Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 9

Sa fl-aħħar għandna iben!

Sa fl-aħħar għandna iben!

Abraham u Sara kienu ilhom miżżewġin għal ħafna snin. Huma kienu ħallew id-​dar komda tagħhom f’Ur u kienu qed jgħixu f’kamp. Imma Sara ma qagħditx tgerger, għax fdat f’Ġeħova.

Sara tant riedet li jkollha t-​tfal li qalet lil Abraham: ‘Jekk il-​qaddejja tiegħi Ħagar ikollha tarbija minnek, jien inqisha daqslikieku tiegħi.’ Wara xi żmien, Ħagar kellha tifel. Kien jismu Ismagħel.

Ħafna snin wara, meta Abraham kellu 99 sena u Sara kellha 89 sena, ġew iżuruhom tlett irġiel. Abraham stidinhom biex jistrieħu taħt siġra u jieklu xi ħaġa flimkien. Taf min kienu dawn l-​irġiel? Kienu anġli! Huma qalu lil Abraham: ‘Bħal daż-​żmien sena, int u martek ikollkom iben.’ Sara kienet qed tismagħhom minn ġewwa l-​kamp. Hi bdiet tidħaq u qalet f’qalbha: ‘Kif jistaʼ jkun li jien, fl-​età tiegħi, ikolli tarbija?’

Is-​sena taʼ wara, Sara welldet iben, eżatt kif l-​anġlu taʼ Ġeħova kien wiegħed. Abraham semmieh Iżakk, li jfisser “Daħq.”

 Meta Iżakk kellu madwar ħames snin, Sara rat lil Ismagħel iwaqqgħu għaċ-​ċajt. Hi riedet tipproteġi lil binha, u allura tkellmet maʼ Abraham u talbitu biex Ħagar u Ismagħel jitilqu. Għall-​ewwel, Abraham ma riedx jagħmel dan. Anke Ġeħova ried jipproteġi lil Iżakk, u allura qal lil Abraham: ‘Ismaʼ minn Sara. Lil Ismagħel se nieħu ħsiebu jien. Għax hu permezz taʼ Iżakk li l-​wegħdi tiegħi se jitwettqu.’

“Bil-​fidi wkoll Sara rċiviet qawwa biex toħroġ tqila b’nisel, . . . peress li qisitu leali lil dak li għamel il-​wegħda.”—Ebrej 11:11