Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 22

Il-miraklu tal-Baħar l-Aħmar

Il-miraklu tal-Baħar l-Aħmar

Hekk kif il-​Fargħun semaʼ li l-​Iżraelin kienu ħarġu mill-​Eġittu, hu reġaʼ bdielu. Hu kkmanda lis-​suldati tiegħu: ‘Lestu l-​karrijiet tal-​gwerra kollha, u ejja mmorru għal warajhom! Ma missniex ħallejniehom imorru.’ Hu u l-​irġiel tiegħu telqu jiġru għal wara l-​Iżraelin.

Ġeħova kien qed imexxi lill-​poplu tiegħu, permezz taʼ kolonna tas-​sħab bi nhar u kolonna tan-​nar billejl. Hu wassalhom sal-​Baħar l-​Aħmar, u qalilhom biex jikkampjaw hemmhekk.

Imbagħad, l-​Iżraelin raw il-​Fargħun u l-​armata tiegħu ġejjin jiġru warajhom. Huma nqabdu fin-​nofs, bejn il-​baħar u s-​suldati Eġizzjana. Huma għajtu bil-​biki lil Mosè: ‘Żgur ħa mmutu! Missek ħallejtna l-​Eġittu.’ Imma Mosè qalilhom: ‘Tibżgħux. Stennew u araw kif Ġeħova se jsalvana.’ Mosè kellu fiduċja kbira f’Ġeħova!

Ġeħova qal lill-​Iżraelin biex iżarmaw il-​kampijiet. F’dak il-​lejl, Ġeħova mexxa s-​sħaba u poġġieha bejn l-​Eġizzjani u l-​Iżraelin. Xħin għamel hekk, fuq in-​naħa tal-​Eġizzjani kien hemm id-​dlam imma fuq in-​naħa tal-​Iżraelin kien hemm id-​dawl.

Ġeħova qal lil Mosè biex jiftaħ idejh fuq il-​baħar. Imbagħad Ġeħova ġiegħel li riħ qawwi jonfoħ matul il-​lejl kollu. Minħabba dan,  il-​baħar inferaq fit-​tnejn, u fin-​nofs infetaħ passaġġ. Miljuni taʼ Iżraelin qasmu għan-​naħa l-​oħra fuq art niexfa bejn il-​ħitan tal-​ilma.

L-​armata tal-​Fargħun niżlu jiġru għal wara l-​Iżraelin. Imbagħad, Ġeħova tefaʼ l-​armata Eġizzjana f’konfużjoni. Ir-​roti tal-​karrijiet tagħhom bdew jinqalgħu. Is-​suldati għajtu: ‘Ejja nduru lura! Ġeħova qed jiġġieled għalihom.’

Ġeħova qal lil Mosè: ‘Iftaħ idejk fuq il-​baħar.’ F’daqqa waħda, il-​ħitan tal-​ilma niżlu fuq l-​armata Eġizzjana. Il-​Fargħun u l-​irġiel kollha tiegħu mietu. Lanqas wieħed minnhom ma salva.

Fuq in-​naħa l-​oħra tal-​baħar, folla kbira taʼ nies faħħru lil Alla b’għanja: ‘Għannu lil Ġeħova, għax kbira hi l-​glorja tiegħu. Iż-​żiemel u r-​rikkieb tiegħu tefagħhom fil-​baħar.’ Waqt li n-​nies bdew ikantaw, in-​nisa qagħdu jiżfnu u jdoqqu t-​tanburlini. Issa kollha kienu ferħanin għax fl-​aħħar ġew meħlusin.

“B’hekk, inkunu mimlijin kuraġġ u ngħidu: ‘Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?’”—Ebrej 13:6