Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU TNAX

Kif tistaʼ ssir ħabib t’Alla?

Kif tistaʼ ssir ħabib t’Alla?

1, 2. Min kienu wħud mill-ħbieb taʼ Ġeħova?

INT lil min trid bħala l-ħabib tiegħek? Xi ħadd li tieħu pjaċir bih. Xi ħadd li tingwalaha miegħu u hu miegħek. Xi ħadd li għandu personalità dħulija u kwalitajiet li tammira.

2 Alla Ġeħova jagħżel lil xi bnedmin biex ikunu ħbieb tiegħu. Pereżempju, Abraham kien wieħed mill-ħbieb taʼ Ġeħova. (Isaija 41:8; Ġakbu 2:23) Ġeħova kien iħobb ukoll lil David. Hu qal li David kien ‘raġel għal qalbu.’ (Atti 13:22) U l-profeta Danjel kien “maħbub ferm” minn Ġeħova.—Danjel 9:23.

3. Abraham, David, u Danjel għala kienu ħbieb taʼ Ġeħova?

3 Abraham, David, u Danjel kif saru ħbieb taʼ Ġeħova? Ġeħova qal lil Abraham: “Int smajt minn kliemi.” (Ġenesi 22:18) Ġeħova jsir ħabib taʼ dawk li bl-umiltà jobduh. Saħansitra poplu sħiħ setaʼ jsir ħabib tiegħu. Ġeħova spjega lill-Iżraelin: “Obdu minn leħni, u jien insir Alla tagħkom, u intom issiru l-poplu tiegħi.” (Ġeremija 7:23) Allura int ukoll trid tobdi lil Ġeħova jekk verament trid issir ħabib tiegħu.

ĠEĦOVA JIPPROTEĠI LIL ĦBIEBU

4, 5. Ġeħova kif jipproteġi lil ħbiebu?

4 Il-Bibbja tgħid li Ġeħova qed ifittex modi kif “juri s-saħħa tiegħu għan-nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kronaki 16:9) F’Salm 32:8, Ġeħova jwiegħed  lil ħbiebu: “Se nagħtik id-dehen u nistruwik dwar it-triq li għandek taqbad. Se nagħtik pariri u nżomm għajnejja fuqek.”

5 Għadu setgħan irid ikisser il-ħbiberija tagħna m’Alla. Imma Ġeħova jrid jipproteġina. (Aqra Salm 55:22.) Bħala ħbieb taʼ Ġeħova, aħna naqduh b’qalbna kollha. Aħna leali lejh anki f’ċirkustanzi diffiċli. U għandna l-istess fiduċja li kellu s-salmista. Dwar Ġeħova hu kiteb: “Bih fuq leminti, m’iniex se nitħarrek.” (Salm 16:8; 63:8) Satana kif jipprova jkisser il-ħbiberija tagħna m’Alla?

L-AKKUŻA TAʼ SATANA

6. Satana x’qal dwar il-bnedmin?

6 F’Kapitlu 11 tgħallimna li Satana sfida lil Ġeħova u akkużah li hu giddieb u li mhuwiex ġust għax ma ħalliex lil Adam u Eva jiddeċiedu huma x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Il-ktieb Bibliku taʼ Ġob jgħallimna li Satana jakkuża anki lill-bnedmin li jridu jkunu ħbieb t’Alla. Satana jsostni li huma jaqdu lil Alla minħabba dak li jistgħu jakkwistaw Mingħandu, mhux għax iħobbuh. Satana saħansitra jgħid li jistaʼ jdawwar lil min irid kontra Alla. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu minn Ġob u kif Ġeħova pproteġieh.

7, 8. (a) Ġeħova kif ħassu dwar Ġob? (b) Satana x’qal dwar Ġob?

7 Min kien Ġob? Dan kien raġel tajjeb li kien jgħix xi 3,600 sena ilu. Ġeħova qal li dak iż-żmien ma kien hemm ħadd bħalu fuq l-art. Ġob kellu rispett profond għal Alla, u kien jobgħod dak li hu ħażin. (Ġob 1:8) Iva, Ġob kien ħabib veru taʼ Ġeħova.

8 Satana stqarr li Ġob kien jaqdi lil Alla għal  raġunijiet egoistiċi. Satana qal lil Ġeħova: “Ma bnejtx int innifsek ħajt madwaru dawramejt u madwar daru u madwar kulma għandu? Beriktlu xogħol idejh, u l-bhejjem tiegħu xterdu fuq l-art. Imma issa midd idek, jekk jogħġbok, u miss kulma għandu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek.”—Ġob 1:10, 11.

9. Ġeħova x’ħallieh jagħmel lil Satana?

9 Satana akkuża lil Ġob li kien jaqdi lil Ġeħova biss minħabba dak li setaʼ jakkwista Mingħandu. Satana sostna wkoll li setaʼ jġiegħel lil Ġob jieqaf jaqdi lil Ġeħova. Ġeħova ma qabilx maʼ Satana, imma ħallieh jittestja lil Ġob biex jara jekk kienx ħabib taʼ Ġeħova għax kien iħobbu.

SATANA JATTAKKA LIL ĠOB

10. Satana kif attakka lil Ġob, u Ġob kif irreaġixxa?

10 L-ewwel, Satana seraq jew qered l-annimali kollha li kellu Ġob. Imbagħad Satana qatillu l-biċċa l-kbira mill-qaddejja tiegħu. Ġob tilef kollox. F’attakk finali, Satana qatel l-għaxart itfal taʼ Ġob b’riħ qawwi. Imma Ġob baqaʼ leali lejn Ġeħova. “F’dan kollu Ġob ma dinibx u ma qalx li Alla għamel xi ħaġa mhix xierqa.”—Ġob 1:12-19, 22.

Ġeħova ppremja lil Ġob għall-ħbiberija leali tiegħu

11. (a) Satana x’għamillu iktar lil Ġob? (b) Ġob kif irreaġixxa?

11 Satana ma qatax qalbu. Hu sfida lil Alla billi qal: “Misslu s’għadmu u laħmu u ara jekk jisħtekx f’wiċċek.” Allura Satana laqat lil Ġob b’marda kiefra ħafna. (Ġob 2:5, 7) Għal darb’oħra, Ġob baqaʼ leali lejn Ġeħova. Hu qal: “Sakemm nieħu l-aħħar nifs ma nwarrabx minni l-integrità tiegħi!”—Ġob 27:5.

12. Ġob kif ta prova li Satana hu giddieb?

12 Ġob ma kien jaf xejn dwar l-akkużi taʼ Satana jew  għala kien qed ibati daqstant. Hu ħaseb li Ġeħova kien qed jaqlagħlu dal-inkwiet kollu. (Ġob 6:4; 16:11-14) Imma minkejja dan, Ġob baqaʼ leali lejn Ġeħova. Issa ma kien hemm ebda dubju. Ġob ma kienx egoist. Hu kien ħabib t’Alla għax kien iħobbu. L-akkużi taʼ Satana ma kinux veri!

13. X’kien ir-riżultat tal-lealtà taʼ Ġob?

13 Għalkemm Ġob ma kienx jaf x’kien qed jiġri fis-sema, hu baqaʼ leali lejn Alla u ta prova li Satana hu mill-agħar. Ġeħova ppremja lil Ġob għall-ħbiberija leali tiegħu.—Ġob 42:12-17.

KIF SATANA JAKKUŻA LILEK

14, 15. Satana x’akkuża għamel kontra l-irġiel u n-nisa kollha?

