Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 38

Ġeħova għamel lil Sansun b’saħħtu

Ġeħova għamel lil Sansun b’saħħtu

Ħafna mill-​Iżraelin reġgħu bdew iqimu lill-​idoli, għalhekk Ġeħova ppermetta li l-​Filistin imexxu l-​art tagħhom. Imma kien hemm xi Iżraelin li kienu jħobbu lil Ġeħova. Wieħed minnhom kien Manogħa. Hu u l-​mara tiegħu ma kellhomx tfal. Darba waħda, Ġeħova bagħat anġlu lill-​mara taʼ Manogħa. L-​anġlu qalilha: ‘Int se jkollok iben. Dan se jeħles lill-​Iżrael mill-​Filistin. Hu se jkun Nażirit.’ Taf x’kien Nażirit? Kien qaddej speċjali taʼ Ġeħova. Bħala Nażirit ma setax jaqtaʼ xagħru.

Maż-​żmien, it-​tifel taʼ Manogħa twieled, u semmieh Sansun. Meta Sansun kiber, Ġeħova għamlu b’saħħtu ħafna. Hu setaʼ joqtol iljun b’idejh, mingħajr ebda arma. Darba waħda, Sansun qatel 30 Filisti waħdu. Il-​Filistin kienu jobogħduh, u baqgħu jipprovaw isibu mod kif joqtluh. Lejla waħda, meta Sansun kien rieqed f’Gaża, huma marru fejn il-​bieb tal-​belt u qagħdu jistennew hemm biex filgħodu joqtluh. Imma f’nofs taʼ lejl, Sansun qam, mar fejn bieb il-​belt, u qalgħu minn mal-​ħajt. Hu ġarru fuq spallejh sa fuq nett tal-​muntanja viċin Ħebron!

Iktar tard, il-​Filistin marru għand l-​għarusa taʼ Sansun, Dalila, u qalulha: ‘Jekk jirnexxilek issir taf għala Sansun hu b’saħħtu u tgħidilna, nagħtuk ħafna flus. Aħna rridu naqbduh u nitfgħuh fil-​ħabs.’ Dalila riedet il-​flus u għalhekk qablet magħhom. Għall-​ewwel, Sansun irrifjuta li jgħidilha għala kien b’saħħtu. Imma hi baqgħet teqridlu sakemm ċeda u qalilha s-​sigriet tiegħu. Hu qalilha: ‘Xagħri qatt ma qtajtu għax jien Nażirit. Jekk naqtaʼ xagħri, nitlef is-​saħħa kollha.’ Sansun għamel żball kbir meta qalilha dan il-​kliem, hux vera?

Dalila mill-​ewwel qalet lill-​Filistin: ‘Sirt nafu s-​sigriet tiegħu!’ Hi ħalliet lil Sansun jorqod fuq saqajha, imbagħad ġiegħlet lil xi ħadd biex jaqtagħlu xagħru. Dalila għajtet: ‘Sansun, il-​Filistin qegħdin hawn!’ Sansun qam jiġri, imma induna li  m’għadux b’saħħtu. Il-​Filistin qabduh, għamewh, u tefgħuh fil-​ħabs.

Darba waħda, eluf taʼ Filistin inġabru fit-​tempju t’alla tagħhom Dagon, u bdew jgħajtu: ‘L-​alla tagħna ta f’idejna lil Sansun! Oħorġu lil Sansun barra! Ejja noqogħdu ngħaddu ż-​żmien bih.’ Huma ġegħluh joqgħod bejn żewġ kolonni u bdew iwaqqgħuh għaċ-​ċajt. Sansun għajjat: ‘O Ġeħova, jekk jogħġbok erġaʼ agħtini s-​saħħa għal din id-​darba biss.’ S’issa, xagħar Sansun kien reġaʼ twal. Hu imbotta l-​kolonni tat-​tempju bis-​saħħa kollha li kellu. Il-​bini kollu waqaʼ u tfarrak, u b’hekk in-​nies kollha li kienu fit-​tempju mietu, u anka Sansun miet.

“Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.”—Filippin 4:13