Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU ERBGĦA

Min hu Ġesù Kristu?

Min hu Ġesù Kristu?

1, 2. (a) Tistaʼ tgħid li verament taf lil xi ħadd famuż jekk kulma taf hu ismu? Spjega. (b) In-nies x’jemmnu dwar Ġesù?

HEMM ħafna nies famużi fid-dinja. Int forsi taf l-isem taʼ xi ħadd famuż. Imma s-sempliċi fatt li taf ismu ma jfissirx li tafu sew. Ma jfissirx li taf kull dettall dwar ħajtu u x’tip taʼ bniedem hu verament.

2 Int għandek mnejn smajt dwar Ġesù Kristu, avolja kien jgħix fuq l-art madwar 2,000 sena ilu. Imma l-biċċa l-kbira min-nies ma jafux x’tip taʼ bniedem kien Ġesù. Xi wħud jgħidu li kien raġel tajjeb, xi wħud jgħidu li kien profeta, u oħrajn jemmnu li hu Alla. Int x’taħseb?—Ara n-Nota fl-aħħar numru 12.

3. Għala huwa importanti li tkun taf lil Alla Ġeħova u lil Ġesù Kristu?

3 Huwa importanti li tkun taf il-verità dwar Ġesù. Għala? Il-Bibbja tgħidilna: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Iva, jekk tkun taf il-verità dwar Ġeħova u Ġesù, int se tkun tistaʼ tgħix għal dejjem fuq art magħmula ġenna. (Ġwanni 14:6) Ukoll, li tkun taf dwar Ġesù se jgħinek għax hu l-aqwa eżempju taʼ kif għandna ngħixu u nittrattaw lil oħrajn. (Ġwanni 13:34, 35) F’Kapitlu 1, aħna tgħallimna l-verità dwar Alla. Issa se nsiru nafu x’tgħallem il-Bibbja dwar Ġesù.

 SIBNA ’L-MESSIJA!

4. Xi jfisser il-kliem “Messija” u “Kristu”?

4 Ħafna snin qabel ma twieled Ġesù, fil-Bibbja Ġeħova wiegħed li kien se jibgħat lill-Messija, jew il-Kristu. Il-kelma “Messija” ġejja mil-lingwa Ebrajka, u l-kelma “Kristu” ġejja mill-Grieg. Dawn iż-żewġ titli jfissru li Alla kien se jagħżel lill-Messija mwiegħed u jagħtih pożizzjoni speċjali. Il-Messija se jwettaq il-wegħdi kollha t’Alla. Ġesù jistaʼ jgħinek ukoll issa stess. Imma qabel ma twieled Ġesù, ħafna nies kienu jistaqsu, ‘Min se jkun il-Messija?’

5. Emmnu d-dixxipli taʼ Ġesù li hu kien il-Messija?

5 Id-dixxipli taʼ Ġesù ma kellhom ebda dubju li hu kien il-Messija mwiegħed. (Ġwanni 1:41) Pereżempju, Xmun Pietru qal lil Ġesù: “Int il-Kristu.” (Mattew 16:16) Aħna kif nistgħu nkunu ċerti li Ġesù hu l-Messija?

6. Ġeħova kif għen lil nies sinċieri jidentifikaw il-Messija?

6 Ħafna qabel ma twieled Ġesù, il-profeti t’Alla kitbu bosta dettalji li kienu se jgħinu lin-nies isibu l-Messija. Dan kif kien se jgħin? Ejja ngħidu li kellek tmur tiġbor lil xi ħadd li qatt ma ltqajt miegħu mill-ajruport. Jekk xi ħadd itik deskrizzjoni tajba tal-persuna, int x’aktarx li jirnexxilek issibu. Bl-istess mod, Ġeħova uża l-profeti tiegħu biex jgħidilna dwar x’kien se jagħmel il-Messija u dwar x’kien se jiġrilu. It-twettiq taʼ dawn il-profeziji kollha jgħin lil nies sinċieri jkunu jafu li Ġesù hu l-Messija.

7. Semmi żewġ profeziji li juru li Ġesù hu l-Messija.

7 Issa se naraw tnejn minn dawn il-profeziji.  L-ewwel, 700 sena qabel ma twieled Ġesù, Mikea pprofetizza li l-Messija kien se jitwieled fil-belt żgħira taʼ Betlem. (Mikea 5:2) U Ġesù veru twieled hemm! (Mattew 2:1, 3-9) It-tieni, Danjel ipprofetizza li l-Messija kien se jidher fis-sena 29 WK. (Danjel 9:25) Dawn huma biss tnejn mill-ħafna profeziji li juru b’mod ċar li Ġesù hu l-Messija mwiegħed.—Ara n-Nota fl-aħħar numru 13.

