Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 19

L-ewwel tliet kastigi

L-ewwel tliet kastigi

L-​Iżraelin, bħala lsiera, kienu mġegħlin jaħdmu iebes. Ġeħova bagħat lil Mosè u lil Aron għand il-​Fargħun b’dan il-​messaġġ: ‘Ħalli lin-​nies tiegħi jmorru ħalli jqimuni fid-​deżert.’ Il-​Fargħun bi kburija wieġeb: ‘Jien ma jimpurtanix x’jgħid Ġeħova, u jien m’iniex se nħalli lill-​Iżraelin jitilqu.’ Imbagħad, il-​Fargħun sforzahom jaħdmu aktar iebes. Ġeħova kien se jgħallem lill-​Fargħun lezzjoni. Int taf kif? Hu bagħat l-​Għaxar Kastigi fuq l-​Eġittu. Ġeħova qal lil Mosè: ‘Il-​Fargħun mhuwiex jismaʼ minni. Filgħodu, hu se jkun ħdejn ix-​Xmara Nil. Mur ħdejh u għidlu li peress li ma ħalliex lin-​nies tiegħi jitilqu, l-​ilma kollu tax-​Xmara Nil se jsir demm.’ Mosè obda u mar jiltaqaʼ mal-​Fargħun. Il-​Fargħun qagħad iħares hekk kif Aron mess il-​bastun max-​xmara, u l-​ilma nbidel f’demm. Ix-​xmara bdiet tinten, il-​ħut miet, u ma kienx hemm ilma tajjeb għax-​xorb. Imma, il-​Fargħun xorta ma ħalliex lill-​Iżraelin imorru.

 Sebat ijiem wara, Ġeħova bagħat lura lil Mosè għand il-​Fargħun b’dan il-​messaġġ: ‘Jekk ma tibgħatx lill-​poplu tiegħi, l-​Eġittu se jimtela biż-​żrinġijiet.’ Aron għolla l-​bastun tiegħu, u ż-​żrinġijiet bdew jgħattu l-​art. In-​nies sabu ż-​żrinġijiet fid-​djar tagħhom, fis-​sodod tagħhom, u fir-​reċipjenti tagħhom. Kullimkien kien mimli żrinġijiet! Il-​Fargħun qal lil Mosè biex jitlob bil-​ħerqa lil Ġeħova ħalli jwaqqaf il-​kastig. Il-​Fargħun wiegħed li kien se jħalli lill-​Iżraelin imorru. Allura, Ġeħova waqqaf il-​kastig, u l-​Eġizzjani ġabru kwantità kbira taʼ żrinġijiet mejtin. L-​art bdiet tinten. Imma, għal darb’oħra, il-​Fargħun ma riedx iħalli lin-​nies imorru.

Imbagħad, Ġeħova qal lil Mosè: ‘Aron għandu jmiss l-​art bil-​bastun tiegħu, u t-​trab tal-​art jinbidel f’nemus irqiq li joqros.’ Minnufih l-​art imtliet kollha nemus. Xi wħud minn nies tal-​Fargħun qalulu: ‘Dan kastig minn Alla.’ Imma l-​Fargħun xorta ma riedx iħalli l-​Iżraelin jitilqu.

“Se nġegħelhom ikunu jafu l-​qawwa taʼ idi u s-​setgħa tiegħi, u jkollhom ikunu jafu li ismi hu Ġeħova.”—Ġeremija 16:21