Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 26

Tnax-il spija

Tnax-il spija

L-​Iżraelin telqu minn ħdejn il-​Muntanja Sinaj u għaddew mid-​deżert tal-​Faran biex imorru f’post jismu Kades. Hemmhekk, Ġeħova qal lil Mosè: ‘Ibgħat 12-​il spija, wieħed minn kull tribù, biex jitkixxfu l-​art taʼ Kangħan, l-​art li se nagħti lill-​Iżraelin.’ Allura Mosè għażel 12-​il raġel u qalilhom: ‘Morru Kangħan, u araw jekk l-​art hijiex tajba biex niżirgħu u nkabbru l-​ħxejjex. Araw ukoll jekk in-​nies humiex b’saħħithom jew le, u jekk jgħixux fit-​tined jew fil-​bliet.’ Dawn it-​12-​il spija, inkluż Ġożwè u Kaleb, irħewlha lejn Kangħan.

Wara 40 ġurnata, l-​ispiji ġew lura u ġabu magħhom tin, rummien, u għeneb. Huma rrakkontaw hekk lil Mosè: ‘L-​art hija tajba biex tagħti l-​ikel, imma n-​nies huma b’saħħithom u s-​swar tal-​bliet huma għoljin.’ Imbagħad Kaleb qal: ‘Żgur li nistgħu nirbħulhom. Ejja mmorru issa stess!’ Taf għala Kaleb qal hekk? Għax hu u Ġożwè kienu jafdaw f’Ġeħova. Imma l-​għaxar spiji l-​oħra qalu: ‘Le! In-​nies t’hemmhekk huma kbar ħafna, bħal ġganti! Ħdejhom konna nidhru qisna ġurati.’

L-​Iżraelin tilfu l-​kuraġġ, u beżgħu. Bdew igergru u jgħidu lil xulxin: ‘Għala għandna mmorru f’dan il-​pajjiż biex imbagħad joqtluna? Ejja nagħżlu mexxej ieħor u mmorru lura l-​Eġittu.’ Ġożwè  u Kaleb qalulhom: ‘Tiħduhiex kontra Ġeħova, u tibżgħux. Ġeħova se jieħu ħsiebna.’ Imma l-​Iżraelin ma ridux jisimgħu. Anzi riedu joqtlu lil Ġożwè u lil Kaleb!

Ġeħova x’għamel? Hu qal lil Mosè: ‘Wara dak kollu li għamilt mal-​Iżraelin, huma xorta ma jridux jobduni. Għalhekk, se jibqgħu hawn fid-​deżert għal 40 sena, u hawn se jispiċċaw imutu. It-​tfal tagħhom biss flimkien maʼ Ġożwè u Kaleb se jgħixu fl-​art li jien wegħedt li nagħtihom.’

“Għalfejn qed tibżgħu, intom taʼ fidi żgħira?”—Mattew 8:26