Fil-magħmudija tiegħu, Ġesù sar il-Messija, jew il-Kristu

8, 9. X’ġara fil-magħmudija taʼ Ġesù li jagħti prova li hu l-Messija?

8 Ġeħova wera b’mod ċar li Ġesù hu l-Messija. Alla wiegħed li kien se jagħti lil Ġwanni l-Għammied sinjal biex ikun jaf min hu l-Messija. Fis-sena 29 WK, meta Ġesù mar għand Ġwanni biex jitgħammed fix-Xmara Ġordan, Ġwanni ra dan is-sinjal. Il-Bibbja tgħidilna x’ġara: “Wara li tgħammed, Ġesù minnufih telaʼ mill-ilma; u, ara, is-smewwiet infetħu, u hu ra l-ispirtu t’Alla nieżel bħal ħamiema u ġej fuqu. U, ara! Instemaʼ wkoll leħen mis-smewwiet jgħid: ‘Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.’” (Mattew 3:16, 17) Meta Ġwanni ra u semaʼ dan is-sinjal, hu kien jaf li Ġesù kien il-Messija. (Ġwanni 1:32-34) Dakinhar, meta Ġeħova ferraʼ l-ispirtu tiegħu fuqu, Ġesù sar il-Messija. Hu kien il-wieħed li  Alla kien għażel biex ikun Mexxej u Sultan.—Isaija 55:4.

9 Il-profeziji tal-Bibbja, il-kliem taʼ Ġeħova stess, u s-sinjal li Hu ta fil-magħmudija taʼ Ġesù kollha jagħtu prova li Ġesù hu l-Messija. Imma Ġesù minn fejn ġie, u x’tip taʼ bniedem kien? Ejja naraw x’tgħid il-Bibbja.

 ĠESÙ MINN FEJN ĠIE?

10. Il-Bibbja x’tgħallem dwar il-ħajja taʼ Ġesù qabel ma ġie fuq l-art?

10 Il-Bibbja tgħallem li Ġesù għex fis-sema għal żmien twil qabel ma ġie fuq l-art. Mikea qal li l-Messija kien “mill-qedem.” (Mikea 5:2) Ġesù nnifsu kemm-il darba qal li hu kien għex fis-sema qabel ma twieled bħala bniedem. (Aqra Ġwanni 3:13; 6:38, 62; 17:4, 5.) Anki qabel ma ġie fuq l-art, Ġesù kellu relazzjoni speċjali maʼ Ġeħova.

11. Ġesù għala hu daqstant prezzjuż għal Ġeħova?

11 Ġesù hu prezzjuż ħafna għal Ġeħova. Għala? Għax Alla ħalqu qabel kull ħaġa u kull persuna oħra. Allura Ġesù jissejjaħ “l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu.” * (Kolossin 1:15) Raġuni oħra għala Ġesù hu prezzjuż għal Ġeħova hi għax hu l-uniku wieħed li ġie maħluq direttament minn Ġeħova. Huwa għalhekk li jissejjaħ “l-Iben uniġenitu.” (Ġwanni 3:16) Ġesù hu wkoll l-uniku wieħed li Ġeħova uża biex joħloq l-affarijiet l-oħrajn kollha. (Kolossin 1:16) U Ġesù biss jissejjaħ “il-Kelma,” għax Ġeħova użah biex iwassal messaġġi u istruzzjonijiet lill-anġli u lill-bnedmin.—Ġwanni 1:14.

12. Kif nafu li Ġesù u Alla mhumiex l-istess persuna?

12 Xi wħud jemmnu li Ġesù u Alla huma l-istess persuna. Imma l-Bibbja ma tgħallimx hekk. Il-Bibbja tgħid li Ġesù ġie maħluq, u dan ifisser li Ġesù kellu bidu. Imma Ġeħova, li ħalaq kollox, ma kellu ebda bidu. (Salm 90:2) Bħala l-Iben t’Alla, Ġesù qatt  m’għaddielu minn moħħu li jipprova jiħodlu postu lil Alla. Il-Bibbja tgħallem b’mod ċar li l-Missier hu akbar mill-Iben. (Aqra Ġwanni 14:28; 1 Korintin 11:3.) Ġeħova biss hu “Alla li Jistaʼ Kollox.” (Ġenesi 17:1) Hu l-akbar u l-iktar persuna setgħana fl-univers.—Ara n-Nota fl-aħħar numru 14.

