Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 103

‘Ħa tiġi Saltnatek’

‘Ħa tiġi Saltnatek’

Ġeħova wiegħed: ‘Mhux se jkun hemm iktar biki, uġigħ, mard, jew mewt. Jien se nimsaħ kull demgħa minn għajnejhom. L-​affarijiet koroh taʼ qabel mhux se jibqgħu jiftakruhom.’

Ġeħova poġġa lil Adam u Eva fil-​ġnien tal-​Għeden biex jgħixu fil-​paċi u jkunu ferħanin. Huma kellhom iqimu lil Missierhom tas-​sema u jimlew l-​art bit-​tfal tagħhom. Adam u Eva m’obdewhx lil Ġeħova, imma l-​iskop tiegħu qatt ma nbidel. F’dan il-​ktieb tgħallimna li dak kollu li Alla jwiegħed dejjem isir. Is-​Saltna tiegħu se ġġib barkiet mill-​isbaħ fuq l-​art, bħalma kien wiegħed lil Abraham.

Dalwaqt, Satana, id-​demonji tiegħu, u n-​nies ħżiena kollha mhux se jkunu għadhom hawn. Dawk kollha ħajjin se jqimu lil Ġeħova. M’aħniex se nimirdu jew immutu. Minflok, se nqumu kuljum mimlijin enerġija u ferħanin li aħna ħajjin. Id-​dinja se ssir ġenna  tal-​art. Kulħadd se jkollu ikel tajjeb u jkollu moħħu mistrieħ fid-​dar tiegħu. In-​nies se jkollhom qalbhom tajba, u mhux se jkunu kattivi jew vjolenti. L-​ebda annimal mhu se jbeżżagħna u aħna lanqas ma se nibżgħu minnu.

Se jkun żmien taʼ eċċitament kbir meta Ġeħova jibda jqajjem lin-​nies mill-​mewt. Se nilqgħu lura nies mill-​passat, bħal Abel, Noè, Abraham, Sara, Mosè, Rut, Ester, u David. Huma se jieħdu sehem magħna f’li nibdlu d-​dinja kollha f’ġenna tal-​art. Dejjem se jkun hemm ħafna xogħol interessanti x’nagħmlu.

Ġeħova jixtieqek tkun hemmhekk. Int se ssir tafu b’modi li qatt ma immaġinajt qabel. Ejja nibqgħu nsaħħu l-​ħbiberija li għandna maʼ Ġeħova kuljum, issa u għal dejjem!

“Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa, għax int ħlaqt l-​affarijiet kollha.”—Rivelazzjoni 4:11