Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU GĦAXRA

Il-verità dwar l-anġli

Il-verità dwar l-anġli

1. Għala għandna nitgħallmu dwar l-anġli?

ĠEĦOVA jridna nkunu nafu dwar il-familja tiegħu. L-anġli huma parti mill-familja t’Alla. Fil-Bibbja huma msejħin ‘ulied Alla.’ (Ġob 38:7) X’jagħmlu l-anġli? Kif għenu lin-nies fil-passat? U jistgħu jgħinuna llum?—Ara n-Nota fl-aħħar numru 8.

2. (a) L-anġli minn fejn ġew? (b) Kemm inħolqu anġli?

2 Hemm bżonn li nkunu nafu minn fejn ġew l-anġli. Kolossin 1:16 jgħidilna li wara li Ġeħova ħalaq lil Ġesù, “inħolqu l-affarijiet l-oħrajn kollha fis-smewwiet u fuq l-art.” Dan jinkludi lill-anġli. Kemm inħolqu anġli? Il-Bibbja tgħid li hemm mijiet taʼ miljuni t’anġli.—Salm 103:20; Rivelazzjoni 5:11.

3. Ġob 38:4-7 x’jgħidilna dwar l-anġli?

3 Il-Bibbja tgħallimna wkoll li Ġeħova ħalaq l-anġli qabel ma ħalaq l-art. Kif ħassewhom meta raw l-art? Il-ktieb taʼ Ġob jgħidilna li kienu ferħanin. Huma kienu familja magħquda u kienu jaqdu lil Ġeħova flimkien.—Ġob 38:4-7.

L-ANĠLI JGĦINU LIN-NIES T’ALLA

4. Kif nafu li l-anġli jinteressahom mill-bnedmin?

4 L-anġli minn dejjem kellhom interess fil-bnedmin u fl-iskop taʼ Ġeħova għall-art u għan-nies. (Proverbji 8:30, 31; 1 Pietru 1:11, 12) Żgur li tnikktu ħafna meta Adam u Eva rribellaw. U issa żgur li jħossuhom saħansitra iktar imnikktin meta jaraw li l-biċċa l-kbira mill-bnedmin ma jobdux lil Ġeħova. Imma meta xi ħadd  jindem u jdur lejn Alla, l-anġli jifirħu ħafna. (Luqa 15:10) L-anġli jinteressahom ħafna minn dawk li jaqdu lil Alla. Ġeħova juża l-anġli biex jgħinu u jipproteġu lill-qaddejja tiegħu fuq l-art. (Ebrej 1:7, 14) Ejja naraw xi eżempji taʼ dan.

“Alla tiegħi bagħat l-anġlu tiegħu u għalaq ħalq l-iljuni.”—Danjel 6:22

5. L-anġli kif għenu lill-qaddejja t’Alla fil-passat?

5 Ġeħova bagħat żewġ anġli biex jgħinu lil Lot u  lil familtu biex jaħarbu mill-qerda tal-bliet taʼ Sodoma u Gomorra. (Ġenesi 19:15, 16) Mijiet taʼ snin wara, il-profeta Danjel ġie mitfugħ f’ħofra tal-iljuni, imma ma ġralu xejn, għax “Alla . . . bagħat l-anġlu tiegħu u għalaq ħalq l-iljuni.” (Danjel 6:22) Iktar tard, meta l-appostlu Pietru kien il-ħabs, Ġeħova bagħat anġlu biex jeħilsu. (Atti 12:6-11) L-anġli għenu wkoll lil Ġesù meta kien fuq l-art. Pereżempju, wara li tgħammed, l-anġli marru biex “jaqduh.” (Marku 1:13) Ukoll, eżatt qabel ma Ġesù nqatel, anġlu ‘qawwielu qalbu.’—Luqa 22:43.

6. (a) Kif nafu li l-anġli jgħinu lin-nies t’Alla llum? (b) Liema mistoqsijiet se nwieġbu issa?

6 Illum, l-anġli m’għadhomx jidhru lill-bnedmin. Imma Alla xorta juża l-anġli biex jgħinu lill-qaddejja tiegħu. Il-Bibbja tgħid: “L-anġlu taʼ Ġeħova qed jikkampja madwar dawk li jibżgħu minnu, u hu jeħlishom.” (Salm 34:7) Għala neħtieġu l-protezzjoni? Għax għandna għedewwa b’saħħithom li jridu jagħmlulna l-ħsara. Min huma dawn? Minn fejn ġejjin? Kif qed jipprovaw jagħmlulna l-ħsara? Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, ejja naraw x’ġara ftit wara li nħolqu Adam u Eva.

L-GĦEDEWWA INVIŻIBBLI TAGĦNA

7. X’għamlu n-nies minħabba l-qerq taʼ Satana?

7 F’Kapitlu 3 tgħallimna li anġlu rribella kontra Alla u ried jaħkem fuq oħrajn. Il-Bibbja ssejjaħlu Satana x-Xitan. (Rivelazzjoni 12:9) Satana ried li oħrajn ukoll jirribellaw kontra Alla. Hu rnexxielu jqarraq b’Eva, u minn dakinhar ’l hawn qarraq bil-biċċa l-kbira mill-bnedmin. Madankollu, xi wħud, bħal Abel, Enok, u Noè, baqgħu leali lejn Ġeħova.—Ebrej 11:4, 5, 7.

8. (a) Xi anġli kif saru demonji? (b) Id-demonji x’għamlu biex ma jinqerdux fid-Dulluvju?

 8 Fi żmien Noè, xi anġli rribellaw u telqu d-dar tagħhom fis-sema biex jgħixu bħala bnedmin fuq l-art. Għala? Il-Bibbja tgħidilna li riedu jiżżewġu n-nisa. (Aqra Ġenesi 6:2.) Imma l-anġli ma kellhomx jagħmlu hekk. (Ġuda 6) Bħal dawn l-anġli mill-agħar, il-maġġuranza tal-bnedmin dak iż-żmien saru diżonesti u vjolenti. Ġeħova mbagħad iddeċieda li jeqred lill-bnedmin mill-agħar billi jgħarraq l-art kollha. Imma hu salva lill-qaddejja leali tiegħu. (Ġenesi 7:17, 23) Biex ma jinqerdux, l-anġli mill-agħar marru lura fis-sema. Il-Bibbja ssejjaħ lil dawn l-anġli mill-agħar demonji. Huma għażlu li jingħaqdu fir-ribelljoni taʼ Satana, u x-Xitan sar il-ħakkiem tagħhom.—Mattew 9:34.

9. (a) Xi ġralhom id-demonji meta marru lura s-sema? (b) Issa dwar xiex se nitgħallmu?

9 Peress li kienu ribelli, Ġeħova m’aċċettax lid-demonji lura f’familtu. (2 Pietru 2:4) Id-demonji issa ma jistgħux jinbidlu fi bnedmin, imma xorta għadhom ‘qed iqarrqu bl-art abitata kollha.’ (Rivelazzjoni 12:9; 1 Ġwanni 5:19) Ejja nsiru nafu kif jirnexxilhom iqarrqu b’daqstant nies.—Aqra t-2 Korintin 2:11.

KIF ID-DEMONJI JQARRQU BIN-NIES

10. Id-demonji kif iqarrqu bin-nies?

10 Id-demonji jqarrqu bin-nies b’ħafna modi. Meta wħud jagħmlu kuntatt mad-demonji jew jagħmluh huma nfushom jew permezz taʼ xi ħadd ieħor, bħal xi saħħar jew xi medjum tal-ispirti. Kuntatt mad-demonji jissejjaħ demoniżmu jew spiritiżmu. Imma l-Bibbja tikkmandana biex nibqgħu ’l bogħod minn kull ħaġa li għandha x’taqsam mad-demonji. (Galatin 5:19-21)  Għala? Bħalma kaċċatur juża nassa biex jaqbad l-annimali, id-demonji jużaw modi differenti biex iqarrqu bin-nies ħalli jaqbduhom f’nassa u jikkontrollawhom.—Ara n-Nota fl-aħħar numru 26.

