsib protezzjoni?’ Wieħed mill-kittieba tas-Salmi kiteb: “Jien se ngħid lil Ġeħova: ‘Int il-kenn u l-fortizza tiegħi, Alla tiegħi li fih se nafda.’” (Salm 91:2) Iva, Ġeħova jistaʼ jipprovdi serħan mill-problemi tagħna issa, u jagħtina tama meraviljuża għall-futur.

3. Kif nistgħu nagħmlu lil Ġeħova l-kenn tagħna?

3 Ġeħova kif jistaʼ jipproteġina? Hu jistaʼ jgħinna nkampaw maʼ kull problema li jkollna, u hu ħafna iktar setgħan minn kull min forsi jipprova jagħmlilna l-ħsara. Anki jekk jiġrilna xi ħaġa ħażina issa, aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jirranġa l-ħsara fil-futur. Il-Bibbja tinkuraġġina: “Żommu ruħkom fl-imħabba t’Alla.” (Ġuda 21) Hemm bżonn li nibqgħu qrib taʼ Ġeħova biex nirċievu l-għajnuna tiegħu waqt żminijiet diffiċli. Imma kif nistgħu nagħmlu dan?

URI APPREZZAMENT GĦALL-IMĦABBA T’ALLA

4, 5. Ġeħova kif wera mħabbtu għalina?

4 Biex nibqgħu qrib taʼ Ġeħova, irridu nifhmu kemm iħobbna. Aħseb dwar dak kollu li Ġeħova  għamel għalina. Hu tana art mill-isbaħ u mlieha bi pjanti u annimali affaxxinanti. Tana wkoll ikel tajjeb x’nieklu u ilma nadif x’nixorbu. Permezz tal-Bibbja, Ġeħova għallimna ismu u l-kwalitajiet meraviljużi tiegħu. Fuq kollox, hu wera mħabbtu għalina meta bagħat lil Ibnu l-maħbub, Ġesù, fuq l-art biex jagħti ħajtu għalina. (Ġwanni 3:16) U minħabba dan is-sagrifiċċju, għandna tama meraviljuża għall-futur.

5 Ġeħova pprovda s-Saltna Messjanika, gvern fis-sema li dalwaqt se jtemm it-tbatija kollha. Is-Saltna se tagħmel id-dinja ġenna, fejn kulħadd se jgħix fil-paċi u jkun ferħan għal dejjem. (Salm 37:29) Mod ieħor kif Ġeħova wera mħabbtu għalina hu billi għallimna kif ngħixu l-aqwa ħajja possibbli issa. Hu jistidinna wkoll biex nitolbuh, u dejjem lest biex jismaʼ t-talb tagħna. Ġeħova wera b’mod ċar l-imħabba tiegħu għal kull wieħed minna.

6. Kif għandek turi apprezzament għall-imħabba taʼ Ġeħova?

6 Kif għandek turi apprezzament għall-imħabba taʼ Ġeħova? Uri li int grat għal dak kollu li għamel għalik. Sfortunatament, illum ħafna ma jurux gratitudni. L-istess kien minnu meta Ġesù kien fuq l-art. Darba minnhom, Ġesù fejjaq lil għaxar imġiddmin, imma wieħed biss irringrazzjah. (Luqa 17:12-17) Aħna rridu nkunu bħar-raġel li rringrazzja lil Ġesù. Dejjem irridu ngħidu grazzi lil Ġeħova.

7. Kemm għandna nħobbu lil Ġeħova?

7 Irridu wkoll nuru l-imħabba tagħna għal Ġeħova. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu li għandhom iħobbu lil Ġeħova b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha, u b’moħħhom kollu. (Aqra Mattew 22:37.) Dan xi jfisser?

8, 9. Kif nistgħu nuru lil Ġeħova li nħobbuh?

 8 Huwa biżżejjed li sempliċement ngħidu li nħobbu lil Ġeħova? Le. Jekk lil Ġeħova nħobbuh b’qalbna, ruħna, u moħħna kollu, se nuru mħabbitna għalih bl-għemil tagħna. (Mattew 7:16-20) Il-Bibbja tgħallem b’mod ċar li jekk inħobbu lil Alla, aħna se nobdu l-kmandamenti tiegħu. Huwa diffiċli dan? Le, għax ‘il-kmandamenti taʼ Ġeħova m’humiex tqal.’—Aqra l-1 Ġwanni 5:3.

9 Meta nobdu lil Ġeħova, aħna jkollna ħajja ferħana u sodisfaċenti. (Isaija 48:17, 18) Imma x’se jgħinna nibqgħu qrib taʼ Ġeħova? Ejja naraw.

