Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 12

Il-wirt ħadu Ġakobb

Il-wirt ħadu Ġakobb

Iżakk kellu 40 sena meta żżewweġ lil Rebekka. Hu kien iħobbha ħafna. Maż-​żmien, huma kellhom żewġ subien li kienu tewmin.

Il-​kbir mit-​tewmin kien jismu Għesaw, u ż-​żgħir, Ġakobb. Għesaw ma kienx iħobb joqgħod ġewwa, u kien kapaċi jikkaċċja l-​annimali. Imma Ġakobb kien iħobb joqgħod ġewwa.

F’dak iż-​żmien, meta jmut il-​missier, l-​iben il-​kbir kien jingħata kważi l-​art u l-​flus kollha. Dan kien jissejjaħ wirt. Fil-​familja taʼ Iżakk, il-​wirt kien jinkludi wkoll il-​wegħdi li Ġeħova kien għamel lil Abraham. Għesaw ma tantx kien jimpurtah minn dawn il-​wegħdi, imma Ġakobb kien jaf li dawn kienu importanti ħafna.

Darba waħda, Għesaw ġie lura d-​dar għajjien mejjet wara ġurnata twila jikkaċċja. Hu xamm ir-​riħa tfuħ tal-​ikel li Ġakobb kien qed isajjar, u qallu: ‘Għandi l-​ġuħ! Agħtini naqra minn dik is-​soppa l-​ħamra!’ Ġakobb qallu: ‘Mela le, imma l-​ewwel wegħedni li nistaʼ nieħu l-​wirt tiegħek.’ Għesaw qallu: ‘Jien ma jimpurtanix mill-​wirt! Tistaʼ tieħdu. L-​aqwa li niekol.’ Taħseb li d-​deċiżjoni li ħa Għesaw kienet tajba? Le, ma kinitx. Għesaw bidel xi ħaġa prezzjuża ħafna maʼ naqra soppa.

Meta Iżakk xjaħ ħafna, kien wasal iż-​żmien biex ibierek lill-​iben il-​kbir. Imma Rebekka għenet lil Ġakobb, l-​iben iż-​żgħir, biex jiħodha  hu l-​barka. Meta Għesaw sar jaf b’dan, irrabja ħafna u ppjana biex joqtol lil ħuh. Iżakk u Rebekka riedu jipproteġu lil Ġakobb, u allura qalulu: ‘Mur u oqgħod għand zijuk, Laban, sakemm Għesaw jikkalma.’ Ġakobb semaʼ mill-​parir tal-​ġenituri tiegħu u telaq ħalli jsalva ħajtu.

“X’jiswielu bniedem jekk jikseb id-​dinja kollha u jitlef ruħu? Tassew, x’se jagħti bniedem flok ruħu?”—Marku 8:36, 37