11. X’inhu t-teħbir, u għala għandna nevitawh?

11 Mod wieħed kif iqarrqu bin-nies hu permezz tat-teħbir. Dan jinvolvi l-użu taʼ qawwiet sopranaturali biex dak li jkun jipprova jsir jaf il-futur jew dak li ma jafx. Xi ħadd forsi jipprova jagħmel dan billi jħares lejn l-istilel, ifittex sinjali, juża karti tal-qari tax-xorti u boċċi tal-kristall, jew jaqra x-xorti minn id dak li jkun. Ħafna nies jaħsbu li dawn il-prattiki mhumiex perikolużi, imma dan mhux minnu. Huma perikolużi ħafna. Pereżempju, il-Bibbja turi li d-demonji u dawk li jaqraw ix-xorti jaħdmu flimkien. F’Atti 16:16-18 naqraw dwar “demonju tat-teħbir” li għen lil waħda tfajla biex tkun tistaʼ ‘tbassar.’ Wara li l-appostlu Pawlu keċċa d-demonju, it-tfajla tilfet l-abbiltà li kellha biex tbassar il-futur.

12. (a) Għala hu perikoluż li tipprova tikkomunika mal-mejtin? (b) Il-qaddejja t’Alla għala qatt ma jinvolvu ruħhom fi drawwiet demoniċi?

12 Id-demonji jużaw xi ħaġa oħra biex iqarrqu bin-nies. Huma jriduna nemmnu li nistgħu nkellmu lill-mejtin. Iriduna nemmnu wkoll li dawk li mietu fil-fatt għadhom ħajjin xi mkien u jistgħu jikkomunikaw magħna jew iweġġgħuna. Pereżempju, individwu li jkun tilef lil xi ħabib jew qarib fil-mewt forsi jmur għand xi ħadd li jgħid li jistaʼ jkellem lill-mejtin. Dan forsi jgħid lill-individwu xi ħaġa interessanti dwar il-ħabib jew il-qarib mejjet u saħansitra jimita l-leħen tal-persuna li mietet. (1 Samwel 28:3-19) Anki ħafna drawwiet tal-funerali għandhom x’jaqsmu  mat-twemmin li l-mejtin għadhom ħajjin xi mkien. Dawn jistgħu jinkludu ċelebrazzjonijiet tal-funerali, anniversarji tal-funerali, sagrifiċċji għall-mejtin jew xi drawwa oħra. Meta l-Kristjani jirrifjutaw li jieħdu sehem f’dawn id-drawwiet, il-familji tagħhom jew dawk li jgħixu fl-irħula tagħhom għandhom mnejn jikkritikawhom, jinsultawhom, jew jirrifjutaw li jkellmuhom. Imma l-Kristjani jafu li l-mejtin mhumiex ħajjin xi mkien ieħor. Huwa impossibbli li nikkomunikaw magħhom, u huma ma jistgħux iweġġgħuna. (Salm 115:17) Oqgħod attent ħafna. Qatt m’għandek tipprova tikkomunika maʼ dawk li mietu jew mad-demonji u qatt m’għandek tinvolvi ruħek fi drawwiet demoniċi.—Aqra Dewteronomju 18:10, 11; Isaija 8:19.

13. Ħafna nies li xi darba kienu jibżgħu mid-demonji xi rnexxielhom jagħmlu?

13 Id-demonji mhux biss iqarrqu bin-nies imma anki jbeżżgħuhom. Illum, Satana u d-demonji tiegħu jafu li “żmien qasir” biss baqgħalhom qabel ma Alla jneħħihom minn fuq l-art, allura huma iktar vjolenti u aggressivi minn qatt qabel. (Rivelazzjoni 12:12, 17) Madankollu, eluf taʼ nies li xi darba kienu jibżgħu mid-demonji issa m’għadhomx jibżgħu minnhom. Kif irnexxielhom jegħlbu l-biżaʼ tagħhom mid-demonji?

IRREŻISTI D-DEMONJI U NĦELES MINNHOM

14. Bħall-Kristjani fl-ewwel seklu, kif nistgħu ninħelsu mid-demonji?

14 Il-Bibbja tgħidilna kif nistgħu nirreżistu d-demonji u kif ninħelsu minnhom. Pereżempju, xi wħud fil-belt t’Efesu kienu jikkomunikaw mad-demonji qabel ma tgħallmu l-verità. Kif inħelsu minnhom? Il-Bibbja tgħid: “Għadd ġmielu minn dawk li kienu  jipprattikaw l-arti tal-maġija ġabru l-kotba tagħhom flimkien u ħarquhom quddiem kulħadd.” (Atti 19:19) Peress li riedu jkunu Kristjani, huma qerdu l-kotba kollha tagħhom li kellhom x’jaqsmu mal-maġija. Illum hemm bżonn li tittieħed azzjoni simili. Kull min irid jaqdi lil Ġeħova jrid jeħles mill-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mad-demonji. Dan jinkludi kotba, rivisti, oroskopji, films, mużika, logħob, u saħansitra stampi li l-maġija, id-demonji, jew affarijiet sopranaturali jagħmluhom jidhru li huma bla periklu jew eċċitanti. Jinkludi wkoll affarijiet li n-nies jilbsu biex jipproteġu ruħhom mill-ħażen.—1 Korintin 10:21.

