Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Noti fl-aħħar

Noti fl-aħħar

1 ĠEĦOVA

L-isem t’Alla hu Ġeħova u hu mifhum li jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Ġeħova hu l-Alla li jistaʼ kollox, u hu ħalaq kollox. Hu għandu l-qawwa biex jagħmel kulma jrid.

Bl-Ebrajk, l-isem t’Alla kien jinkiteb b’erbaʼ ittri. Bl-Ingliż, dawn huma rappreżentati minn YHWH jew JHVH. L-isem t’Alla jidher kważi 7,000 darba fit-test Ebrajk oriġinali tal-Bibbja. In-nies minn madwar id-dinja kollha jużaw forom differenti tal-isem Ġeħova, u jippronunzjawh bil-mod kif inhu komuni bil-lingwa tagħhom.

Kap. 1, para. 15

2 IL-BIBBJA HI “MNEBBĦA MINN ALLA”

L-Awtur tal-Bibbja hu Alla, imma uża l-irġiel biex jiktbuha. Dan hu bħal meta xi negozjant jgħid lis-segretarju tiegħu biex jikteb ittra li jkun fiha l-ideat tiegħu. Alla uża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jiggwida l-kittieba tal-Bibbja biex jiktbu l-ħsibijiet tiegħu. L-ispirtu t’Alla ggwidahom b’diversi modi, kultant billi tahom viżjonijiet jew ħolm li huma mbagħad kienu jniżżlu bil-miktub.

Kap. 2, para. 5

3 PRINĊIPJI

Dawn huma tagħlim fil-Bibbja li jispjega verità bażika. Pereżempju, il-prinċipju “kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja” jgħallimna li n-nies li nqattgħu l-ħin magħhom jeffettwawna jew għat-tajjeb jew għall-ħażin. (1 Korintin 15:33) U l-prinċipju “dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad” jgħallimna li ma nistgħux naħarbu l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħna.—Galatin 6:7.

Kap. 2, para. 12

  4 PROFEZIJA

Din hi messaġġ mingħand Alla. Jistaʼ jkun spjegazzjoni tar-rieda t’Alla, tagħlima morali, kmand, jew ġudizzju. Profezija tistaʼ tkun ukoll messaġġ dwar xi ħaġa li se sseħħ fil-futur. Hemm ħafna profeziji fil-Bibbja li diġà twettqu.

Kap. 2, para. 13

5 PROFEZIJI DWAR IL-MESSIJA

Ġesù hu dak li wettaq il-ħafna profeziji tal-Bibbja dwar il-Messija. Ara l-kaxxa “ Profeziji dwar il-Messija.

Kap. 2, para. 17, ntt.

6 L-ISKOP TAʼ ĠEĦOVA GĦALL-ART

Ġeħova ħalaq l-art biex tkun ġenna għall-bnedmin li jħobbuh. L-iskop tiegħu ma nbidilx. Alla dalwaqt se jneħħi l-ħażen u jagħti lill-poplu tiegħu l-ħajja taʼ dejjem.

Kap. 3, para. 1

7 SATANA X-XITAN

Satana huwa l-anġlu li beda r-ribelljoni kontra Alla. Hu msejjaħ Satana, li jfisser “Wieħed li Jopponi,” għax hu jiġġieled kontra Ġeħova. Hu msejjaħ ukoll Xitan, li jfisser “Kalunnjatur.” Dan l-isem ingħatalu għax hu jigdeb dwar Alla u jqarraq bin-nies.