14 Tistaʼ titgħallem lezzjonijiet importanti minn dak li ġara lil Ġob. Illum, Satana jakkuża lilna li naqdu lil Ġeħova għal dak li nistgħu nakkwistaw Mingħandu. F’Ġob 2:4, Satana qal: “Raġel jagħti kulma jkollu għal ruħu.” Allura Satana jakkuża lill-irġiel u n-nisa kollha li huma egoisti, mhux lil Ġob biss. Mijiet taʼ snin wara li miet Ġob, Satana kien għadu qed jgħajjar lil Ġeħova u jakkuża lill-qaddejja tiegħu. Pereżempju, fi Proverbji 27:11, naqraw: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min qed jgħajjarni.”

15 Int tistaʼ tagħżel li tobdi lil Ġeħova u tkun il-ħabib leali Tiegħu, u b’hekk tagħti prova li Satana hu giddieb. Anki jekk ikollok tagħmel bidliet kbar f’ħajtek biex issir ħabib t’Alla, hi l-aqwa deċiżjoni li qatt tistaʼ tieħu! Din id-deċiżjoni hi kwistjoni serja. Satana jsostni li int mhux se tibqaʼ leali lejn Alla meta tiffaċċja l-problemi. Hu jipprova jqarraq bina biex ma nibqgħux leali lejn Alla. B’liema mod?

16. (a) Satana x’metodi juża biex jipprova jwaqqaf lin-nies milli jaqdu lil Ġeħova? (b) Ix-Xitan kif għandu mnejn jipprova jwaqqaf lilek personalment milli taqdi lil Ġeħova?

 16 Satana juża diversi metodi differenti biex jipprova jkisser il-ħbiberija tagħna m’Alla. Hu jattakka “bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pietru 5:8) Tiħodhiex bi kbira meta sħabek, qrabatek, jew oħrajn jipprovaw iwaqqfuk milli tistudja l-Bibbja u milli tagħmel dak li hu sewwa. Għandek mnejn tħoss li qed tiġi attakkat. * (Ġwanni 15:19, 20) Ukoll, Satana “jinbidel f’anġlu tad-dawl.” Allura forsi jipprova jqarraq bina biex ma nobdux lil Ġeħova. (2 Korintin 11:14) Metodu ieħor li juża Satana biex jipprova jwaqqafna milli naqdu lil Ġeħova hu li jġegħelna naħsbu li qatt ma nistgħu nkunu tajbin biżżejjed biex naqdu lil Alla.—Proverbji 24:10.

OBDI L-KMANDAMENTI TAʼ ĠEĦOVA

17. Għala nobdu lil Ġeħova?

17 Meta nobdu lil Ġeħova, nagħtu prova li Satana hu giddieb. X’se jgħinna nkunu ubbidjenti? Il-Bibbja tgħid: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u bil-forza kollha tiegħek.” (Dewteronomju 6:5) Aħna nobdu lil Ġeħova għax inħobbuh. Hekk kif tikber l-imħabba tagħna għal Ġeħova, se nkunu rridu nagħmlu kulma jitlobna nagħmlu. L-appostlu Ġwanni kiteb: “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u  madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”—1 Ġwanni 5:3.

18, 19. (a) X’inhuma xi affarijiet li Ġeħova jgħid li huma ħżiena? (b) Kif nafu li Ġeħova mhux qed jitlobna nagħmlu xi ħaġa li ma nistgħux nagħmlu?

18 Imma x’inhuma xi affarijiet li Ġeħova jgħidilna li huma ħżiena? Hemm xi eżempji fil-kaxxa “ Obgħod dak li Ġeħova jobgħod.” Għall-ewwel, forsi taħseb li xi ftit minn dawn l-affarijiet mhumiex daqshekk ħżiena. Imma meta taqra l-versi Bibliċi u taħseb bis-serjetà dwarhom, se tifhem l-għerf taʼ li tobdi l-liġijiet taʼ Ġeħova. Għandek mnejn tħoss ukoll li trid tagħmel xi bidliet f’ħajtek. Għalkemm dan jistaʼ jkun diffiċli kultant, jekk tagħmel dawn il-bidliet, se jkollok il-paċi u l-ferħ li jiġu meta tkun ħabib leali t’Alla. (Isaija 48:17, 18) Kif nafu li hu possibbli li nagħmlu dawn il-bidliet?

