Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 50

Ġeħova jipproteġi lil Ġeħosafat

Ġeħova jipproteġi lil Ġeħosafat

Ġeħosafat, is-​sultan taʼ Ġuda, qered l-​artali u l-​idoli taʼ Bagħal f’dik l-​art. Hu xtaq li n-​nies ikunu jafu l-​liġijiet taʼ Ġeħova. Allura, hu bagħat prinċpijiet u Leviti fil-​pajjiż kollu taʼ Ġuda biex jgħallmu l-​liġijiet taʼ Ġeħova lill-​poplu.

Il-​popli tal-​madwar kienu jibżgħu jattakkaw lil Ġuda għax kienu jafu li Ġeħova kien qiegħed mal-​poplu Tiegħu. Huma anke ġabu rigali għas-​Sultan Ġeħosafat. Imma l-​Mowabin, l-​Għammonin, u dawk minn Segħir ġew biex jiġġieldu kontra Ġuda. Ġeħosafat kien jaf li kellu bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova. Hu ġabar lill-​irġiel, in-​nisa, u t-​tfal kollha f’Ġerusalemm. Quddiemhom kollha, hu talab: ‘Ġeħova, mingħajr l-​għajnuna tiegħek ma nistgħux nirbħu. Jekk jogħġbok, għidilna x’għandna nagħmlu.’

Ġeħova wieġeb it-​talba billi qal: ‘Tibżgħux. Jien ħa ngħinkom. Ħudu postkom, tiċċaqalqux, u araw kif jien ħa nsalvakom.’ Ġeħova kif salvahom?

L-​għada filgħodu, Ġeħosafat għażel xi rġiel biex ikantaw u qalilhom biex jimxu quddiem l-​armata. Huma mxew minn Ġerusalemm sal-​post jismu Tekogħa, fejn kellhom jiġġieldu.

Waqt li l-​irġiel kienu qed ikantaw tifħir lil Ġeħova b’leħen għoli, Hu ġġieled għall-​poplu Tiegħu. Ġeħova ġiegħel lill-​Għammonin u lill-​Mowabin jitħawdu. Tant tħawdu li bdew jattakkaw lil xulxin, u lanqas wieħed minnhom ma salva. Imma Ġeħova pproteġa lill-​poplu taʼ Ġuda, lis-​suldati, u lill-​qassisin. In-​nies kollha fil-​pajjiżi tal-​madwar, semgħu b’dak li Ġeħova kien għamel u kienu ċerti li Ġeħova kien għadu jipproteġi lill-​poplu Tiegħu. Ġeħova kif isalva lill-​poplu tiegħu? B’ħafna modi differenti, u hu m’għandu bżonn lill-​ebda persuna biex tgħinu.

“Ma jkollkomx għalfejn tiġġieldu din id-​darba. Ħudu postkom, tiċċaqalqux u araw is-​salvazzjoni minn Ġeħova għan-​nom tagħkom.”—2 Kronaki 20:17