Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU ERBATAX

Il-familja tiegħek tistaʼ tkun ferħana

Il-familja tiegħek tistaʼ tkun ferħana

1, 2. Ġeħova xi jrid għall-familji?

ALLA ĠEĦOVA għaqqad l-ewwel koppja fiż-żwieġ. Il-Bibbja tgħidilna li għamel l-ewwel mara u “ħadha għand ir-raġel.” Adam tant feraħ li qal: “Sa fl-aħħar, din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi.” (Ġenesi 2:22, 23) Dan jurina li Ġeħova jrid li l-miżżewġin ikunu ferħanin.

2 B’dispjaċir, ħafna nies qatt m’esperjenzaw ħajja tal-familja ferħana. Madankollu, il-Bibbja fiha ħafna prinċipji li se jgħinu lill-membri kollha tal-familja biex jagħmlu l-ħajja tal-familja tagħhom waħda taʼ suċċess u biex jieħdu gost ikunu flimkien.—Luqa 11:28.

DAK LI ALLA JISTENNA MILL-IRĠIEL MIŻŻEWĠIN

3, 4. (a) Raġel kif għandu jittratta lil martu? (b) Għala huwa importanti li r-raġel u l-mara jaħfru lil xulxin?

3 Il-Bibbja tgħid li raġel tajjeb għandu jittratta lil martu bi mħabba u b’rispett. Jekk jogħġbok aqra Efesin 5:25-29. Raġel dejjem se jittratta lil martu bl-imħabba. Ukoll, se jipproteġiha, jieħu ħsiebha, u ma jagħmel xejn biex iweġġagħha.

4 Imma raġel miżżewweġ x’għandu jagħmel meta martu tiżbalja? L-irġiel jintqalilhom: “Ibqgħu ħobbu lin-nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom.” (Kolossin 3:19) Irġiel, ftakru li anki intom tiżbaljaw. U jekk  tridu li Alla jaħfer lilkom, intom tridu taħfru lin-nisa tagħkom. (Mattew 6:12, 14, 15) Meta kemm ir-raġel u kemm il-mara jkunu lesti li jaħfru, dan se jgħinhom ikollhom żwieġ ferħan.

5. Raġel għala għandu jonora lil martu?

5 Ġeħova jistenna li r-raġel jonora lil martu. Hu għandu jaħseb bis-serjetà dwar il-bżonnijiet taʼ martu. Din hi kwistjoni serja ħafna. Jekk raġel miżżewweġ ma jittrattax lil martu sew, Ġeħova jistaʼ jirrifjuta li jismaʼ t-talb tiegħu. (1 Pietru 3:7) Individwu jrid ikun iħobb lil Ġeħova biex ikun taʼ valur f’għajnejh. Ġeħova ma jippreferix l-irġiel iktar min-nisa.

6. Xi jfisser li raġel u mara jkunu “ġisem wieħed”?

6 Ġesù spjega li raġel u mara “m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed.” (Mattew 19:6) Huma leali lejn xulxin u qatt ma se jkunu żleali lejn xulxin. (Proverbji 5:15-21; Ebrej 13:4) L-irġiel u n-nisa miżżewġin għandhom jieħdu ħsieb il-bżonnijiet sesswali taʼ xulxin mingħajr egoiżmu. (1 Korintin 7:3-5) Raġel għandu jiftakar li “ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu.” Allura għandu jħobb u jgħożż lil martu. Fuq kollox, mara trid li żewġha juriha qalb tajba u mħabba.—Efesin 5:29.

DAK LI ALLA JISTENNA MIN-NISA MIŻŻEWĠIN

7. Familja għala għandha bżonn kap?

7 Kull familja għandha bżonn kap, xi ħadd li jiggwida lill-familja biex jaħdmu spalla maʼ spalla flimkien. Fl-1 Korintin 11:3, il-Bibbja tgħid: “Il-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu; u l-kap tal-mara hu r-raġel; u l-kap tal-Kristu hu Alla.”