IBQAʼ ERSAQ EQREB LEJN ĠEĦOVA

10. Għala għandek tibqaʼ titgħallem dwar Ġeħova?

10 Int kif sirt ħabib taʼ Ġeħova? Permezz tal-istudju tiegħek tal-Bibbja, int sirt taf iktar lil Ġeħova u żviluppajt ħbiberija miegħu. Din il-ħbiberija hi bħal nar li ma tridux jintefa. Bħalma n-nar irid il-fjuwil biex ikompli jaqbad, int trid tibqaʼ titgħallem dwar Ġeħova biex iżżomm il-ħbiberija tiegħek miegħu b’saħħitha.—Proverbji 2:1-5.

Bħan-nar, l-imħabba tiegħek għal Ġeħova għandha bżonn il-fjuwil biex tibqaʼ taqbad

11. It-tagħlim tal-Bibbja kif se jeffettwak?

11 Hekk kif tkompli tistudja l-Bibbja, se titgħallem affarijiet li tassew imissulek qalbek. Innota kif tnejn mid-dixxipli taʼ Ġesù ħassewhom hekk kif Ġesù kien qed jispjegalhom profeziji Bibliċi. Huma qalu: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-triq, hu u jispjegalna ċar l-Iskrittura?”—Luqa 24:32.

12, 13. (a) X’jistaʼ jiġrilha l-imħabba tagħna għal Alla? (b) Kif nistgħu nżommu l-imħabba tagħna għal Ġeħova b’saħħitha?

12 Sewwasew bħalma ntmesset qalb id-dixxipli meta  fehmu l-Iskrittura, int għandek mnejn ħassejt l-istess entużjażmu meta bdejt tifhem il-Bibbja. Dan għenek issir taf lil Ġeħova u tħobbu. Int ma tridx li din l-imħabba tibred.—Mattew 24:12.

13 Ladarba ssir ħabib t’Alla, għandek bżonn taħdem iebes biex iżżomm il-ħbiberija b’saħħitha. Għandek tkompli titgħallem dwaru u dwar Ġesù u taħseb dwar dak li qed titgħallem u kif tistaʼ tapplikah f’ħajtek. (Ġwanni 17:3) Meta taqra jew tistudja l-Bibbja, staqsi lilek innifsek: ‘Dan x’jgħallimni dwar Alla Ġeħova? Għala għandi nħobbu b’qalbi u b’ruħi kollha?’—1 Timotju 4:15.

14. It-talb kif jgħin biex l-imħabba tagħna għal Ġeħova tibqaʼ b’saħħitha?

14 Meta jkollok ħabib tal-qalb, int tkellmu regolarment, u minħabba f’hekk il-ħbiberija tagħkom tibqaʼ  b’saħħitha. Bl-istess mod, meta nkellmu lil Ġeħova regolarment fit-talb, l-imħabba tagħna għalih tibqaʼ b’saħħitha. (Aqra l-1 Tessalonikin 5:17.) It-talb hu għotja meraviljuża mingħand Missierna tas-sema. Dejjem għandna nkellmuh minn qalbna. (Salm 62:8) M’għandniex nirripetu t-talb tagħna bl-amment, imma għandna nitkellmu bis-sinċerità kollha. Iva, jekk inkomplu nistudjaw il-Bibbja u nitolbu minn qalbna, se nżommu mħabbitna għal Ġeħova b’saħħitha.

TKELLEM M’OĦRAJN DWAR ĠEĦOVA

15, 16. Int kif tqis ix-xogħol tal-ippritkar?

15 Jekk irridu nibqgħu qrib taʼ Ġeħova, għandna wkoll nitkellmu m’oħrajn dwar il-fidi tagħna. Li nitkellmu m’oħrajn dwar Ġeħova hu privileġġ tal-għaġeb. (Luqa 1:74) U hi responsabbiltà li Ġesù ta lill-Kristjani veri kollha. Kull wieħed u waħda minna għandna nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Int diġà qed tagħmel dan?—Mattew 24:14; 28:19, 20.

16 L-appostlu Pawlu ħass li x-xogħol tal-ippritkar kien prezzjuż ħafna; hu sejjaħlu “teżor.” (2 Korintin 4:7) Li tgħid lil oħrajn dwar Ġeħova u l-iskop tiegħu hu l-iktar xogħol importanti li tistaʼ tagħmel. Huwa mod kif taqdi lil Ġeħova, u hu jgħożż dak li tagħmel għalih. (Ebrej 6:10) L-ippritkar jistaʼ jkun taʼ benefiċċju kemm għalik kif ukoll għal dawk li jisimgħuk. B’liema mod? Għax meta tagħmel dan ix-xogħol int tersaq eqreb lejn Ġeħova u tkun qed tgħin lil oħrajn jagħmlu l-istess ħaġa. Barra minn hekk, ikollkom l-opportunità li tgawdu l-ħajja taʼ dejjem. (Aqra l-1 Korintin 15:58.) Hemm xogħol ieħor li jistaʼ jagħtik iktar sodisfazzjon minn dan?