Kap. 3, para. 4

  8 L-ANĠLI

Ġeħova ħalaq lill-anġli ħafna qabel ma ħalaq l-art. Huma nħalqu biex jgħixu fis-sema. Hemm iktar minn mitt miljun anġlu. (Danjel 7:10) Huma kollha għandhom isem u personalità differenti, u anġli leali bl-umiltà jirrifjutaw li jingħataw qima mill-bnedmin. Huma għandhom pożizzjonijiet differenti u jiġu inkarigati b’diversi xogħlijiet. Xi wħud minn dawn ix-xogħlijiet jinkludu li jaqdu quddiem it-tron taʼ Ġeħova, iwasslu messaġġi, jipproteġu u jiggwidaw lill-qaddejja tiegħu fuq l-art, iwettqu l-ġudizzji tiegħu, u jappoġġaw ix-xogħol tal-ippritkar. (Salm 34:7; Rivelazzjoni 14:6; 22:8, 9) Fil-futur, huma se jiġġieldu flimkien maʼ Ġesù fil-gwerra t’Armageddon.—Rivelazzjoni 16:14, 16; 19:14, 15.

Kap. 3, para. 5; Kap. 10, para. 1

9 ID-DNUB

Kull ħaġa li nħossu, naħsbu, jew nagħmlu li tmur kontra Ġeħova jew ir-rieda tiegħu hi dnub. Minħabba li d-dnub jagħmel ħsara lir-relazzjoni tagħna m’Alla, hu tana liġijiet u prinċipji li jgħinuna nevitaw dnub apposta. Fil-bidu, Ġeħova ħalaq kollox perfett, imma meta Adam u Eva għażlu li ma jobdux lil Ġeħova, huma dinbu u ma baqgħux perfetti. Huma xjaħu u mietu, u minħabba li writna d-dnub mingħand Adam, aħna wkoll nixjieħu u mmutu.

Kap. 3, para. 7; Kap. 5, para. 3

10 ARMAGEDDON

Din hi l-gwerra t’Alla biex jeqred id-dinja taʼ Satana u l-ħażen kollu.

Kap. 3, para. 13; Kap. 8, para. 18

 11 IS-SALTNA T’ALLA

Is-Saltna t’Alla hi gvern li Ġeħova stabbilixxa fis-sema. Ġesù Kristu hu s-Sultan tagħha. Fil-futur, Ġeħova se juża s-Saltna biex ineħħi l-ħażen kollu. Is-Saltna t’Alla se ssaltan fuq l-art kollha.

Kap. 3, para. 14

12 ĠESÙ KRISTU

Alla ħalaq lil Ġesù qabel kull ħaġa oħra. Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-art biex imut għall-bnedmin kollha. Wara li Ġesù ġie maqtul, Ġeħova rxoxtah. Ġesù issa qed isaltan fis-sema bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla.

Kap. 4, para. 2

13 IL-PROFEZIJA TAS-70 ĠIMGĦA

Il-Bibbja pprofetizzat, jew bassret, meta l-Messija kien se jidher. Dan kien se jkun fl-aħħar taʼ perijodu taʼ żmien imsejjaħ id-69 ġimgħa, li beda fis-sena 455 QK u li ntemm fis-sena 29 WK.

Kif nafu li ntemm fis-sena 29 WK? Id-69 ġimgħa bdew fis-sena 455 QK meta Neħemija wasal Ġerusalemm u beda jibni mill-ġdid il-belt. (Danjel 9:25; Neħemija 2:1, 5-8) Bħalma l-kelma “tużżana” ġġegħelna naħsbu fin-numru 12, hekk ukoll il-kelma “ġimgħa” tfakkarna fin-numru 7. Il-ġimgħat f’din il-profezija mhumiex ġimgħat taʼ sebat ijiem imma huma ġimgħat taʼ sebaʼ snin, fi qbil mar-regola profetika taʼ “jum għal sena.” (Numri 14:34; Eżekjel 4:6) Dan ifisser li kull ġimgħa hi twila sebaʼ snin u li d-69 ġimgħa jiġu 483 sena (69 x 7). Jekk ngħoddu 483 sena mis-sena 455 QK, naslu għas-sena 29 WK. Din hi eżatt is-sena meta Ġesù tgħammed u sar il-Messija!—Luqa 3:1, 2, 21, 22.

