Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 32

Mexxej ġdid u żewġ nisa kuraġġużi

Mexxej ġdid u żewġ nisa kuraġġużi

Wara li kien mexxa lill-​poplu t’Alla għal ħafna snin, Ġożwè miet fl-​età taʼ 110. Sakemm hu kien ħaj, l-​Iżraelin qiemu lil Ġeħova. Imma wara li Ġożwè miet, huma bdew iqimu l-​idoli bħall-​Kangħanin. Minħabba li ma baqgħux jobduh, Ġeħova ppermetta li sultan Kangħani, li kien jismu Ġabin, jagħmlilhom ħajjithom diffiċli. In-​nies talbu bil-​ħerqa lil Ġeħova għall-​għajnuna. Għalhekk, Ġeħova tahom lil Barak biex ikun il-​mexxej ġdid tagħhom. Hu kien se jgħin lin-​nies jerġgħu jduru lejn Ġeħova.

Debora, li kienet profetessa (profetessa jew profeta hu xi ħadd li jgħid dak li Ġeħova qallu biex jgħid), bagħtet għal Barak. Hi kellha messaġġ għalih mingħand Ġeħova: ‘Ħu 10,000 raġel, u mur iltaqaʼ mal-​armata taʼ Ġabin fil-​wied taʼ Kison. Hemm se tirbaħ lil Sisera, il-​kap tal-​armata taʼ Ġabin.’ Barak qal lil Debora: ‘Jien immur, imma int trid tiġi miegħi.’ Hi qaltlu: ‘Jien niġi miegħek. Imma kun af li mhux int se toqtol lil Sisera. Ġeħova qal li mara se tkun li toqtlu.’

Debora marret maʼ Barak u l-​armata tiegħu fuq il-​Muntanja Tabor biex ilestu għall-​battalja. Hekk kif Sisera semaʼ dwar dan,  ġabar is-​suldati tiegħu u l-​karrijiet tal-​gwerra fil-​wied. Debora qalet lil Barak: ‘Illum Ġeħova se jagħtik ir-​rebħa.’ Barak u l-​10,000 raġel tiegħu niżlu minn fuq il-​muntanja biex jiltaqgħu mal-​armata b’saħħitha taʼ Sisera.

Imbagħad, Ġeħova ġiegħel li l-​wied taʼ Kison jimtela bl-​ilma. Il-​karrijiet taʼ Sisera bdew jeħlu fit-​tajn. Minħabba dan, Sisera niżel minn fuq il-​karru tiegħu u telaq jiġri. Barak u s-​suldati tiegħu rebħu lill-​armata taʼ Sisera. Imma Sisera rnexxielu jaħrab! Fl-​aħħar, wasal ħdejn kamp taʼ mara jisimha Ġagħel u daħal jistaħba fih. Hi tagħtu jixrob il-​ħalib u mbagħad għattietu b’kutra. Sisera kien għajjien u raqad. Imbagħad, Ġagħel resqet lejh inkiss inkiss, daħħlitlu musmar f’rasu, u qatlitu.

Barak ġie jfittex lil Sisera. Ġagħel ħarġet mill-​kamp u qaltlu: ‘Idħol. Jien se nurik ir-​raġel li qed tfittex.’ Barak daħal ġewwa u ra lil Sisera mejjet. Barak u Debora faħħru lil Ġeħova bil-​kant talli kien ta r-​rebħa lill-​Iżraelin. Imbagħad, għal 40 sena, f’Iżrael kien hemm il-​paċi.

“In-​nisa li qed ixandru l-​aħbar tajba huma armata kbira.”—Salm 68:11