Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 17

Mosè għażel li jqim lil Ġeħova

Mosè għażel li jqim lil Ġeħova

Fl-​Eġittu, il-​familja taʼ Ġakobb saret magħrufa bħala l-​Iżraelin. Wara li mietu Ġakobb u Ġużeppi, beda jmexxi Fargħun ġdid. Hu kien qed jibżaʼ li l-​Iżraelin kienu qed isiru iktar b’saħħithom mill-​Eġizzjani. Allura, dan il-​Fargħun għamel lill-​Iżraelin ilsiera. Hu ġegħelhom jagħmlu l-​brikks u jaħdmu xogħol iebes fl-​għelieqi. Imma iktar ma l-​Eġizzjani ġegħluhom jaħdmu iebes, l-​Iżraelin iktar bdew jiżdiedu. Il-​Fargħun ma ħax gost b’dan, u kkmanda li jinqatel kull tifel Iżraeli li jitwieled. Tistaʼ timmaġina kemm din kienet tal-​biżaʼ għall-​Iżraelin!

Mara Iżraelija jisimha Ġokebed, kellha tarbija tifel il-​ġmiel tiegħu. Biex ma jiġix maqtul, hi poġġietu f’qoffa u ħbietu qalb il-​qasab tax-​Xmara Nil. Oħt it-​tarbija, Mirjam, qagħdet fil-​viċin biex tara x’se jsir minnu.

Bint il-​Fargħun niżlet biex tinħasel fix-​xmara, u rat il-​qoffa. Ġo fiha sabet tarbija tibki, u hi tħassritha. Mirjam staqsietha: ‘Trid immur u  nsiblek mara biex treddaʼ lit-​tarbija għalik?’ Xħin bint il-​Fargħun qaltilha iva, Mirjam marret u ġabet lil ommha, Ġokebed. Bint il-​Fargħun qaltilha: “Ħu lil dan it-​tifel miegħek u reddagħhuli, u jien inħallsek.”

Meta t-​tifel kiber biżżejjed, Ġokebed ħaditu għand bint il-​Fargħun, li semmietu Mosè u rabbietu daqslikieku kien it-​tifel tagħha. Mosè kiber bħala prinċep u setaʼ jkollu dak kollu li ried. Imma Mosè qatt ma nesa lil Ġeħova. Hu kien jaf li kien Iżraeli, u mhux Eġizzjan. Hu għażel li jaqdi lil Ġeħova.

Meta kellu 40 sena, Mosè ddeċieda li jgħin lill-​poplu tiegħu. Meta darba ra Eġizzjan isawwat ilsir Iżraeli, Mosè ta daqqa b’saħħitha lill-​Eġizzjan, u qatlu. Mosè, imbagħad, ħeba l-​ġisem tiegħu fir-​ramel. Xħin il-​Fargħun semaʼ b’dan, hu pprova joqtol lil Mosè. Imma Mosè ħarab ’il bogħod fl-​art taʼ Midjan. Hemmhekk, Ġeħova ħa ħsiebu.

“Bil-​fidi Mosè . . . ma riedx jissejjaħ bin bint il-​Fargħun, imma għażel li jkun trattat ħażin mal-​poplu t’Alla.”—Ebrej 11:24, 25