 19 Ġeħova qatt ma jitlobna nagħmlu xi ħaġa li ma nistgħux nagħmlu. (Dewteronomju 30:11-14) Bħala Ħabib taʼ veru, hu jafna aħjar milli nafu lilna nfusna. Hu jaf l-abbiltajiet tagħna u d-dgħufijiet tagħna. (Salm 103:14) L-appostlu Pawlu jinkuraġġina: “Alla hu leali, u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” (1 Korintin 10:13) Aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova dejjem se jagħtina s-saħħa biex nagħmlu s-sewwa. Hu se jagħtik “il-qawwa iktar min-normal” biex jgħinek tissaporti sitwazzjonijiet diffiċli. (2 Korintin 4:7) Wara li esperjenza l-għajnuna taʼ Ġeħova waqt sitwazzjonijiet bħal dawn, Pawlu setaʼ jgħid: “Għal kollox għandi s-saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-qawwa.”—Filippin 4:13.

 TGĦALLEM ĦOBB DAK LI JĦOBB ALLA

20. Liema kwalitajiet għandek timita, u għala?

20 Jekk irridu nkunu ħbieb taʼ Ġeħova, hemm bżonn li nieqfu nagħmlu dak li Ġeħova jgħid li hu ħażin, imma rridu nagħmlu iktar minn hekk. (Rumani 12:9) Il-ħbieb t’Alla jħobbu dak li jħobb hu. Dawn l-uħud huma deskritti f’Salm 15:1-5. (Aqra.) Il-ħbieb taʼ Ġeħova jimitaw il-kwalitajiet tiegħu u juru “l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, [u] r-rażna.”—Galatin 5:22, 23.

21. Kif tistaʼ titgħallem turi l-kwalitajiet li jħobb Ġeħova?

21 Kif tistaʼ titgħallem turi dawn il-kwalitajiet mill-isbaħ? Trid titgħallem dak li jħobb Ġeħova billi taqra u tistudja l-Bibbja regolarment. (Isaija 30:20, 21) Hekk kif tagħmel dan, l-imħabba tiegħek għal Ġeħova se tikber, u hekk kif l-imħabba tiegħek għalih tikber, se tkun trid tobdih.

22. X’se jkun ir-riżultat jekk tobdi lil Ġeħova?

22 Il-bidliet li forsi jkollok tagħmel f’ħajtek jistgħu jitqabblu maʼ li tinżaʼ libsa qadima u tilbes waħda ġdida. Il-Bibbja tgħid li għandek bżonn ‘tinżaʼ l-personalità l-qadima’ u tilbes “il-personalità l-ġdida.” (Kolossin 3:9, 10) Għalkemm forsi ma jkunx faċli, meta nagħmlu dawn il-bidliet u nobdu lil Ġeħova, hu jwegħedna li se ‘jippremjana bil-kbir.’ (Salm 19:11) Iva, agħżel li tobdi lil Ġeħova u agħti prova li Satana hu giddieb. Taqdix lil Ġeħova minħabba xi premju fil-futur, imma għax tħobbu verament. Imbagħad se ssir ħabib taʼ veru t’Alla!

^ par. 16 Dan ma jfissirx li Satana qed jikkontrolla n-nies li jipprovaw iwaqqfuk milli tistudja l-Bibbja. Imma Satana hu “l-alla taʼ din is-sistema,” u “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa” tiegħu. Allura m’għandniex niħduha bi kbira meta xi wħud jipprovaw iwaqqfuna milli naqdu lil Ġeħova.—2 Korintin 4:4; 1 Ġwanni 5:19.