15. Xi rridu nagħmlu iktar biex nirreżistu lil Satana u d-demonji?

15 Xi snin wara li dawk f’Efesu qerdu l-kotba tagħhom dwar il-maġija, l-appostlu Pawlu kiteb li huma xorta kellhom ‘jissaraw’ u jiġġieldu “kontra l-forzi taʼ l-ispirti mill-agħar.” (Efesin 6:12) Iva, avolja diġà kienu ħarqu l-kotba tagħhom, id-demonji kienu għadhom qed jipprovaw iweġġgħuhom. Allura, x’riedu jagħmlu iktar? Pawlu qalilhom: “Aqbdu f’idejkom it-tarka kbira tal-fidi, li biha tkunu tistgħu titfu [jew, twaqqfu] l-vleġeġ tan-nar kollha tal-Ħażin.” (Efesin 6:16) Sewwasew bħalma tarka tipproteġi lil suldat f’battalja, il-fidi tagħna tistaʼ tipproteġina. Jekk inkunu fiduċjużi għalkollox li Ġeħova jistaʼ jipproteġina, se nkunu nistgħu nirreżistu lil Satana u d-demonji.—Mattew 17:20.

16. Kif nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna f’Ġeħova?

16 Kif nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna f’Ġeħova? Għandna bżonn naqraw il-Bibbja kuljum u nitgħallmu nistrieħu fuqu biex jipproteġina. Jekk ikollna fiduċja soda  f’Ġeħova, Satana u d-demonji mhux se jkunu jistgħu jagħmlulna l-ħsara.—1 Ġwanni 5:5.

17. X’hemm iktar li jistaʼ jipproteġina mid-demonji?

17 X’kellhom jagħmlu iktar il-Kristjani f’Efesu? Huma kienu jgħixu f’belt mimlija demoniżmu. Allura Pawlu qalilhom: “Ibqgħu itolbu f’kull okkażjoni.” (Efesin 6:18) Huma kellhom bżonn jitolbu lil Ġeħova għall-protezzjoni tiegħu l-ħin kollu. Xi ngħidu għalina? Aħna wkoll ngħixu f’dinja li hi mimlija demoniżmu. Allura anki aħna rridu nitolbu lil Ġeħova għall-protezzjoni tiegħu, u għandna nużaw ismu meta nitolbu. (Aqra Proverbji 18:10.) Jekk nibqgħu nitolbu lil Ġeħova biex jeħlisna minn Satana, Ġeħova se jwieġeb it-talb tagħna.—Salm 145:19; Mattew 6:13.

18, 19. (a) Kif nistgħu nirbħu l-ġlieda tagħna kontra Satana u d-demonji? (b) Liema mistoqsija se tiġi mwieġba fil-kapitlu li jmiss?

18 Jekk inneħħu kull ħaġa f’ħajjitna li għandha x’taqsam mad-demoniżmu u nistrieħu fuq Ġeħova biex jipproteġina, aħna nistgħu nirreżistu lil Satana u d-demonji. M’għandniex għalfejn nibżgħu minnhom. (Aqra Ġakbu 4:7, 8.) Ġeħova hu ħafna iktar b’saħħtu mid-demonji. Hu kkastigahom fi żmien Noè, u fil-futur se jeqridhom. (Ġuda 6) Ftakar, m’aħniex waħedna fil-ġlieda tagħna. Ġeħova qed juża l-anġli tiegħu biex jipproteġina. (2 Slaten 6:15-17) Aħna jistaʼ jkollna fiduċja li bl-għajnuna taʼ Ġeħova, nistgħu nirbħu l-ġlieda tagħna kontra Satana u d-demonji.—1 Pietru 5:6, 7; 2 Pietru 2:9.

19 Imma jekk Satana u d-demonji qed jikkaġunaw din it-tbatija kollha, għala għadu ma qeridhomx Alla? Din il-mistoqsija se tiġi mwieġba fil-kapitlu li jmiss.