Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 43

Id-dnub tas-Sultan David

Id-dnub tas-Sultan David

Wara li miet Sawl, David sar sultan. Hu kellu 30 sena. Wara li kien ilu sultan għal xi snin, hu għamel dnub serju ħafna. Darba waħda filgħaxija, meta kien fuq il-​bejt tal-​palazz tiegħu, ra mara sabiħa. David sar jaf li kien jisimha Bat-​seba, u li kienet miżżewġa lil suldat jismu Urija. David bagħat għal Bat-​seba biex tmur il-​palazz tiegħu. Huma kellhom x’jaqsmu flimkien u hi ħarġet tqila. David ipprova jaħbi dak li kien għamel. Hu qal lill-​kap tal-​armata tiegħu biex jitfaʼ lil Urija fuq quddiem. Imbagħad waqt l-​attakk tal-​battalja, is-​suldati kellhom jersqu lura minn Urija. Wara li Urija nqatel fil-​battalja, David iżżewweġ lil Bat-​seba.

Imma Ġeħova ra dawn l-​affarijiet ħżiena kollha. X’kien se jagħmel? Ġeħova bagħat lill-​profeta Natan għand David. Natan qallu: ‘Raġel sinjur kellu ħafna nagħaġ, u raġel fqir kellu ħarufa żgħira biss, li kien iħobbha ħafna. Ir-​raġel sinjur ħa l-​unika ħarufa li kellu r-​raġel fqir.’ David irrabja u qallu: ‘Dak ir-​raġel sinjur jistħoqqlu jmut!’ Imbagħad Natan qal lil David: ‘Int hu dak ir-​raġel sinjur!’ David iddispjaċieh ħafna, u ammetta maʼ Natan: ‘Jien dnibt kontra Ġeħova.’ Dan id-​dnub ġab ħafna problemi fuq David u l-​familja tiegħu. Ġeħova kkastiga lil David imma ħallieh jgħix għax hu kien onest u umli.

David ried jibni tempju għal Ġeħova, imma Ġeħova għażel lil Salamun, it-​tifel tiegħu, biex jibni t-​tempju. David beda  jipprepara l-​affarijiet għal Salamun u qal: ‘It-​tempju taʼ Ġeħova jrid ikun kbir u sabiħ ħafna. Salamun għadu żgħir, imma jien se ngħinu billi nipprepara l-​affarijiet.’ David ta ħafna mill-​flus tiegħu biex ikun jistaʼ jinbena t-​tempju. Hu sab ħaddiema tas-​sengħa. Ġabar deheb u fidda, u ġab ukoll injam taċ-​ċedru minn Tir u Sidon. Meta David kiber fiż-​żmien, hu ta l-​pjanti lil Salamun taʼ kif għandu jibni t-​tempju. Hu qallu: ‘Ġeħova qalli biex nikteb dawn l-​affarijiet għalik. Ġeħova se jgħinek. Tibżax, kun kuraġġuż u agħmel ix-​xogħol.’

“Min jgħatti n-​nuqqasijiet tiegħu m’huwiex se jirnexxi, imma min jistqarrhom u jitlaqhom jintwera ħniena.”—Proverbji 28:13