8. Mara kif tistaʼ turi rispett profond lejn żewġha?

 8 Kull raġel jiżbalja. Imma meta mara tappoġġa d-deċiżjonijiet taʼ żewġha u tikkoopera miegħu minn qalbha, il-familja kollha tibbenefika. (1 Pietru 3:1-6) Il-Bibbja tgħid: “Il-mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” (Efesin 5:33) Xi ngħidu jekk raġel miżżewweġ ma jkollux l-istess twemmin taʼ martu? Hi xorta trid turi rispett profond lejh. Il-Bibbja tgħid: “Intom in-nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-kondotta tan-nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-kondotta safja tagħkom flimkien mar-rispett profond.” (1 Pietru 3:1, 2) L-eżempju tajjeb tal-mara jistaʼ jgħin lil żewġha jifhem u jirrispetta t-twemmin tagħha.

9. (a) Mara x’għandha tagħmel jekk ma taqbilx maʼ żewġha? (b) X’parir insibu għan-nisa miżżewġin f’Titu 2:4, 5?

9 Mara x’tistaʼ tagħmel meta ma taqbilx maʼ  żewġha? Għandha tesprimi l-opinjonijiet tagħha bir-rispett. Pereżempju, Sara qalet xi ħaġa li ma daqqitx għal widnejn Abraham, imma Ġeħova qallu: “Ismaʼ minn kliemha.” (Ġenesi 21:9-12) Raġel Kristjan rari se jieħu deċiżjoni li tmur kontra dak li tgħid il-Bibbja, allura martu għandha tappoġġah. (Atti 5:29; Efesin 5:24) Mara tajba se tieħu ħsieb lill-familja tagħha. (Aqra Titu 2:4, 5.) Meta żewġha u wliedha jaraw kemm taħdem iebes għalihom, huma se jħobbuha u jirrispettawha saħansitra iktar.—Proverbji 31:10, 28.

Sara kif inhi eżempju tajjeb għan-nisa miżżewġin?

10. Il-Bibbja x’tgħid dwar is-separazzjoni u d-divorzju?

10 Kultant xi koppji malajr jieħdu d-deċiżjoni li jisseparaw jew jiddivorzjaw. Madankollu, il-Bibbja tgħid li “mara m’għandhiex tinfired minn żewġha” u li “raġel m’għandux jitlaq lil martu.” (1 Korintin 7:10, 11) Hemm ċerti ċirkustanzi estremi meta l-koppji jistgħu jisseparaw, imma din hi deċiżjoni serja. Xi ngħidu għad-divorzju? Il-Bibbja turi li l-unika raġuni valida għad-divorzju hi jekk ir-raġel jew il-mara jkollha relazzjoni sesswali maʼ xi ħadd barra ż-żwieġ.—Mattew 19:9.

DAK LI ALLA JISTENNA MILL-ĠENITURI

Ġesù hu eżempju tajjeb għal kull membru tal-familja

11. It-tfal x’għandhom bżonn iktar minn kull ħaġa oħra?

11 Ġenituri, qattgħu kemm tistgħu ħin maʼ wliedkom. It-tfal tagħkom għandhom bżonnkom, u iktar minn kull ħaġa oħra, għandhom bżonn li tgħallmuhom dwar Ġeħova.—Dewteronomju 6:4-9.

12. Il-ġenituri x’għandhom jagħmlu biex jipproteġu lil uliedhom?

12 Id-dinja taʼ Satana dejjem sejra għall-agħar, u hemm xi wħud li forsi jkunu jridu jweġġgħu lil uliedna, saħansitra jabbużawhom sesswalment. Xi ġenituri jsibuha diffiċli biex jitkellmu dwar dan is-suġġett.  Imma l-ġenituri għandhom bżonn iwissu lil uliedhom dwar nies bħal dawn u jgħallmuhom kif jevitawhom. Ġenituri, għandkom tipproteġu lil uliedkom. *1 Pietru 5:8.