 L-istess profezija bassret ġimgħa oħra, li jiġu sebaʼ snin oħra. Matul dan il-perijodu taʼ żmien, fis-sena 33 WK, il-Messija kien se jinqatel, u mill-bidu tas-sena 36 WK, l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla kienet se tiġi pritkata lill-ġnus kollha u mhux biss lil-Lhud.—Danjel 9:24-27.

Kap. 4, para. 7

 14 IT-TAGĦLIM FALZ DWAR IT-TRINITÀ

Il-Bibbja tgħallem li Alla Ġeħova hu l-Ħallieq u li hu ħalaq lil Ġesù qabel kull ħaġa oħra. (Kolossin 1:15, 16) Ġesù mhuwiex Alla li Jistaʼ Kollox. Hu qatt ma qal li kien daqs Alla. Infatti, hu qal: “Il-Missier akbar minni.” (Ġwanni 14:28; 1 Korintin 15:28) Imma xi reliġjonijiet jgħallmu t-Trinità, li Alla hu tliet persuni f’wieħed: il-Missier, l-Iben, u l-ispirtu qaddis. Il-kelma “Trinità” ma tinstabx fil-Bibbja. Dan hu tagħlim falz.

L-ispirtu qaddis hu l-forza attiva t’Alla, il-qawwa inviżibbli tiegħu f’azzjoni li juża biex jagħmel ir-rieda tiegħu. Mhuwiex persuna. Pereżempju, il-Kristjani tal-bidu “mtlew bl-ispirtu qaddis,” u Ġeħova qal: “Inferraʼ ftit mill-ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin.”—Atti 2:1-4, 17.

Kap. 4, para. 12; Kap. 15, para. 17

15 IS-SALIB

Meta l-Kristjani veri jqimu lil Alla, ma jużawx is-salib. Għala?

  1.  Is-salib ilu żmien twil jintuża fir-reliġjon falza. Fi żmien il-qedem kien jintuża fil-qima tan-natura u f’ritwali pagani sesswali. Matul l-ewwel 300 sena wara l-mewt taʼ Ġesù, il-Kristjani ma kinux jużaw is-salib fil-qima tagħhom. Ħafna żmien wara, l-Imperatur Ruman Kostantinu għamel is-salib simbolu tal-Kristjanità. Is-simbolu ntuża biex jipprova jagħmel il-Kristjanità iktar popolari. Imma s-salib ma kellu xejn x’jaqsam maʼ Ġesù Kristu. In-New Catholic Encyclopedia tispjega: “Is-salib insibuh f’kulturi taʼ qabel il-Kristjanità u f’dawk mhux Kristjani.”

  2.  Ġesù ma mietx fuq salib. Il-kelma Griega tradotta “salib” bażikament tfisser “arblu wieqaf,” “zokk,” jew “siġra.” The Companion Bible tispjega: “M’hemm xejn  miktub fil-Grieg tat-[Testment il-Ġdid] li saħansitra jindika żewġ biċċiet injam.” Ġesù miet fuq zokk wieqaf.

  3.  Ġeħova ma jridniex nużaw xbihat jew simboli fil-qima tagħna.—Eżodu 20:4, 5; 1 Korintin 10:14.

Kap. 5, para. 12

16 IT-TIFKIRA

Ġesù kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex josservaw it-Tifkira tal-mewt tiegħu. Dan jagħmluh kull sena fl-14 taʼ Nisan, l-istess data li l-Iżraelin kienu jiċċelebraw il-Qbiż. Ħobż u nbid, li jirrappreżentaw il-ġisem u d-demm taʼ Ġesù, jingħaddu minn id għal id fit-Tifkira. Dawk li se jsaltnu maʼ Ġesù fis-sema jieklu l-ħobż u jixorbu l-inbid. Dawk li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art b’rispett jattendu t-Tifkira imma ma jiklux il-ħobż jew jixorbu l-inbid.

Kap. 5, para. 21

17 IR-RUĦ

Fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida, il-kelma “ruħ” tintuża biex tiddeskrivi (1) persuna, (2) annimal, jew (3) il-ħajja taʼ persuna jew annimal. Issa se naraw xi eżempji:

  • Persuna. “Fi żmien Noè . . . ftit nies, jiġifieri, tmien erwieħ, inġarrew mill-ilma u ġew salvati.” (1 Pietru 3:20) Hawnhekk il-kelma “erwieħ” tirreferi għan-nies—Noè u martu, it-tliet uliedhom, u n-nisa taʼ wliedhom.

  • Annimal. “Alla ssokta jgħid: ‘Ħa jkunu miżgħuda l-ilmijiet bi qtajjaʼ t’erwieħ ħajjin u ħa jittajru l-ħlejjaq li jtiru ’l fuq mill-art f’wiċċ il-firxa tas-smewwiet.’ U Alla ssokta jgħid: ‘Ħa tnissel l-art erwieħ ħajjin skond ġenshom, l-annimali domestiċi u l-annimali li jitkaxkru u l-bhejjem salvaġġi taʼ l-art skond ġenshom.’ U hekk sar.”—Ġenesi 1:20, 24.

  • Il-ħajja taʼ persuna jew annimal. Ġeħova qal lil Mosè:  “L-irġiel kollha li kienu qed jipprovaw joqtluk [“ifittxu lil ruħek,” nota taʼ taħt] mietu.” (Eżodu 4:19) Meta Ġesù kien fuq l-art, hu qal: “Jien ir-ragħaj mill-aħjar; ir-ragħaj mill-aħjar jagħti ruħu għan-nagħaġ.”—Ġwanni 10:11.

    Barra minn hekk, meta individwu jagħmel xi ħaġa ‘b’ruħu kollha,’ dan ifisser li jagħmilha minn jeddu u bl-aħjar mod li jistaʼ. (Mattew 22:37; Dewteronomju 6:5) Il-kelma “ruħ” tistaʼ tintuża wkoll biex tiddeskrivi x-xewqa taʼ ħliqa ħajja. Persuna mejta jew ġisem mejjet nistgħu nirreferu għalih bħala ruħ mejta.—Numri 6:6; Proverbji 23:2; Isaija 56:11; Ħaggaj 2:13.

Kap. 6, para. 5; Kap. 15, para. 17

18 SPIRTU

Il-kliem Ebrajk u Grieg tradott “spirtu” fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida jistaʼ jfisser affarijiet differenti. Imma dejjem jirreferi għal xi ħaġa inviżibbli għall-bnedmin, bħar-riħ jew in-nifs tal-bnedmin u l-annimali. Dan il-kliem jistaʼ jirreferi wkoll għal spirti u għall-ispirtu qaddis, li hu l-forza attiva t’Alla. Il-Bibbja ma tgħallimx li xi parti minn persuna tibqaʼ tgħix wara li tmut.—Eżodu 35:21; Salm 104:29; Mattew 12:43; Luqa 11:13.

Kap. 6, para. 5; Kap. 15, para. 17

19 GEĦENNA

Geħenna hu l-isem taʼ wied viċin Ġerusalemm fejn kienu jaħarqu u jeqirdu l-iskart. M’hemm l-ebda evidenza li fi żmien Ġesù, l-annimali jew il-bnedmin kienu jiġu ttorturati jew maħruqin ħajjin f’dan il-wied. Allura Geħenna ma tissimbolizzax post inviżibbli fejn in-nies li jmutu jiġu ttorturati u maħruqin għal dejjem. Meta Ġesù tkellem dwar dawk li jitwaddbu f’Geħenna, kien qed jitkellem dwar qerda totali.—Mattew 5:22; 10:28.

Kap. 7, para. 20

 20 IT-TALBA TAL-MISSIERNA

Din hi t-talba li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu meta kien qed jgħallimhom kif għandhom jitolbu. Tissejjaħ ukoll it-talba mudell. Pereżempju, Ġesù għallimna biex nitolbu b’dan il-mod:

  • “Ħa jitqaddes ismek”

    Aħna nitolbu biex Ġeħova jnaddaf ismu, jew ir-reputazzjoni tiegħu, minn kull gidba. Dan biex kulħadd, fis-sema u fuq l-art, jonora u jirrispetta l-isem t’Alla.

