Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ittra mill-Ġemgħa li Tiggverna

Ittra mill-Ġemgħa li Tiggverna

Għeżież aħwa:

Bħala l-​qaddejja taʼ Ġeħova, aħna ngħożżu l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Aħna ċerti li hi tirrakkonta b’mod eżatt dak li ġara, tipprovdi gwida għal ħajjitna li nistgħu noqogħdu fuqha, u fiha evidenza tal-​imħabba li Ġeħova għandu għall-​familja umana li tmissilna qalbna. (Salm 119:105; Luqa 1:3; 1 Ġwanni 4:19) Minn qalbna nixtiequ ngħinu oħrajn jitgħallmu l-​veritajiet prezzjużi li nsibu fil-​Kelma t’Alla. Għalhekk, aħna ferħanin ħafna li ħriġna dan il-​ktieb Lezzjonijiet li tistaʼ titgħallem mill-​Bibbja. Ħalli ngħidulkom ftit dwaru.

Dan il-​ktieb ġie ppreparat primarjament għat-​tfal. Però, jistaʼ jintuża wkoll biex jgħin lill-​adulti li jixtiequ jitgħallmu iktar dwar il-​Bibbja. U ladarba l-​Bibbja hija ktieb għal kulħadd, m’hemmx dubju li lkoll kemm aħna se nibbenefikaw, u nistgħu niksbu l-​ferħ meta nikkunsidraw il-​lezzjonijiet li hemm fih.

Permezz tar-​rakkonti mill-​Bibbja, dan il-​ktieb jgħidilna l-​istorja tal-​familja umana mill-​bidu tal-​ħolqien ’il quddiem. Saru ħafna sforzi biex il-​ġrajjiet tal-​Bibbja jiġu ppreżentati b’mod ċar u sempliċi, u sa fejn kien possibbli saru fl-​ordni taʼ kif ġraw.

Dan il-​ktieb, madankollu, ma jirrakkontax biss ġrajjiet tal-​Bibbja. Kemm il-​kliem u kemm l-​istampi ġew preparati b’ċertu dettall li jagħmel il-​ġrajjiet tal-​Bibbja ħajjin u joħroġ l-​emozzjonijiet taʼ dawk li jidhru fl-​istampi.

Din il-​pubblikazzjoni tgħinna naraw kif il-​Bibbja hija ktieb dwar uħud li obdew lil Ġeħova u oħrajn li m’obdewhx. U tgħinna wkoll biex noħorġu lezzjonijiet mill-​eżempji tagħhom. (Rumani 15:4;  1 Korintin 10:6) Il-​ktieb hu maqsum f’14-​il sezzjoni. Fil-​bidu taʼ kull sezzjoni hemm sommarju taʼ ftit mil-​lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu.

Jekk int ġenitur, tistaʼ taqra lezzjoni maʼ ibnek jew bintek, u tiddiskuti l-​istampi. Imbagħad, it-​tnejn li intom tistgħu taqraw l-​iskritturi mill-​Bibbja li l-​lezzjoni hi bbażata fuqhom. Għin lil bintek jew lil ibnek jara li dak kollu li jitgħallem mil-​lezzjoni hu bbażat fuq il-​Bibbja. Dan ukoll jistaʼ jkun effettiv meta tkun qed tgħin persuna adulta tifhem il-​messaġġ tal-​Bibbja.

Aħna nittamaw li din il-​pubblikazzjoni se tkun t’għajnuna għal dawk kollha—żgħar u kbar—li huma ħerqanin li jitgħallmu mill-​Kelma t’Alla u japplikaw il-​lezzjonijiet tagħha f’ħajjithom. B’hekk, huma wkoll ikunu jistgħu jaqduh bħala membri tal-​familja tiegħu li hu tant iħobb.

Ħutkom,

Il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova