Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 23

Wegħda lil Ġeħova

Wegħda lil Ġeħova

Wara li kien ilhom madwar xahrejn li telqu mill-​Eġittu, l-​Iżraelin waslu ħdejn il-​Muntanja Sinaj u kkampjaw hemmhekk. Ġeħova sejjaħ lil Mosè, li kien fuq il-​muntanja, u qallu: ‘Jien salvajt lill-​Iżraelin. Jekk jobdu lili u l-​liġijiet tiegħi, huma jsiru l-​poplu speċjali tiegħi.’ Mosè niżel minn fuq il-​muntanja u qal lill-​Iżraelin dak li kien qallu Ġeħova. X’qalu huma? Huma qalu: ‘Aħna se nagħmlu dak kollu li Ġeħova jgħidilna biex nagħmlu.’

Mosè reġaʼ telaʼ fuq il-​muntanja. Hemmhekk, Ġeħova qallu: ‘Jien se nkellmek fi żmien tlett ijiem. Avża lin-​nies biex ma jipprovawx jitilgħu fuq il-​Muntanja Sinaj.’ Mosè niżel u qal lill-​Iżraelin biex jippreparaw ħalli jisimgħu lil Ġeħova.

Fit-​tielet jum, l-​Iżraelin raw sajjetti u sħaba sewda fuq il-​muntanja. Huma semgħu wkoll ħoss kbir tar-​ragħad u ħoss taʼ qarn. Imbagħad, Ġeħova niżel fuq il-​muntanja permezz tan-​nar. L-​Iżraelin tant bdew jibżgħu li bdew jirtogħdu. Il-​muntanja kollha theżżet, u nksiet bid-​duħħan. Il-​ħoss tal-​qarn beda jiżdied iktar. U mbagħad Alla qal: ‘Jien Ġeħova. M’għandek tqim lill-​ebda alla ieħor.’

Mosè reġaʼ telaʼ fuq il-​muntanja, u Ġeħova tah liġijiet biex in-​nies ikunu jafu kif għandhom jaqdu Lilu u kif għandhom jgħixu ħajjithom. Mosè kiteb dawn il-​liġijiet u mbagħad qrahom lill-​Iżraelin. Huma wiegħdu: ‘Aħna se nagħmlu dak kollu li Ġeħova jgħidilna biex nagħmlu.’ Iva, huma għamlu wegħda lil Alla. Imma kienu se jżommu kelmithom?

“Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.”—Mattew 22:37