  • “Ħa tiġi saltnatek”

    Aħna nitolbu biex il-gvern t’Alla jeqred id-dinja mill-agħar taʼ Satana, isaltan għal fuq l-art, u jbiddel id-dinja f’ġenna tal-art.

  • “Ħa jkun li trid int . . . fuq l-art”

    Aħna nitolbu biex jitwettaq l-iskop t’Alla għall-art ħalli bnedmin ubbidjenti u perfetti jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem fil-Ġenna tal-art, sewwasew bħalma ried Ġeħova meta ġew maħluqin il-bnedmin.

Kap. 8, para. 2

21 IL-FIDWA

Ġeħova pprovda l-fidwa biex jeħles lill-bnedmin mid-dnub u l-mewt. Il-fidwa kienet il-prezz meħtieġ biex tinxtara lura l-ħajja umana perfetta li tilef l-ewwel raġel, Adam, u biex titranġa r-relazzjoni bejn il-bnedmin u Ġeħova. Alla bagħat lil Ġesù lejn l-art biex ikun jistaʼ jmut għall-midinbin kollha. Minħabba l-mewt taʼ Ġesù, il-bnedmin kollha għandhom l-opportunità li jgħixu għal dejjem u jsiru perfetti.

Kap. 8, para. 21; Kap. 9, para. 13

 22 IS-SENA 1914 GĦALA HI DAQSTANT IMPORTANTI?

Il-profezija f’Danjel kapitlu 4 tgħallimna li Alla kien se jistabbilixxi s-Saltna tiegħu fl-1914.

Il-profezija: Ġeħova ta lis-Sultan Nebukadnessar ħolma profetika dwar siġra kbira li tqaċċtet. Fil-ħolma, ċirku tal-ħadid u r-ram tqiegħed madwar zokk is-siġra biex din ma titħalliex tikber għal perijodu taʼ “sebaʼ żminijiet.” Wara dan, is-siġra kienet se terġaʼ tikber.—Danjel 4:1, 10-16.

Dak li l-profezija tfisser għalina: Is-siġra tirrappreżenta t-tmexxija t’Alla. Għal ħafna snin, Ġeħova uża slaten f’Ġerusalemm biex imexxu lill-ġens tal-Iżrael. (1 Kronaki 29:23) Imma dawn is-slaten saru żleali, u ma baqgħux isaltnu. Ġerusalemm inqerdet fis-sena 607 QK. Dan kien il-bidu tas-“seba’ żminijiet.” (2 Slaten 25:1, 8-10; Eżekjel 21:25-27) Meta Ġesù qal, “Ġerusalemm tintrifes mill-ġnus sakemm jitwettqu ż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus,” hu kien qed jitkellem dwar is-“seba’ żminijiet.” (Luqa 21:24) Allura s-“sebaʼ żminijiet” ma ntemmux meta Ġesù kien fuq l-art. Ġeħova wiegħed li kien se jaħtar Sultan fi tmiem is-“sebaʼ żminijiet.” It-tmexxija taʼ dan is-Sultan ġdid, Ġesù, kienet se ġġib barkiet kbar għan-nies t’Alla madwar l-art, għal dejjem.—Luqa 1:30-33.

It-tul tas-“sebaʼ żminijiet”: Is-“seba’ żminijiet” damu 2,520 sena. Jekk ngħoddu 2,520 sena mis-sena 607 QK, naslu fis-sena 1914. Dan kien meta Ġeħova għamel lil Ġesù, il-Messija, is-Sultan tas-Saltna t’Alla fis-sema.

 Kif naslu għan-numru 2,520? Il-Bibbja tgħid li tliet żminijiet u nofs jiġu 1,260 ġurnata. (Rivelazzjoni 12:6, 14) Allura “sebaʼ żminijiet” jiġu d-doppju taʼ dan in-numru, jew 2,520 ġurnata. L-2,520 ġurnata huma daqs 2,520 sena minħabba r-regola profetika “jum għal sena.”—Numri 14:34; Eżekjel 4:6.

