Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 95

Xejn ma setaʼ jwaqqafhom

Xejn ma setaʼ jwaqqafhom

Kien hemm raġel li ma setax jimxi li kuljum kien joqgħod bilqiegħda fil-​bieb tat-​tempju jittallab. Darba waħda, waranofsinhar, ra lil Pietru u lil Ġwanni deħlin ġot-​tempju. Hu qalilhom: ‘Jekk jogħġobkom, tuni xi ħaġa.’ Pietru qallu: ‘Jien għandi xi ħaġa aħjar mill-​flus xi ntik. F’isem Ġesù, qum u imxi!’ Imbagħad, Pietru għenu jqum, u r-​raġel beda jimxi! Il-​folla tant kienet ferħana b’dan il-​miraklu li ħafna iktar nies bdew jemmnu.

Imma l-​qassisin u s-​Sadduċej kienu rrabjati. Huma qabdu lill-​appostli, u ħaduhom quddiem is-​Sinedriju li hu l-​qorti tal-​mexxejja reliġjużi. Dawn riedu jkunu jafu min tahom il-​qawwa u l-​awtorità biex ifejqu lil dan ir-​raġel. Pietru qal: ‘Aħna rċivejna l-​qawwa mingħand Ġesù Kristu, dak li intom qtiltu.’ Il-​mexxejja reliġjużi għajtu: ‘Ieqfu tkellmu fuq Ġesù!’ Imma l-​appostli wiġbuhom: ‘M’aħniex se nieqfu. Aħna ma nistgħux ma nitkellmux dwaru.’

Hekk kif ġew meħlusin, Pietru u Ġwanni marru għand id-​dixxipli l-​oħra u qalulhom x’kien ġara. Huma talbu flimkien lil Ġeħova: ‘Jekk jogħġbok, għinna nkunu kuraġġużi biex inkomplu nagħmlu x-​xogħol tiegħek.’ Ġeħova tahom l-​ispirtu qaddis tiegħu, u huma komplew jippritkaw u jfejqu n-​nies. U ħafna iktar nies bdew jemmnu. Is-​Sadduċej tant bdew jgħiru li arrestaw lill-​appostli u tefgħuhom il-​ħabs. Imma matul il-​lejl, Ġeħova bagħat anġlu biex jiftħilhom il-​bibien tal-​ħabs, u qal lill-​appostli: ‘Morru lura fit-​tempju u għallmu hemmhekk.’

Filgħodu, l-​uffiċjali qalu lis-​Sinedriju: ‘Il-​ħabs hu msakkar imma l-​irġiel li intom arrestajtu mhumiex hemm!’ Xi ħadd ieħor qal: ‘Qegħdin fit-​tempju jgħallmu lin-​nies!’ Għal darb’oħra, l-​appostli ġew arrestati u  ħaduhom quddiem is-​Sinedriju. Il-​qassis il-​kbir qal: ‘Aħna għednielkom biex ma titkellmux dwar Ġesù!’ Imma Pietru wieġbu: ‘Aħna għandna nobdu lil Alla bħala l-​mexxej tagħna u mhux lill-​bnedmin.’

Il-​mexxejja reliġjużi tant kienu rrabjati li riedu joqtlu lill-​appostli. Imma Fariżew jismu Gamaljel qam bilwieqfa u qal: ‘Oqogħdu attenti! Jistaʼ jkun li Alla qiegħed maʼ dawn l-​irġiel. Intom hekk tridu, tiġġieldu kontra Alla?’ Huma semgħu mill-​parir tiegħu. Wara li sawtu lill-​appostli, huma kkmandawhom għal darb’oħra biex jieqfu jippritkaw, imbagħad ħallewhom imorru. Imma dan ma waqqafx lill-​appostli. Huma bil-​kuraġġ komplew jippritkaw l-​aħbar tajba, kemm fit-​tempju kif ukoll minn dar għal dar.

“Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem [jew, mexxej] u mhux lill-​bnedmin.”—Atti 5:29