1. Min tana l-ħajja?

ĠEĦOVA “hu l-Alla l-ħaj.” (Ġeremija 10:10) Hu l-Ħallieq tagħna u tana l-ħajja. Il-Bibbja tgħid: “Int ħlaqt l-affarijiet kollha, u bir-rieda tiegħek eżistew u nħolqu.” (Rivelazzjoni 4:11) Iva, Ġeħova ried li jkollna l-ħajja. Il-ħajja hi għotja prezzjuża mingħandu.—Aqra Salm 36:9.

2. Kif jistaʼ jkollna s-suċċess fil-ħajja?

2 Ġeħova jagħtina dak li għandna bżonn biex nibqgħu ngħixu, bħall-ikel u l-ilma. (Atti 17:28) Imma iżjed minn hekk, hu jridna ngawdu l-ħajja. (Atti 14:15-17) Biex ikollna s-suċċess fil-ħajja, għandna bżonn nobdu l-liġijiet t’Alla.—Isaija 48:17, 18.

KIF ALLA JĦOSSU DWAR IL-ĦAJJA

3. Ġeħova x’għamel meta Kajjin qatel lil Abel?

3 Il-Bibbja tgħallimna li l-ħajja tagħna u dik taʼ ħaddieħor huma prezzjużi għal Ġeħova. Pereżempju, meta Kajjin—it-tifel t’Adam u Eva—kien irrabjat ħafna għal ħuh Abel, li kien iżgħar minnu, Ġeħova wissa lil Kajjin li kellu bżonn jikkontrolla r-rabja tiegħu. Imma Kajjin ma tax widen, u tant irrabja li “ħebb għal ħuh Abel u qatlu.” (Ġenesi 4:3-8) Ġeħova kkastiga lil Kajjin talli qatel lil Abel. (Ġenesi 4:9-11) Allura r-rabja u l-mibegħda huma perikolużi għax jistgħu jagħmluna vjolenti jew kattivi. Persuna bħal din ma tistax tingħata l-ħajja taʼ dejjem. (Aqra l-1 Ġwanni 3:15.) Biex nogħġbu lil Ġeħova, hemm bżonn li nitgħallmu nħobbu lin-nies kollha.—1 Ġwanni 3:11, 12.

4. Waħda mil-liġijiet li Alla ta lill-Iżraelin x’tgħallimna dwar l-għotja tal-ħajja?

 4 Eluf taʼ snin wara, Ġeħova wera li kien iqis il-ħajja bħala li hi prezzjuża meta ta l-Għaxar Kmandamenti lil Mosè. Waħda mil-liġijiet hi: “Toqtolx.” (Dewteronomju 5:17) Jekk individwu kien joqtol lil xi ħadd apposta, hu kien jiġi maqtul.

5. Alla kif iħossu dwar l-abort?

5 Alla kif iħossu dwar l-abort? Anki l-ħajja taʼ tarbija fil-ġuf hi prezzjuża għal Ġeħova. Fil-Liġi li Ġeħova ta lill-Iżraelin, Ġeħova qal li jekk xi ħadd kien iweġġaʼ lil omm u minħabba f’hekk tmut it-tarbija tagħha, dan l-individwu kellu jinqatel. (Aqra Eżodu 21:22, 23; Salm 127:3.) Dan jgħallimna li l-abort hu ħażin.—Ara n-Nota fl-aħħar numru 28.

6, 7. Kif nuru lil Ġeħova li nqisu l-ħajja bħala li hi prezzjuża?

6 Kif nistgħu nuru lil Ġeħova li aħna nqisu l-ħajja tagħna u dik t’oħrajn bħala li huma prezzjużi? Billi ma nagħmlu xejn li jistaʼ jipperikola l-ħajja agħna jew taʼ ħaddieħor. Allura m’aħniex se nużaw it-tabakk jew nabbużaw mid-drogi, għax dawn jagħmlulna l-ħsara u jistgħu joqtluna.

7 Alla tana ħajjitna u ġisimna, u għandna nużawhom kif jixtieq hu. Allura rridu nieħdu ħsieb il-ġisem tagħna. Jekk ma nagħmlux hekk, m’aħniex se nkunu nodfa f’għajnejn Alla. (Rumani 6:19; 12:1; 2 Korintin 7:1) Ma nistgħux inqimu lil Ġeħova, li tana l-ħajja, jekk ma nqisux il-ħajja bħala li hi prezzjuża. Avolja jistaʼ jkun diffiċli ħafna biex naqtgħu xi vizzju, Ġeħova se jgħinna jekk qed nagħmlu sforz għax inqisu l-ħajja bħala li hi prezzjuża.

