Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 42

Ġonatan kien kuraġġuż u leali

Ġonatan kien kuraġġuż u leali

Ġonatan, it-​tifel il-​kbir tas-​Sultan Sawl, kien gwerrier kuraġġuż. David kien qal li Ġonatan kien ħafif iktar minn ajkla u b’saħħtu iktar minn iljun. Darba waħda, Ġonatan ra xi suldati Filistin fuq għolja. Hu qal lill-​qaddej li kien iġorrlu l-​armi: ‘Aħna nattakkawhom biss jekk Ġeħova jagħtina sinjal. Jekk il-​Filistin jgħidulna biex nitilgħu, imbagħad inkunu nafu li għandna nattakkawhom.’ Il-​Filistin għajtu: ‘Itilgħu ħa niġġieldu!’ Għalhekk, huma telgħu għalihom fuq l-​għolja u rebħu lil 20 suldat.

Wara Sawl, suppost Ġonatan kien imiss fil-​linja biex ikun sultan. Minkejja Ii Ġonatan kien jaf li Ġeħova kien għażel lil David biex ikun is-​sultan li jmiss taʼ Iżrael; hu ma kienx jgħir għalih. Ġonatan u David saru ħbieb tal-​qalb. Huma wiegħdu lil xulxin li kienu se  jipproteġu u jaqbżu għal xulxin. Bħala sinjal tal-​ħbiberija tiegħu, Ġonatan ta lil David il-​libsa, is-​sejf, il-​qaws, u ċ-​ċinturin tiegħu.

Meta David kien qed jaħrab minn Sawl, Ġonatan mar għand David u qallu: ‘Agħmel kuraġġ. Ġeħova għażel lilek biex tkun sultan. Anki missieri jafu dan.’ Tixtieq li jkollok ħabib taʼ veru bħal Ġonatan?

Iktar minn darba, Ġonatan issogra ħajtu biex jgħin lill-​ħabib tiegħu David. Hu kien jaf li s-​Sultan Sawl ried joqtlu, allura qal lil missieru: ‘Ikun dnub għalik jekk toqtol lil David; hu m’għamel xejn ħażin.’ Sawl irrabja ħafna maʼ Ġonatan.

Xi snin wara, Sawl u Ġonatan mietu flimkien fil-​gwerra. Wara li Ġonatan miet, David mar ifittex lil Mefiboset, it-​tifel taʼ Ġonatan. Meta sabu, David qallu: ‘Minħabba li missierek kien ħabib taʼ veru għalija, jien se nieħu ħsiebek għal ħajtek kollha. Int tgħix u tiekol fil-​palazz miegħi.’ David qatt ma nesa lill-​ħabib tiegħu Ġonatan.

“Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien. Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu [jew, ħajtu] għal ħbiebu.”—Ġwanni 15:12, 13