Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU SITTAX

Agħżel li tqim lil Alla

Agħżel li tqim lil Alla

1, 2. Liema mistoqsija għandek tagħmel lilek innifsek, u dan għala hu importanti?

WAQT l-istudju tiegħek tal-Bibbja, int tgħallimt li ħafna nies li jgħidu li jqimu lil Alla fil-fatt jgħallmu jew jagħmlu affarijiet li Alla jobgħod. (2 Korintin 6:17) Għalhekk, Ġeħova jikkmandana biex noħorġu mir-reliġjon falza, “Babilonja l-Kbira.” (Rivelazzjoni 18:2, 4) Int x’se tagħmel? Ilkoll kemm aħna għandna għażla x’nagħmlu, u rridu nistaqsu lilna nfusna, ‘Irrid jien inqim lil Alla bil-mod kif iridni hu, jew irrid inqimu kif dejjem għamilt?’

2 Jekk int diġà tlaqt minn xi reliġjon falza, għamilt sew. Imma f’qalbek forsi hemm xi prattiki jew drawwiet tar-reliġjon falza li għadhom jogħġbuk. Ejja niddiskutu ftit minn dawn il-prattiki u d-drawwiet u naraw għala hu importanti li nqisuhom kif iqishom Ġeħova.

IX-XBIHAT U T-TALB LILL-MEJTIN

3. (a) Xi wħud għala għandhom mnejn isibuha diffiċli biex jieqfu jużaw ix-xbihat fil-qima tagħhom? (b) Il-Bibbja x’tgħid dwar l-użu tax-xbihat biex inqimu lil Alla?

3 Xi nies ilhom ħafna snin jużaw xbihat jew niċeċ fid-djar tagħhom biex iqimu lil Alla. Jekk dan hu minnu fil-każ tiegħek, forsi tħossok stramb jew saħansitra li qed tagħmel ħażin jekk tqim lil Alla mingħajrhom. Imma ftakar, Ġeħova jgħallimna kif għandna nqimuh. U l-Bibbja tgħidilna b’mod ċar li Ġeħova ma jridniex nużaw ix-xbihat fil-qima tagħna.—Aqra Eżodu 20:4, 5; Salm 115:4-8; Isaija 42:8; 1 Ġwanni 5:21.

4. (a) Għala m’għandniex nitolbu lil qrabatna li mietu? (b) Ġeħova għala qal lill-poplu tiegħu biex ma jipprovawx jitkellmu mal-mejtin?

 4 Xi wħud għandhom mnejn jużaw ħafna ħin u enerġija jipprovaw jikkuntentaw lil qrabathom li mietu. Saħansitra għandhom mnejn jitolbu lilhom. Imma aħna tgħallimna li dawk li mietu ma jistgħux jgħinuna jew iweġġgħuna. Mhumiex qed jgħixu xi mkien ieħor. Infatti, hu perikoluż li tipprova tikkomunika magħhom għax kull messaġġ li jkun donnu ġej minn xi qarib li miet ikun fil-fatt ġej mid-demonji. Ġeħova għalhekk ikkmanda lill-Iżraelin biex ma jipprovawx jitkellmu maʼ dawk li mietu jew jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe tip taʼ demoniżmu.—Dewteronomju 18:10-12; ara n-Nota fl-aħħar numru 26 u 31.

5. X’jistaʼ jgħinek ma tibqax tuża x-xbihat biex tqim lil Alla u biex ma tibqax titlob lil qrabatek li mietu?

5 X’jistaʼ jgħinek biex tieqaf tuża x-xbihat meta tqim lil Alla jew biex tieqaf titlob lill-membri tal-familja tiegħek li mietu? Għandek bżonn taqra l-Bibbja u taħseb bis-serjetà dwar kif Ġeħova jqis dawn l-affarijiet. Hu jqishom bħala li huma “ħaġa mistkerrha,” jew moqżieża. (Dewteronomju 27:15) Itlob lil Ġeħova kuljum biex jgħinek tqis l-affarijiet kif iqishom hu u biex jgħinek tqimu bil-mod kif irid hu. (Isaija 55:9) Int tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jagħtik is-saħħa li għandek bżonn biex tneħħi minn ħajtek kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-qima falza.