Kap. 8, para. 23

23 MIKIEL L-ARKANĠLU

Il-kelma “arkanġlu” tfisser “kap tal-anġli.” Il-Bibbja ssemmi arkanġlu wieħed, u ismu hu Mikiel.—Danjel 12:1; Ġuda 9.

Mikiel hu l-Mexxej tal-armata t’anġli leali t’Alla. Rivelazzjoni 12:7 jgħid: “Mikiel u l-anġli tiegħu tqabdu mad-dragun . . . u l-anġli tiegħu.” Il-ktieb tar-Rivelazzjoni jgħid li l-Mexxej tal-armata t’Alla hu Ġesù, allura Mikiel hu isem ieħor għal Ġesù.—Rivelazzjoni 19:14-16.

Kap. 9, para. 4

24 L-AĦĦAR JIEM

Din l-espressjoni tirreferi għall-perijodu taʼ żmien meta ġrajjiet kbar se jseħħu fuq l-art eżatt qabel ma s-Saltna t’Alla teqred id-dinja taʼ Satana. Espressjonijiet simili, bħall-“konklużjoni tas-sistema” u “l-preżenza taʼ Bin il-bniedem,” jintużaw fil-profezija Biblika biex jirreferu għall-istess perijodu taʼ żmien. (Mattew 24:3, 27, 37)“L-aħħar jiem” bdew meta s-Saltna t’Alla bdiet issaltan fis-sema fl-1914 u se jintemmu meta d-dinja taʼ Satana tiġi meqruda f’Armageddon.—2 Timotju 3:1; 2 Pietru 3:3.

Kap. 9, para. 5

 25 IRXOXT

Meta Alla jerġaʼ jagħti l-ħajja lil individwu li jkun miet, dan jissejjaħ irxoxt. Fil-Bibbja jissemmew disaʼ każi taʼ rxoxt. Elija, Eliżew, Ġesù, Pietru, u Pawlu kollha wettqu rxoxt. Dawn il-mirakli kienu possibbli biss minħabba l-qawwa t’Alla. Ġeħova jwiegħed li se jqajjem ‘kemm in-nies sewwa u kemm dawk li m’humiex sewwa’ biex jgħixu fuq l-art. (Atti 24:15) Il-Bibbja ssemmi wkoll irxoxt lejn is-sema. Dan iseħħ meta dawk li huma magħżulin, jew midlukin, minn Alla jiġu rxoxtati biex jgħixu fis-sema maʼ Ġesù.—Ġwanni 5:28, 29; 11:25; Filippin 3:11; Rivelazzjoni 20:5, 6.

Kap. 9, para. 13

26 DEMONIŻMU (SPIRITIŻMU)

Id-demoniżmu jew l-ispiritiżmu hu l-prattika ħażina taʼ li tipprova tikkomunika mal-ispirti, jew direttament jew permezz taʼ xi ħadd ieħor, bħal xi saħħar jew medjum tal-ispirti. Nies li jipprattikaw l-ispiritiżmu jagħmlu dan għax jemmnu t-tagħlim falz li l-ispirti tal-bnedmin jibqgħu ħajjin wara l-mewt u jsiru fatati setgħanin. Id-demonji jipprovaw ukoll jinfluwenzaw lill-bnedmin biex ma jobdux lil Alla. L-astroloġija, it-teħbir, il-maġija, is-seħer, is-superstizzjonijiet, l-okkult, u s-sopranaturali wkoll huma parti mid-demoniżmu. Ħafna kotba, rivisti, oroskopji, films, posters, u saħansitra diski jagħmlu d-demonji, il-maġija, u s-sopranaturali jidhru qishom ma jagħmlux ħsara jew li huma eċċitanti. Ħafna drawwiet tal-funerali, bħal sagrifiċċji għall-mejtin, ċelebrazzjonijiet tal-funerali, anniversarji tal-funerali, u xi ritwali oħra wkoll jinkludu kuntatt mad-demonji. In-nies spiss jużaw id-drogi meta jipprovaw jużaw il-qawwa tad-demonji.—Galatin 5:20; Rivelazzjoni 21:8.