8. X’se nagħmlu biex inkunu ċerti li ma nipperikolawx il-ħajja tagħna jew dik t’oħrajn?

 8 Aħna tgħallimna li l-ħajja hi għotja prezzjuża. Ġeħova hu fiduċjuż li se nagħmlu l-aqwa tagħna biex qatt ma nipperikolaw il-ħajja tagħna jew dik t’oħrajn. Dan nagħmluh bil-mod kif insuqu l-karozza, il-mutur, jew xi vettura oħra. Aħna nevitaw sport perikoluż jew vjolenti. (Salm 11:5) Ukoll, nagħmlu l-almu tagħna biex ma jkunx hemm xi ħaġa perikoluża fi djarna. Ġeħova kkmanda lill-Iżraelin: “Jekk tibni dar ġdida, agħmel ċint mal-bejt tiegħek, sabiex ma ġġibx il-ħtija tad-demm fuq darek għaliex jaqaʼ xi ħadd minn fuqu.”—Dewteronomju 22:8.

9. Kif għandna nittrattaw l-annimali?

9 Anki l-mod kif nittrattaw l-annimali hu importanti għal Ġeħova. Hu jħallina noqtlu l-annimali għall-ikel u għall-ilbies, u jippermettilna noqtlu annimal jekk ħajjitna tkun fil-periklu. (Ġenesi 3:21; 9:3; Eżodu 21:28) Imma ma nistgħux naħqru l-annimali jew noqtluhom sempliċement għall-gost.—Proverbji 12:10.

IRRISPETTA L-QDUSIJA TAL-ĦAJJA

10. Kif nafu li d-demm jirrappreżenta l-ħajja?

10 Id-demm hu qaddis għal Ġeħova għax id-demm jirrappreżenta l-ħajja. Wara li Kajjin qatel lil Abel, Ġeħova qal lil Kajjin: “Demm ħuk qed jgħajjatli mill-art.” (Ġenesi 4:10) Id-demm t’Abel kien jirrappreżenta ħajtu, u Ġeħova kkastiga lil Kajjin talli qatel lil Abel. Wara d-Dulluvju taʼ żmien Noè, Ġeħova għal darb’oħra wera li d-demm jirrappreżenta l-ħajja. Ġeħova ħalla lil Noè u familtu jieklu l-laħam tal-annimali. Hu qal: “Kull annimal ħaj li jitħarrek tistgħu tikluh. Bħalma tajtkom il-ħaxix  aħdar, nagħtikom dan kollu.” Madankollu, kien hemm ħaġa waħda li Ġeħova kkmandahom biex ma jiklux: “Huwa biss il-laħam b’ruħu—demmu—li ma tistgħux tieklu.”—Ġenesi 1:29; 9:3, 4.

11. Alla liema kmand ta lill-ġens tal-Iżrael dwar id-demm?

11 Madwar 800 sena wara li Ġeħova qal lil Noè biex ma jikolx id-demm, hu reġaʼ kkmanda lill-poplu tiegħu: “Kull raġel mid-dar taʼ Israel jew xi resident barrani li qed jgħammar bħala barrani f’nofskom u li waqt li jkun għall-kaċċa jaqbad xi bhima salvaġġa jew xi tajra li tistaʼ tittiekel, irid iferraʼ demmha u jgħattih bit-trab.” Imbagħad qal: “Ma tridu tieklu d-demm t’ebda tip taʼ laħam.” (Levitiku 17:13, 14) Ġeħova xorta ried li l-poplu tiegħu jqis id-demm bħala li hu qaddis. Huma setgħu jieklu l-laħam imma mhux id-demm. Meta kienu joqtlu xi annimal għall-ikel, kellhom iferrgħu d-demm tiegħu fl-art.

12. Il-Kristjani kif iqisu d-demm?

12 Xi snin wara l-mewt taʼ Ġesù, l-appostli u l-anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana taʼ Ġerusalemm iltaqgħu biex jiddeċiedu liema partijiet tal-Liġi, li kienet ingħatat lill-Iżraelin, kienu għadhom japplikaw għall-Kristjani. (Aqra Atti 15:28, 29; 21:25.) Ġeħova għenhom jifhmu li d-demm kien għadu prezzjuż għalih u li huma kellhom jibqgħu jqisuh bħala li hu qaddis. Il-Kristjani tal-bidu ma setgħux jieklu jew jixorbu d-demm jew jieklu laħam t’annimal li ma jkunx ġie skarnat. Li kieku għamlu dan, kien ikun bħallikieku qed iqimu l-idoli jew jieħdu sehem f’immoralità sesswali. Minn dak iż-żmien ’il quddiem, il-Kristjani veri rrifjutaw li jieklu jew jixorbu d-demm. Xi ngħidu għal-lum? Ġeħova għadu jridna nqisu d-demm bħala li hu qaddis.

13. Il-Kristjani għala ma jaċċettawx it-trasfużjonijiet tad-demm?

 13 Ifisser dan li l-Kristjani għandhom jirrifjutaw ukoll trasfużjonijiet tad-demm? Iva, hekk hu. Ġeħova kkmandana biex ma niklux u ma nixorbux id-demm. Li kieku t-tabib jgħidlek biex ma tixrobx alkoħol, sejjer int tinjettah f’ġismek? Dażgur li le! Bl-istess mod, il-kmand biex ma niklux jew ma nixorbux id-demm ifisser li ma naċċettawx trasfużjoni tad-demm.—Ara n-Nota fl-aħħar numru 29.

