Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 20

Sitt kastigi oħra

Sitt kastigi oħra

Mosè u Aron marru għand il-​Fargħun biex jgħidulu l-​messaġġ t’Alla: ‘Jekk m’intix ħa tħalli lill-​poplu tiegħi jitlaq, jien se nibgħat id-​dubbien fuq l-​art.’ Ammont kbir taʼ dubbien daħal fid-​djar tal-​Eġizzjani, sinjuri u fqar. L-​art kollha mtliet bid-​dubbien. Imma fl-​art taʼ Gosen, fejn kienu jgħixu l-​Iżraelin, ma kienx hemm dubbiena waħda. Mill-​bidu tar-​rabaʼ kastig, bdew jintlaqtu biss l-​Eġizzjani. Il-​Fargħun qal: ‘Itlob lil Ġeħova biex ineħħi dan id-​dubbien u n-​nies tiegħek ikunu jistgħu jmorru.’ Imma xħin Ġeħova neħħa d-​dubbien, il-​Fargħun biddel fehmtu. Kien il-​Fargħun se jitgħallem il-​lezzjoni?

Ġeħova qal: ‘Jekk il-​Fargħun ma jħallix lill-​poplu tiegħi jitlaq, l-​annimali tal-​Eġizzjani kollha se jimirdu u jmutu.’ L-​għada, l-​annimali bdew imutu. Imma l-​annimali tal-​Iżraelin ma mitux. Xorta waħda, il-​Fargħun webbes rasu, u ma kienx lest li jċedi.

Wara dan, Ġeħova qal lil Mosè biex imur lura għand il-​Fargħun u jitfaʼ rmied fl-​arja. L-​irmied sar trab, mela l-​arja, u dan niżel fuq l-​Eġizzjani. B’dan it-​trab, l-​Eġizzjani u l-​annimali kollha tagħhom imtlew bi msiemer kbar li weġġgħuhom ħafna. Minkejja dan, il-​Fargħun irrifjuta li jħalli lill-​Iżraelin jitilqu.

Ġeħova għal darb’oħra bagħat lil Mosè għand il-​Fargħun b’dan il-​messaġġ: ‘Għadek ma tridx tħalli lill-​poplu tiegħi jitlaq? Għada, se tinżel fuq  l-​art xita taʼ silġ.’ L-​għada, Ġeħova bagħat silġ, ragħad, u nar. Kienet l-​agħar maltempata li l-​Eġittu qatt ra. Is-​siġar u l-​ħxejjex tar-​rabaʼ nqerdu, imma dawk f’Gosen ma ġralhom xejn. Il-​Fargħun qal: ‘Itlob lil Ġeħova biex dan jieqaf! Imbagħad tistgħu tmorru.’ Imma hekk kif is-​silġ u x-​xita waqfu, il-​Fargħun biddel fehmtu.

Wara dan Mosè qal: ‘Issa se jiġu l-​ġurati u jieklu l-​ħxejjex li baqaʼ wara l-​maltempata.’ Miljuni taʼ ġurati kielu kulma sabu fl-​għelieqi u fis-​siġar. Il-​Fargħun imbagħad qal: ‘Itlob lil Ġeħova biex ikeċċi l-​ġurati.’ Imma anke wara li Ġeħova keċċa l-​ġurati, il-​Fargħun xorta baqaʼ rasu iebsa.

Ġeħova qal lil Mosè: ‘Għolli idek lejn is-​smewwiet.’ Xħin Mosè għamel hekk, waqaʼ dlam ċappa. Għal tlett ijiem, l-​Eġizzjani ma setgħu jaraw xejn u lil ħadd. Kien hemm id-​dawl biss fejn l-​Iżraelin kienu qed jgħixu.

Il-​Fargħun qal lil Mosè: ‘Int u n-​nies tiegħek tistgħu tmorru. Imma tridu tħallu l-​annimali tagħkom hawnhekk.’ Mosè qallu: ‘L-​annimali rridu niħduhom magħna biex noffruhom lil Alla tagħna.’ Il-​Fargħun irrabja ħafna u għajjat: ‘Itlaq minn quddiemi! Jekk nerġaʼ narak noqtlok!’

“Intom terġgħu taraw id-​distinzjoni bejn bniedem sewwa u wieħed mill-​agħar, bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.”—Malakija 3:18