17. Ix-xogħol tal-ippritkar għala hu urġenti?

 17 Ix-xogħol tal-ippritkar hu urġenti ħafna. Għandna ‘nippridkaw il-kelma,’ u dan għandna nagħmluh “b’urġenza.” (2 Timotju 4:2) In-nies jeħtieġu jisimgħu dwar is-Saltna t’Alla. Il-Bibbja tgħid: “Il-jum il-kbir taʼ Ġeħova fil-qrib. Fil-qrib u qed jgħaġġel ħafna.” It-tmiem ‘mhux se jkun tard.’ (Sofonija 1:14; Ħabakkuk 2:3) Iva, Ġeħova dalwaqt se jeqred id-dinja mill-agħar taʼ Satana. Qabel ma jiġri dan, in-nies jeħtieġu jiġu mwissijin biex ikunu jistgħu jagħżlu jekk humiex se jaqdu lil Ġeħova jew le.

18. Għala għandna nqimu lil Ġeħova flimkien maʼ Kristjani veri oħrajn?

18 Ġeħova jrid li nqimuh flimkien maʼ Kristjani veri oħrajn. Il-Bibbja tgħid: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-jum.” (Ebrej 10:24, 25) Għandna nagħmlu l-almu tagħna biex nattendu l-laqgħat kollha. Il-laqgħat jagħtuna opportunità biex ninkuraġġixxu u nsaħħu lil xulxin.

19. X’jistaʼ jgħinna nħobbu lil ħutna l-Kristjani?

19 Meta tattendi l-laqgħat, se ssib ħbieb tajbin li se jgħinuk tqim lil Ġeħova. Se tiltaqaʼ m’aħwa differenti li, bħalek, jagħmlu ħilithom biex iqimu lilu. U bħalek, huma imperfetti u jiżbaljaw. Meta jweġġgħuk, kun lest li taħfrilhom. (Aqra Kolossin 3:13.) Dejjem iffoka fuq il-kwalitajiet tajbin taʼ ħutek il-Kristjani, għax meta tagħmel hekk se ssir tħobbhom u se tersaq eqreb lejn Ġeħova.

 IL-ĦAJJA VERA

20, 21. X’inhi “l-ħajja vera”?

20 Ġeħova jrid li l-ħbieb tiegħu kollha jkollhom l-aqwa ħajja possibbli. Il-Bibbja tgħallimna li ħajjitna fil-futur se tkun differenti għalkollox minn ħajjitna llum.

Ġeħova jridek tgawdi “l-ħajja vera.” Int x’se tagħmel?

21 Fil-futur, se ngħixu għal dejjem, mhux biss għal 70 jew 80 sena. Se ngawdu “ħajja taʼ dejjem” f’saħħa perfetta, fil-paċi, u ferħanin f’ġenna tal-art mill-isbaħ. Fil-Bibbja din tissejjaħ “il-ħajja vera.” Ġeħova jwiegħed li jagħtina din il-ħajja vera, imma rridu nagħmlu kulma nistgħu issa biex ‘naqbdu qabda soda’ magħha.—1 Timotju 6:12, 19.

22. (a) Kif nistgħu ‘naqbdu qabda soda mal-ħajja vera’? (b) Il-ħajja vera minn xiex tiddependi?

22 Kif nistgħu ‘naqbdu qabda soda mal-ħajja vera’? Hemm bżonn li ‘nagħmlu l-ġid’ u ‘nkunu għonja f’għemejjel tajbin.’ (1 Timotju 6:18) Dan ifisser li rridu napplikaw dak li nitgħallmu mill-Bibbja. Madankollu, il-ħajja vera ma tiddependix mill-isforzi tagħna stess. Qatt ma nistgħu naħdmu biżżejjed biex ikun ħaqqna l-ħajja eterna. Hi għotja b’xejn mingħand Ġeħova lill-qaddejja leali tiegħu, eżempju tal-“qalb tajba mhix mistħoqqa” tiegħu. (Rumani 5:15) Missierna tas-sema verament irid jagħti lill-qaddejja leali tiegħu din l-għotja.

23. Għala għandek bżonn tagħmel għażliet tajbin issa?

23 Staqsi lilek innifsek, ‘Qed inqim lil Alla bil-mod kif irid hu?’ Jekk tara li għandek bżonn tagħmel xi bidliet, għandek tagħmel dan mill-ewwel. Meta nistrieħu fuq Ġeħova u nagħmlu kulma nistgħu biex nobduh, Ġeħova se jkun il-kenn tagħna. Se jipproteġi lill-poplu leali tiegħu matul l-aħħar jiem tad-dinja mill-agħar taʼ  Satana. Imbagħad Ġeħova se jagħmel ċert li ngħixu f’Ġenna tal-art għal dejjem, eżatt bħalma wiegħed. Iva, int tistaʼ tgawdi l-ħajja vera jekk tagħmel għażliet tajbin issa!