14, 15. Kemm hu importanti li Kristjan jirrispetta l-ħajja u jobdi lil Ġeħova?

14 Xi ngħidu jekk tabib jgħidilna li se mmutu jekk ma niħdux trasfużjoni tad-demm? Kull individwu jrid jiddeċiedi jekk iridx jobdi l-liġi t’Alla dwar id-demm. Bħala Kristjani aħna nirrispettaw ħafna l-għotja tal-ħajja mingħand Alla, u għalhekk se nfittxu kuri oħrajn biex nibqgħu ħajjin; imma m’aħniex se naċċettaw trasfużjoni tad-demm.

15 Aħna nagħmlu kulma nistgħu biex nibqgħu f’saħħitna, imma peress li l-ħajja hi prezzjuża għal Alla, ma naċċettawx trasfużjoni tad-demm. Hu iktar importanti li nobdu lil Ġeħova milli nipprovaw intawlu ħajjitna billi ma nobduhx. Ġesù qal: “Kulmin irid isalva ruħu jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija jsibha.” (Mattew 16:25) Aħna rridu nobdu lil Ġeħova għax inħobbuh. Hu jaf x’inhu l-aħjar għalina, u aħna nqisu l-ħajja bħala li hi prezzjuża u qaddisa, bħalma jqisha Ġeħova.—Ebrej 11:6.

16. Il-qaddejja t’Alla għala jobduh?

16 Il-qaddejja leali t’Alla huma determinati li jobdu l-liġi tiegħu dwar id-demm. Huma mhumiex se jieklu jew jixorbu d-demm, u mhumiex se jaċċettaw id-demm  għal raġunijiet mediċi. * Madankollu, huma se jaċċettaw kuri oħrajn biex isalvaw ħajjithom. Huma konvinti li l-Ħallieq tal-ħajja u tad-demm jaf x’inhu l-aħjar għalihom. Temmen int li hu jaf x’inhu l-aħjar għalik?

L-UNIKU MOD KIF ĠEĦOVA KIEN JIPPERMETTI L-UŻU TAD-DEMM

17. Fl-Iżrael, x’kien l-uniku mod kif Ġeħova ppermetta l-użu tad-demm?

17 Fil-Liġi li Alla ta lil Mosè, Ġeħova qal lill-Iżraelin: “Għax il-ħajja tal-laħam hi fid-demm: u jien tajtulkom fuq l-altar biex tagħmlu offerta ħa tgħattu dnubkom għalikom infuskom [jew, titolbu maħfra]; għax hu d-demm, li hu l-ħajja, li jgħatti d-dnub.” (Levitiku 17:11, Il-Bibbja Mqaddsa taʼ Karm Żammit) Meta l-Iżraelin kienu jidinbu, huma setgħu jitolbu għall-maħfra taʼ Ġeħova billi jissagrifikaw annimal u jitolbu lill-qassis biex iferraʼ ftit mid-demm tal-annimal fuq l-artal tat-tempju. Dan kien l-uniku mod kif Ġeħova ppermetta lill-Iżraelin jużaw id-demm.

18. Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù x’għamel possibbli għalina?

18 Meta Ġesù ġie fuq l-art, hu ħa post il-liġi dwar is-sagrifiċċji tal-annimali billi ta ħajtu, jew demmu, għall-maħfra taʼ dnubietna. (Mattew 20:28; Ebrej 10:1) Il-ħajja taʼ Ġesù tant kienet taʼ valur li wara li Ġeħova rxoxta lil Ġesù lejn is-sema, Ġeħova setaʼ jagħti lill-bnedmin kollha l-opportunità li jgħixu għal dejjem.—Ġwanni 3:16; Ebrej 9:11, 12; 1 Pietru 1:18, 19.

Kif tistaʼ turi li għandek rispett għall-ħajja u d-demm?

19. Xi rridu nagħmlu biex inkunu ‘nodfa mid-demm tal-bnedmin kollha’?

 19 Aħna grati lejn Ġeħova għall-għotja meraviljuża tiegħu tal-ħajja! U rridu ngħidu lin-nies li jekk ikollhom fidi f’Ġesù, huma jistgħu jgħixu għal dejjem. Aħna nħobbu n-nies, u lesti li nagħmlu kulma nistgħu biex ngħallmuhom kif jistgħu jiksbu l-ħajja. (Eżekjel 3:17-21) Imbagħad, bħall-appostlu Pawlu, se nkunu nistgħu ngħidu: “Jien nadif mid-demm tal-bnedmin kollha, għax ma żammejtx lura milli ngħidilkom l-iskop kollu t’Alla.” (Atti 20:26, 27) Iva, aħna nuru li għandna rispett kbir lejn il-ħajja u d-demm meta ngħidu lil oħrajn dwar Ġeħova u dwar kemm hi prezzjuża l-ħajja għalih.

^ par. 16 Għal informazzjoni dwar trasfużjonijiet tad-demm, ara paġni 77-79 tal-ktieb “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla,” pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.