Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 36

Il-wegħda taʼ Ġefta

Il-wegħda taʼ Ġefta

L-​Iżraelin, għal darb’oħra, telqu lil Ġeħova u bdew iqimu allat foloz. Meta l-​Għammonin attakkaw u ġġieldu kontra l-​Iżraelin, l-​allat foloz tagħhom m’għamlu xejn biex jgħinuhom. Għal ħafna snin, l-​Iżraelin batew. Fl-​aħħar qalu lil Ġeħova: ‘Aħna għamilna ħafna dnubiet. Jekk jogħġbok salvana mill-​għedewwa tagħna.’ Imbagħad, l-​Iżraelin qerdu l-​idoli u reġgħu bdew iqimu lil Ġeħova. Hu ma riedx jarahom ibatu iktar.

Raġel gwerrier jismu Ġefta kien ġie magħżul biex imexxi lill-​Iżraelin fil-​battalja kontra l-​Għammonin. Hu qal lil Ġeħova: ‘Jekk tgħinna nirbħu din il-​battalja, jien inwiegħdek li meta mmur lura d-​dar, nagħtik l-​ewwel persuna li toħroġ mid-​dar tiegħi biex tilqagħni.’ Ġeħova semaʼ t-​talba taʼ Ġefta u għenu jirbaħ il-​battalja.

 Meta Ġefta mar lura d-​dar, l-​ewwel persuna li ħarġet biex tilqgħu kienet bintu. Hu lilha biss kellu. Hi ħarġet tiżfen u ddoqq it-​tanburlin. Issa Ġefta x’kien se jagħmel? Hu ftakar fil-​wegħda li kien għamel u qal: ‘Jaħasra, binti! Kif qsamtli qalbi. Jien għamilt wegħda maʼ Ġeħova. Biex inżommha, jien se jkolli nibagħtek taqdi fit-​tabernaklu f’Silo.’ Imma bintu qaltlu: ‘Pa, jekk għamilt wegħda maʼ Ġeħova, int għandek iżżommha. Li nitolbok biss hu li tħallini mmur inqattaʼ xahrejn maʼ sħabi l-​bniet fuq il-​muntanji. Imbagħad immur.’ Bint Ġefta qdiet lealment fit-​tabernaklu għal kumplament taʼ ħajjitha. Kull sena, sħabha kienu jmorru Silo biex jarawha.

“Min għandu affezzjoni lejn ibnu jew lejn bintu iktar milli għandu lejja ma jistħoqqlux ikun tiegħi.”—Mattew 10:37