Kap. 10, para. 10; Kap. 16, para. 4

 27 IS-SOVRANITÀ TAʼ ĠEĦOVA

Ġeħova hu Alla li Jistaʼ Kollox, u hu ħalaq l-univers kollu. (Rivelazzjoni 15:3) Għalhekk hu s-Sid taʼ kollox u għandu sovranità, jew awtorità sħiħa, biex isaltan fuq il-ħolqien tiegħu. (Salm 24:1; Isaija 40:21-23; Rivelazzjoni 4:11) Hu għamel liġijiet għal kull ħaġa li ħalaq. Ukoll, Ġeħova għandu l-awtorità biex jaħtar lil oħrajn biex ikunu mexxejja. Aħna nappoġġaw is-sovranità t’Alla meta nħobbuh u nobduh.—1 Kronaki 29:11.

Kap. 11, para. 10

28 ABORT

Abort isir apposta biex tinqatel tarbija li tkun għadha ma twilditx. Mhix xi aċċident jew ir-riżultat taʼ xi reazzjoni naturali tal-ġisem uman. Minn meta t-tarbija titnissel, mhijiex biss parti mill-ġisem tal-omm. It-tarbija hi persuna separata.

Kap. 13, para. 5

29 TRASFUŻJONI TAD-DEMM

Din hi l-proċedura medika li fiha demm sħiħ jew wieħed mill-erbaʼ komponenti prinċipali jiġi trasferit fil-ġisem taʼ persuna. Dan jistaʼ jkun demm taʼ persuna oħra jew demm li jkun ġie maħżun. L-erbaʼ komponenti prinċipali tad-demm huma l-plasma, iċ-ċelluli ħomor tad-demm, iċ-ċelluli bojod tad-demm, u l-platelets.

Kap. 13, para. 13

 30 DIXXIPLINA

Fil-Bibbja, il-kelma għal “dixxiplina” mhijiex biss kelma oħra għal kastig. Meta niġu dixxiplinati, aħna niġu istruwiti, edukati, u koreġuti. Ġeħova qatt mhu abbużiv jew kattiv maʼ dawk li jiddixxiplinahom. (Proverbji 4:1, 2) Ġeħova jħalli eżempju mill-isbaħ għall-ġenituri. Id-dixxiplina li hu jagħti tant hi effettiva li persuna tistaʼ saħansitra ssir tħobb id-dixxiplina. (Proverbji 12:1) Ġeħova jħobb lil niesu, u hu jħarriġhom. Hu jagħtihom istruzzjoni li tikkoreġi ideat żbaljati u li tgħinhom jitgħallmu biex jaħsbu u jaġixxu b’mod li jogħġob lilu. Għall-ġenituri, id-dixxiplina tinkludi li jgħinu lil uliedhom jifhmu r-raġunijiet għala għandhom ikunu ubbidjenti. Tfisser ukoll li jgħallmuhom iħobbu lil Ġeħova, kif ukoll li jħobbu l-Kelma tiegħu l-Bibbja, u jifhmu l-prinċipji li fiha.

Kap. 14, para. 13

31 DEMONJI

Huma ħlejjaq spirti inviżibbli u mill-agħar li għandhom qawwa sopranaturali. Id-demonji huma anġli mill-agħar. Huma saru ħżiena meta għamlu lilhom infushom għedewwa t’Alla billi m’obdewhx. (Ġenesi 6:2; Ġuda 6) Huma ngħaqdu maʼ Satana fir-ribelljoni tiegħu kontra Ġeħova.—Dewteronomju 32:17; Luqa 8:30; Atti 16:16; Ġakbu 2:19.

Kap. 16, para. 4