GĦANDNA NIĊĊELEBRAW IL-MILIED?

6. Għala ntgħażel il-25 taʼ Diċembru bħala l-jum biex jiġi ċelebrat it-twelid taʼ Ġesù?

6 Madwar id-dinja, il-Milied hu wieħed mill-iktar festi popolari, u l-biċċa l-kbira min-nies jaħsbu li hu  ċelebrazzjoni tat-twelid taʼ Ġesù. Imma l-Milied fil-fatt hu konness mal-qima falza. Enċiklopedija waħda tispjega li r-Rumani pagani kienu jiċċelebraw għeluq is-snin tax-xemx fil-25 taʼ Diċembru. Il-mexxejja reliġjużi riedu li iktar pagani jsiru Kristjani, allura għalkemm Ġesù ma twilidx fil-25 taʼ Diċembru, huma ddeċidew li jiċċelebraw it-twelid taʼ Ġesù dakinhar. (Luqa 2:8-12) Id-dixxipli taʼ Ġesù ma ċċelebrawx il-Milied. Ktieb taʼ referenza jispjega li fil-200 sena taʼ wara t-twelid taʼ Ġesù, “ħadd ma kien jaf, u ftit kien jinteressahom, eżattament meta twieled.” (Sacred Origins of Profound Things) Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied bdew mijiet taʼ snin wara li Ġesù għex fuq l-art.

7. Il-Kristjani veri għala ma jiċċelebrawx il-Milied?

7 Ħafna nies jafu dwar l-oriġini pagana tal-Milied u t-tradizzjonijiet tiegħu, bħall-parties u l-għoti tar-rigali. Pereżempju, fl-Ingilterra u partijiet tal-Amerika, kien hemm żmien meta kien projbit li xi ħadd jiċċelebra l-Milied minħabba l-oriġini pagana tiegħu. Kull min kien jiċċelebrah kien jiġi kastigat. Imma eventwalment in-nies reġgħu bdew jiċċelebraw il-Milied. Il-Kristjani veri għala ma jiċċelebrawx il-Milied? Għax iridu jogħġbu lil Alla f’kulma jagħmlu.

GĦANDNA NIĊĊELEBRAW GĦELUQ IS-SNIN?

8, 9. Il-Kristjani tal-bidu għala ma ċċelebrawx għeluq is-snin?

8 Ċelebrazzjoni popolari oħra għal ħafna nies hi għeluq sninhom. Għandhom il-Kristjani jiċċelebraw għeluq is-snin? L-uniċi ċelebrazzjonijiet t’għeluq is-snin li jissemmew fil-Bibbja saru minn uħud li ma kinux iqimu lil Ġeħova. (Ġenesi 40:20; Marku 6:21) Iċ-ċelebrazzjonijiet t’għeluq is-snin kienu jintużaw biex jonoraw lil  allat foloz. Huwa għalhekk li l-Kristjani tal-bidu “kienu jqisu ċ-ċelebrazzjoni taʼ jum it-twelid bħala drawwa pagana.”—The World Book Encyclopedia.

9 Ir-Rumani u l-Griegi tal-qedem kienu jemmnu li kien ikun hemm spirtu preżenti fit-twelid taʼ kull persuna u li dan l-ispirtu kien se jipproteġi lill-persuna tul ħajjitha. Dawk li ma kinux Kristjani dak iż-żmien kienu jiċċelebraw għeluq is-snin għax kienu jaħsbu li din id-drawwa kienet se tqanqal lill-allat tagħhom jipproteġu lil dak li kien jagħlaq żmienu.

10. Il-Kristjani llum għala m’għandhomx jiċċelebraw għeluq is-snin?

10 Taħseb li Ġeħova japprova ċelebrazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-reliġjon falza? (Isaija 65:11, 12) Le, lanqas xejn. Huwa għalhekk li ma niċċelebrawx għeluq is-snin jew kwalunkwe festa konnessa mar-reliġjon falza.

