Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 46

Ġeħova juri li hu l-Alla l-veru

Ġeħova juri li hu l-Alla l-veru

L-​għaxar tribujiet tas-​saltna taʼ Iżrael kellhom ħafna slaten li kienu ħżiena, imma Aħab kien wieħed mill-​agħar slaten. Hu żżewweġ mara kattiva ħafna li kienet tqim lil Bagħal. Din kien jisimha Ġeżabel. Aħab u Ġeżabel imlew l-​art bil-​qima taʼ Bagħal u qatlu lill-​profeti taʼ Ġeħova. Ġeħova x’għamel? Hu bagħat lill-​profeta Elija għand Aħab biex jagħtih messaġġ.

Elija qal lis-​Sultan Aħab li minħabba l-​ħażen tiegħu ma kinitx se tagħmel xita f’Iżrael. Għal iktar minn tliet snin, il-​ħxejjex ma kibrux u n-​nies kienu bil-​ġuħ. Imbagħad, Ġeħova bagħat lil Elija lura għand Aħab. Is-​sultan qallu: ‘Int qlajt dan l-​inkwiet! Kollu tort tiegħek.’ Elija wieġbu: ‘Mhux jien kont li ġegħelt biex ma tagħmilx xita. Ġara hekk għax int qed tqim lil Bagħal. Ejja naraw min hu l-​Alla l-​veru! Iġbor lin-​nies kollha u lill-​profeti taʼ Bagħal fuq il-​Muntanja Karmel.’

In-​nies inġabru fuq il-​muntanja. Elija qal: ‘Issa ddeċiedu. Jekk hu Ġeħova l-​Alla l-​veru, aqdu lilu. Imma jekk hu Bagħal, aqdu lilu. Ejja naraw! L-​450 profeta taʼ Bagħal għandhom jippreparaw offerta u jgħajtu lill-​alla tagħhom, u jien nipprepara offerta u ngħajjat lil Ġeħova. Il-​wieħed li jwieġeb bin-​nar ikun l-​Alla l-​veru.’ In-​nies qablu li jsir hekk.

Il-​profeti taʼ Bagħal ippreparaw l-​offerta. Damu ġurnata sħiħa jgħajtu lill-​alla tagħhom: ‘O Bagħal, wiġibna!’ Meta Bagħal ma wiġibhomx, Elija beda jwaqqaʼ ’l-​alla tagħhom għaċ-​ċajt, u jgħidilhom: ‘Għajtu kemm tifilħu. Forsi raqad, u hemm bżonn li xi ħadd iqajmu.’ Wasal filgħaxija, u l-​profeti taʼ Bagħal baqgħu jgħajtulu. Imma baqaʼ ma wiġibhomx.

Elija poġġa l-​offerta tiegħu fuq l-​artal u ferraʼ l-​ilma fuqha. Imbagħad hu talab: ‘O Ġeħova, jekk jogħġbok, ħalli n-​nies jaraw li int l-​Alla l-​veru.’ Mill-​ewwel, Ġeħova bagħat nar mis-​sema biex jaħraq l-​offerta. In-​nies għajtu b’leħen għoli: ‘Ġeħova hu l-​Alla l-​veru!’ Elija qalilhom: ‘Tħallux  lill-​profeti taʼ Bagħal jaħarbu!’ Dakinhar inqatlu l-​450 profeta taʼ Bagħal.

Meta dehret sħaba żgħira fuq il-​baħar, Elija qal lil Aħab: ‘Ġejja maltempata. Arma l-​karru u mur id-​dar.’ Is-​sema ddallmet bis-​sħab, ir-​riħ beda jonfoħ, u bdiet nieżla ħafna u ħafna xita. Fl-​aħħar, in-​nixfa kienet spiċċat. Aħab saq il-​karru tiegħu b’kemm kellu saħħa. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, Elija tant ġera li għadda lil Aħab! Imma l-​problemi t’Elija kienu spiċċaw? Ejja naraw.

“Biex in-​nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-​Iktar Għoli fuq l-​art kollha.”—Salm 83:18