Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 54

Ġeħova kien paċenzjuż maʼ Ġona

Ġeħova kien paċenzjuż maʼ Ġona

Fil-​belt Assirjana taʼ Ninwe, in-​nies kienu ħżiena ħafna. Għalhekk, Ġeħova qal lill-​profeta Ġona biex imur Ninwe u jwissihom biex iduru Lejh. Imma Ġona ħarab u mar in-​naħa l-​oħra. Hu telaʼ fuq vapur li kien sejjer Tarsis.

Waqt li l-​vapur kien qed ibaħħar, qamet maltempata kbira, u l-​baħrin bdew jibżgħu ħafna. Dawn talbu lill-​allat tagħhom, u bdew jistaqsu: ‘Għala qed jiġri hekk?’ Fl-​aħħar, Ġona qalilhom: ‘Kollu minħabba fija. Jien ħrabt għax ma ridtx nagħmel dak li qalli Ġeħova. Itfgħuni l-​baħar, u l-​maltempata tieqaf.’ Il-​baħrin ma ridux jagħmlulu hekk, imma hu baqaʼ jgħidilhom biex jisimgħu minnu. Meta mbagħad tefgħuh il-​baħar, il-​maltempata waqfet.

Ġona ħaseb li kien se jmut. Hekk kif beda nieżel iktar u iktar fil-​fond tal-​baħar, hu beda jitlob lil Ġeħova. Imbagħad, Ġeħova bagħat ħuta kbira ħafna. Din belgħet lil Ġona, imma hu xorta baqaʼ ħaj. Xħin kien ġol-​ħuta, Ġona beda jitlob lil Ġeħova: ‘Inwiegħdek li nobdik dejjem.’ Matul it-​tlett ijiem li Ġona dam fil-​ħuta, Ġeħova baqaʼ jieħu ħsiebu. Imbagħad, Ġeħova ġiegħel lill-​ħuta tobżoq lil Ġona għal fuq l-​art.

Peress li Ġeħova salva lil Ġona, kien dan ifisser li hu ma kellux għalfejn imur Ninwe? Le. Ġeħova reġaʼ qallu biex imur hemmhekk. Din id-​darba, Ġona obda u mar. Lil dawk in-​nies  il-​ħżiena qalilhom: ‘F’40 ġurnata oħra, Ninwe se tinqered.’ Imbagħad ġrat xi ħaġa tal-​għaġeb—in-​nies taʼ Ninwe obdew u nbidlu. Is-​sultan taʼ Ninwe qal lin-​nies tiegħu: ‘Duru lejn Alla u indmu. Forsi hu ma jeqridniex.’ Meta Ġeħova ra li n-​nies iddispjaċiehom, hu ma qeridhomx.

Ġona tgħidx kemm irrabja li l-​belt ma ġietx meqruda. Aħseb ftit: Ġeħova kien paċenzjuż maʼ Ġona u ħafirlu, imma min-​naħa l-​oħra, Ġona ma ħax pjaċir li Ġeħova kien ħafer lin-​nies taʼ Ninwe. Minflok, ħareġ barra l-​belt bin-​nervi u qagħad għad-​dell taʼ pjanta tal-​qargħa bomblija. Imbagħad, din il-​pjanta mietet, u Ġona rrabja. Għalhekk Ġeħova qallu: ‘Int iddispjaċiek iktar għal din il-​pjanta milli għan-​nies taʼ Ninwe. Jien urejt ħniena magħhom, u huma salvaw.’ X’inhi t-​tagħlima? In-​nies taʼ Ninwe kienu iktar importanti minn pjanta.

“Ġeħova . . . hu paċenzjuż magħkom għax ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-​indiema.”—2 Pietru 3:9