L-ORIĠINI HIJA DAQSHEKK IMPORTANTI?

11. (a) Xi wħud għala jiċċelebraw il-festi? (b) X’għandha tkun l-iktar ħaġa importanti għalik?

11 Xi wħud jafu li l-Milied u festi oħra għandhom oriġini pagana, imma xorta jibqgħu jiċċelebrawhom. Huma jħossu li l-festi huma biss opportunità tajba biex iqattgħu l-ħin mal-familja tagħhom. Int hekk tħossok? Mhuwiex ħażin li tkun trid tqattaʼ l-ħin maʼ familtek. Ġeħova ħalaq lill-familja, u hu jrid li jkollna relazzjoni tajba magħhom. (Efesin 3:14, 15) Madankollu, għandna bżonn niffokaw fuq li jkollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova minflok fuq li nogħġbu lil qrabatna billi niċċelebraw festi reliġjużi foloz. Huwa għalhekk li l-appostlu Pawlu qal: “Ibqgħu aċċertaw ruħkom dwar x’inhu aċċettabbli għall-Mulej.”—Efesin 5:10.

12. Festa kif tistaʼ ma tkunx aċċettabbli għal Ġeħova?

 12 Ħafna nies iħossu li mhuwiex daqshekk importanti minn fejn tkun ġejja festa, imma Ġeħova ma jħossux hekk. Hu ma japprovax festi li ġejjin minn qima falza jew li jfaħħru lill-bnedmin jew lis-simboli nazzjonali. Pereżempju, l-Eġizzjani kellhom bosta ċelebrazzjonijiet għall-allat foloz tagħhom. Wara li l-Iżraelin ħarbu mill-Eġittu, huma kkopjaw waħda miċ-ċelebrazzjonijiet pagani tal-Eġizzjani u sejħulha “festa lil Ġeħova.” Imma Ġeħova kkastigahom talli għamlu hekk. (Eżodu 32:2-10) Bħalma qal il-profeta Isaija, aħna m’għandna ‘mmissu xejn li m’huwiex nadif.’—Aqra Isaija 52:11.

URI R-RISPETT META TISPJEGA LIL ĦADDIEĦOR

13. Liema mistoqsijiet forsi jkollok meta tiddeċiedi li tieqaf tiċċelebra l-festi?

13 Meta tiddeċiedi li ma tibqax tiċċelebra l-festi, forsi jkollok ħafna mistoqsijiet. Pereżempju: X’għandi nagħmel jekk sħabi tax-xogħol jistaqsu għala ma niċċelebrax il-Milied magħhom? X’għandi nagħmel jekk xi ħadd jagħtini rigal tal-Milied? X’għandi nagħmel jekk is-sieħeb jew is-sieħba tiegħi fiż-żwieġ tkun tridni niċċelebra xi festa? Kif nistaʼ ngħin lil uliedi ma jħossuhomx imdejqin peress li mhux se niċċelebraw xi festa jew għeluq sninhom?

14, 15. X’tistaʼ tagħmel jekk xi ħadd jixtieqlek il-festa t-tajba jew jagħtik xi rigal?

14 Huwa importanti li tuża l-għaqal meta tiddeċiedi x’għandek tgħid u tagħmel f’kull sitwazzjoni. Pereżempju, jekk xi ħadd jixtieqlek il-festa t-tajba, m’għandekx għalfejn tinjorah. Tistaʼ sempliċement tgħid, “Grazzi.” Imma f’sitwazzjonijiet fejn xi ħadd ikun jixtieq isir jaf iktar, forsi tagħżel li tispjega għala ma tiċċelebrax  xi festa. Madankollu, dejjem uri l-ħlewwa, it-tattika, u r-rispett. Il-Bibbja tgħid: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” (Kolossin 4:6) Forsi tistaʼ tispjega li tieħu gost tqattaʼ l-ħin m’oħrajn u tagħti r-rigali imma li sempliċement tagħżel li ma tagħmilx hekk f’dawn il-festi.

15 X’għandek tagħmel jekk xi ħadd jagħtik rigal? Il-Bibbja ma tagħtix xi lista taʼ regoli, imma tgħid li għandna nżommu kuxjenza tajba. (1 Timotju 1:18, 19) Forsi l-individwu li qed jagħtik ir-rigal ma jafx li int ma tiċċelebrax il-festa. Jew forsi jgħidlek, “Naf li ma tiċċelebrax il-festa, imma xorta rrid nagħtik dan.” F’każi bħal dawn, int tistaʼ tiddeċiedi jekk tridx taċċetta r-rigal jew le. Imma kun ċert li bid-deċiżjoni li tieħu żżomm kuxjenza nadifa. Ma rridux nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ teffettwa r-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova b’mod ħażin.

INT U FAMILTEK

Dawk li jaqdu lil Ġeħova huma ferħanin

16. X’għandek tagħmel jekk familtek tkun trid tiċċelebra xi festa?

16 X’għandek tagħmel jekk familtek tkun trid tiċċelebra xi festa? M’għandekx għalfejn tiġġieled magħhom. Ftakar, huma għandhom id-dritt li jagħżlu xi jridu jagħmlu. Uri l-ħlewwa u rrispetta l-għażliet tagħhom bħalma int trid li huma jirrispettaw tiegħek. (Aqra Mattew 7:12.) Imma jekk familtek tkun trid li int tqattaʼ l-ħin magħhom matul il-festa, x’għandek tagħmel? Qabel ma tiddeċiedi x’ħa tagħmel, itlob lil Ġeħova għall-għajnuna biex tieħu deċiżjoni tajba. Aħseb dwar is-sitwazzjoni, u agħmel xi riċerka. Ftakar, int dejjem trid togħġob lil Ġeħova.

17. X’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil uliedek ma jħossuhomx imċaħħdin meta jaraw lil oħrajn jiċċelebraw il-festi?

 17 X’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil uliedek meta jaraw lil oħrajn jiċċelebraw il-festi? Minn żmien għal żmien tistaʼ torganizza xi ħaġa speċjali għalihom. Tistaʼ wkoll tixtrilhom xi ħaġa meta ma jkunux qed jistennewha. U wieħed mill-aqwa rigali li tistaʼ tagħti lil uliedek hu l-ħin u l-imħabba tiegħek.

IPPRATTIKA L-QIMA VERA

18. Għala għandna nattendu l-laqgħat Kristjani?

18 Biex nogħġbu lil Ġeħova, għandna bżonn nabbandunaw ir-reliġjon falza kif ukoll id-drawwiet u l-festi li għandhom x’jaqsmu magħha. Imma għandna bżonn ukoll nipprattikaw il-qima vera. Kif? Mod wieħed hu billi regolarment nattendu l-laqgħat Kristjani. (Aqra Ebrej 10:24, 25.) Il-laqgħat huma parti importanti ħafna mill-qima vera. (Salm 22:22; 122:1) Nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin meta niltaqgħu flimkien.—Rumani 1:12.

19. Għala hu importanti li tgħid lil oħrajn dwar il-veritajiet tal-Bibbja li tgħallimt?

19 Mod ieħor kif tipprattika l-qima vera hu billi titkellem m’oħrajn dwar dak li tgħallimt mill-Bibbja. Ħafna nies iħossuhom imnikktin minħabba l-affarijiet mill-agħar li qed jiġru fid-dinja. (Eżekjel 9:4) Forsi int taf lil xi wħud li jħossuhom hekk. Għidilhom dwar it-tama mill-isbaħ li għandek għall-futur. Hekk kif tattendi l-laqgħat Kristjani u tgħid lil oħrajn dwar il-verità tal-Bibbja, se tinduna li m’għadekx tħoss li trid tkun parti mir-reliġjon falza u d-drawwiet tagħha. Int tistaʼ tkun ċert li se tkun ferħan u li Ġeħova se jbierek bil-kbir l-isforzi tiegħek hekk kif tagħżel li taqdih kif suppost.—Malakija 3:10.