13. Il-Bibbja għala tgħid li Ġesù hu “x-xbieha t’Alla li ma jidhirx”?

13 Ġeħova u Ibnu, Ġesù, ħadmu flimkien għal biljuni taʼ snin qabel ma ġew maħluqin is-smewwiet u l-art. Huma żgur li ħabbew ħafna lil xulxin! (Ġwanni 3:35; 14:31) Ġesù tant imita l-kwalitajiet taʼ Missieru mill-qrib li l-Bibbja ssejjaħlu “x-xbieha t’Alla li ma jidhirx.”—Kolossin 1:15.

14. L-Iben prezzjuż taʼ Ġeħova kif setaʼ jitwieled bħala bniedem?

14 L-Iben prezzjuż taʼ Ġeħova kien lest li jitlaq mis-sema u jitwieled fuq l-art bħala bniedem. Dan kif kien possibbli? Ġeħova b’mod mirakoluż ittrasferixxa l-ħajja taʼ Ibnu mis-sema fil-ġuf taʼ verġni jisimha Marija. B’dan il-mod, Ġesù ma kellux bżonn missier uman. Allura Marija wildet iben perfett, u semmietu Ġesù.—Luqa 1:30-35.

X’TIP TAʼ BNIEDEM KIEN ĠESÙ?

15. Kif tistaʼ ssir taf lil Ġeħova aħjar?

15 Tistaʼ titgħallem ħafna dwar Ġesù, il-ħajja tiegħu, u l-kwalitajiet tiegħu billi taqra l-kotba tal-Bibbja taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni. Dawn il-kotba jissejħu l-Evanġelji. Peress li Ġesù hu bħal Missieru, dak li taqra se jgħinek ukoll issir taf lil Ġeħova aħjar. Huwa għalhekk li Ġesù setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-Missier.”—Ġwanni 14:9.

16. (a) Ġesù x’għallem? (b) It-tagħlim taʼ Ġesù minn fejn ġie?

 16 Ħafna nies sejħu lil Ġesù “Għalliem.” (Ġwanni 1:38; 13:13) Waħda mill-iktar affarijiet importanti li għallem kienet “l-aħbar tajba tas-saltna.” X’inhi din is-Saltna? Hija l-gvern t’Alla fis-sema li se jmexxi fuq l-art kollha u se jġib barkiet għal dawk li jobdu lil Alla. (Mattew 4:23) Kull ħaġa li għallem Ġesù ġiet mingħand Ġeħova. Ġesù qal: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġwanni 7:16) Ġesù kien jaf li Ġeħova jrid lin-nies jisimgħu l-aħbar tajba li s-Saltna t’Alla se tirrenja fuq l-art.

17. (a) Ġesù fejn għallem? (b) Għala ħadem daqshekk iebes biex jgħallem lil oħrajn?

17 Ġesù fejn għallem? Kull fejn kien hemm in-nies. Hu għallem fil-kampanja kif ukoll fil-bliet, fl-irħula, fis-swieq, fil-postijiet taʼ qima, u fid-djar tan-nies. Hu ma qagħadx jistenna li n-nies imorru għandu imma spiss mar hu għandhom. (Marku 6:56; Luqa 19:5, 6) Ġesù ħadem iebes u uża ħafna ħin u enerġija biex jgħallem in-nies. Għala? Għax kien jaf li Alla riedu jagħmel hekk u għax hu dejjem obda lil Missieru. (Ġwanni 8:28, 29) Ġesù pprietka wkoll għax ħass mogħdrija għan-nies. (Aqra Mattew 9:35, 36.) Hu setaʼ jara li l-mexxejja reliġjużi ma kinux qed jgħallmu l-verità dwar Alla u s-Saltna tiegħu. Allura ried jgħin lil kemm jistaʼ jkun nies biex jisimgħu l-aħbar tajba.

18. Liema kwalitajiet taʼ Ġesù jogħġbuk l-iktar?

18 Ġesù kien raġel li kien iħobb in-nies u jimpurtah minnhom. Hu kien qalbu tajba u kulħadd kien iħossu komdu jitkellem miegħu. Saħansitra  anki t-tfal kienu jieħdu pjaċir fil-kumpanija tiegħu. (Marku 10:13-16) Ġesù dejjem kien ġust. Hu kien jobgħod il-korruzzjoni u l-inġustizzja. (Mattew 21:12, 13) Hu kien jgħix fi żmien meta n-nisa ma tantx kien ikollhom drittijiet u ma kinux jiġu trattati bir-rispett. Imma Ġesù dejjem ittratta lin-nisa bir-rispett u bid-dinjità. (Ġwanni 4:9, 27) Ġesù kien ukoll umli fil-veru sens tal-kelma. Pereżempju, lejla minnhom ħasel saqajn l-appostli tiegħu, xi ħaġa li s-soltu kienet issir minn qaddej.—Ġwanni 13:2-5, 12-17.

Ġesù pprietka kull fejn kien hemm in-nies

19. Liema eżempju juri li Ġesù kien jaf x’verament kellhom bżonn in-nies u li ried jgħinhom?

19 Ġesù kien jaf x’verament kellhom bżonn in-nies, u ried jgħinhom. Dan deher ċar ħafna meta uża l-qawwa t’Alla biex ifejjaq lin-nies b’mod mirakoluż. (Mattew 14:14) Pereżempju, raġel bil-ġdiem mar għand Ġesù u qallu: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” Ġesù ġie mqanqal meta ra l-uġigħ u t-tbatija taʼ dan ir-raġel. Hu tħassru u ried jgħinu. Għalhekk, Ġesù ħareġ idu, mess lir-raġel, u qallu: “Irrid. Indaf.” U r-raġel marid ġie mfejjaq! (Marku 1:40-42) Tistaʼ timmaġina kif ħassu dan ir-raġel?

DEJJEM LEALI LEJN MISSIERU

20, 21. Ġesù kif inhu l-aqwa eżempju t’ubbidjenza lejn Alla?

20 Ġesù hu l-aqwa eżempju t’ubbidjenza lejn Alla. Minkejja dak li nqalaʼ jew dak li għamlu l-għedewwa tiegħu, hu baqaʼ leali lejn Missieru. Pereżempju, Ġesù ma dinibx meta Satana pprova jittantah. (Mattew 4:1-11) Xi wħud mill-membri tal-familja taʼ Ġesù stess m’emmnux li kien il-Messija u qalu li kien  “tilef moħħu,” imma Ġesù baqaʼ jagħmel ix-xogħol t’Alla. (Marku 3:21) Meta l-għedewwa tiegħu ttrattawh bil-krudeltà, Ġesù baqaʼ leali lejn Alla u qatt ma pprova jweġġagħhom.—1 Pietru 2:21-23.

21 Anki meta Ġesù għadda minn mewta kerha u taʼ wġigħ, hu baqaʼ leali lejn Ġeħova. (Aqra Filippin 2:8.) Immaġina kemm kellu jissaporti dakinhar li miet. Hu ġie arrestat, xhieda foloz akkużawh li kien dagħa, imħallfin mill-agħar ikkundannawh, folol taʼ nies waqqgħuh għaċ-ċajt, u suldati ttorturawh u sammruh maʼ zokk. Meta kien qed imut għajjat: “Twettaq!” (Ġwanni 19:30) Tlett ijiem wara li miet  Ġesù, Ġeħova rxoxtah u tah ġisem spirtu. (1 Pietru 3:18) Ftit ġimgħat wara, Ġesù mar lura fis-sema, “qagħad bil-qiegħda fuq il-leminija t’Alla,” u stenna biex Alla jagħmlu Sultan.—Ebrej 10:12, 13.

22. Aħna liema opportunità għandna issa peress li Ġesù baqaʼ leali lejn Missieru?

22 Peress li Ġesù baqaʼ leali lejn Missieru, aħna issa għandna l-opportunità li ngħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna, u dan hu fi qbil mal-iskop taʼ Ġeħova. Fil-kapitlu li jmiss, se niddiskutu kif il-mewt taʼ Ġesù tagħmilha possibbli għalina li ngħixu għal dejjem.

^ par. 11 Ġeħova jissejjaħ Missier għaliex hu l-Ħallieq. (Isaija 64:8) Ġesù jissejjaħ l-Iben t’Alla għax Ġeħova ħalqu. L-anġli, kif ukoll ir-raġel Adam, ukoll huma msejħin ulied Alla.—Ġob 1:6; Luqa 3:38.