Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 10

Ftakar fil-mara taʼ Lot

Ftakar fil-mara taʼ Lot

Lot kien jgħix m’Abraham, li kien zijuh, fl-​art taʼ Kangħan. Imma maż-​żmien, Abraham u Lot tant kellhom annimali li ma kienx hemm biżżejjed art għalihom kollha. Allura, Abraham qal lil Lot: ‘Ma nistgħux nibqgħu ngħixu flimkien fl-​istess post. Jekk jogħġbok, agħżel liema naħa tixtieq tmur, u jien immur in-​naħa l-​oħra.’ Abraham wera li ma kienx egoist, hux veru?

Lot ra li l-​art qrib il-​belt taʼ Sodoma kienet sabiħa. Kien hemm ħafna ilma u ħafna ħaxix aħdar. Allura, hu għażel dan il-​post u mar mal-​familja tiegħu jgħix fil-​belt taʼ Sodoma.

Viċin il-​belt taʼ Sodoma, kien hemm belt oħra jisimha Gomorra. In-​nies taʼ dawn il-​bliet kienu ħżiena ħafna. Tant kienu ħżiena li Ġeħova ddeċieda li jeqred lil dawn il-​bliet. Imma Alla ried isalva lil Lot u lill-​familja tiegħu, allura bagħat żewġ anġli biex javżawhom: ‘Ħaffu! Oħorġu minn din il-​belt! Ġeħova se jeqridha.’

Lot ma telaqx mill-​ewwel. Baqaʼ jiħodha bil-​mod. Għalhekk l-​anġli qabdu lil Lot, lill-​mara tiegħu, u liż-​żewġt ibniet tiegħu minn idhom u ħarġuhom bil-​ħeffa ’l barra mill-​belt, billi qalulhom: ‘Iġru! Aħarbu ħa ssalvaw ħajjitkom, u tħarsux lura. Jekk tħarsu lura, tmutu żgur!’

Meta waslu fil-​belt taʼ Sogħar, Ġeħova bagħat xita taʼ nar u kubrit fuq Sodoma u Gomorra. Dawn iż-​żewġt ibliet ġew meqrudin għalkollox. Meta l-​mara taʼ Lot m’obdietx lil Ġeħova u ħarset lura,  hi saret kolonna tal-​melħ! Imma Lot u l-​bniet tiegħu salvaw għax obdew lil Ġeħova. Min jaf kemm kienu mnikktin minħabba li hi ma kinitx obdiet. Minn dan, aħna nistgħu nitgħallmu kemm hu importanti li nobdu dak kollu li jgħidilna Ġeħova.

“Ftakru f’mart Lot.”—Luqa 17:32