13. Il-ġenituri kif għandhom jgħallmu lil uliedhom?

13 Il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà li jgħallmu lil uliedhom kif iġibu ruħhom. Kif tistaʼ tgħallem lil uliedek? It-tfal tiegħek għandhom bżonn it-taħriġ, imma l-kastig qatt m’għandu jkun aħrax. (Ġeremija  30:11) Allura qatt m’għandek tiddixxiplina lil uliedek meta tkun irrabjat. Kliemek ma jridx ikun bħal “daqqiet taʼ sejf” li jweġġagħhom. (Proverbji 12:18) Għallem lil uliedek biex jifhmu għala hemm bżonn li jobdu.—Efesin 6:4; Ebrej 12:9-11; ara n-Nota fl-aħħar numru 30.

DAK LI ALLA JISTENNA MIT-TFAL

14, 15. It-tfal għala għandhom jobdu lill-ġenituri tagħhom?

14 Ġesù dejjem obda lil Missieru, anki meta ma kienx faċli. (Luqa 22:42; Ġwanni 8:28, 29) Ġeħova jistenna wkoll li t-tfal jobdu lill-ġenituri tagħhom.—Efesin 6:1-3.

15 Tfal, anki jekk tħossu li hu diffiċli biex tobdu lill-ġenituri tagħkom, ftakru li meta tkunu ubbidjenti, Ġeħova u l-ġenituri tagħkom jieħdu pjaċir bikom. *Proverbji 1:8; 6:20; 23:22-25.

X’se jgħin liż-żgħażagħ ikunu leali lejn Alla meta jiġu mħajrin biex jagħmlu xi ħaġa ħażina?

16. (a) Satana kif jipprova jħajjar liż-żgħażagħ biex jagħmlu xi ħaġa ħażina? (b) Għala hu importanti li tagħżel ħbieb li jħobbu lil Ġeħova?

16 Ix-Xitan jistaʼ juża lil sħabek u lil żgħażagħ oħrajn biex jipprova jħajrek tagħmel xi ħaġa ħażina. Hu jaf li din il-pressjoni tistaʼ tkun diffiċli ħafna biex tirreżistiha. Pereżempju, Dina, it-tifla taʼ Ġakobb, kellha xi ħbieb li ma kinux iħobbu lil Ġeħova. Minħabba f’hekk, kemm hi u kemm familtha daħlu f’ħafna inkwiet. (Ġenesi 34:1, 2) Jekk sħabek ma jħobbux lil Ġeħova, għandhom mnejn jipprovaw iħajruk biex tagħmel xi ħaġa li Ġeħova jobgħod, u dan kieku jikkaġuna  ħafna wġigħ għalik, għal familtek, u għal Alla. (Proverbji 17:21, 25) Għalhekk hu importanti ħafna li ssib ħbieb li jħobbu lil Ġeħova.—1 Korintin 15:33.

IL-FAMILJA TIEGĦEK TISTAʼ TKUN FERĦANA

17. Liema responsabbiltà għandha kull persuna fil-familja?

17 Meta l-membri tal-familja jsegwu l-istruzzjonijiet t’Alla, huma jevitaw l-inkwiet u ħafna problemi. Allura jekk int raġel miżżewweġ, ħobb lil martek u ttrattaha bl-imħabba. Jekk int mara miżżewġa, uri rispett u sottomissjoni lejn żewġek u imita l-eżempju tal-mara deskritta fi Proverbji 31:10-31. Jekk int ġenitur, għallem lil uliedek biex iħobbu lil Alla. (Proverbji 22:6) Jekk int missier, iggwida lil familtek “bl-aħjar mod.” (1 Timotju 3:4, 5; 5:8) U tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom. (Kolossin 3:20) Ftakru li kull persuna fil-familja tistaʼ tiżbalja, allura kunu umli u itolbu lil xulxin maħfra. Iva, il-Bibbja fiha gwida mingħand Ġeħova għal kull persuna fil-familja.

^ par. 12 Tistaʼ ssib iktar informazzjoni dwar kif tipproteġi lil uliedek f’kapitlu 32 tal-ktieb Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 15 It-tfal m’għandhomx għalfejn jobdu lill-ġenituri tagħhom jekk ikunu jriduhom jagħmlu xi ħaġa li tmur kontra l-liġi t’Alla.—Atti 5:29.