Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 100

Pawlu u Timotju

Pawlu u Timotju

Fil-​kongregazzjoni taʼ Listra kien hemm ħu jismu Timotju, li kien żagħżugħ. Missieru kien Grieg, u ommu kienet Lhudija. Ommu, Ewniċe, u n-​nanna tiegħu Lojs għallmu lil Timotju dwar Ġeħova minn meta kien żgħir.

Meta Pawlu mar Listra waqt it-​tieni vjaġġ taʼ ppritkar tiegħu, hu nnota li Timotju kien iħobb ħafna lill-​aħwa u kien lest li jgħinhom. Pawlu stieden lil Timotju biex imur fuq il-​vjaġġ miegħu. Maż-​żmien, Pawlu għallem lil Timotju jipprietka u jgħallem b’mod tajjeb l-​aħbar tajba.

L-​ispirtu qaddis mexxa lil Pawlu u Timotju kull fejn marru. Darba waħda billejl, permezz taʼ viżjoni, raġel qal lil Pawlu biex imur il-​Maċedonja biex jgħinhom. Allura Pawlu, Timotju, Sila, u Luqa marru hemmhekk biex jippritkaw u jifformaw kongregazzjonijiet.

F’Tessalonika, belt fil-​Maċedonja, ħafna rġiel u nisa saru Kristjani. Imma xi Lhud bdew jgħiru għal Pawlu, Timotju, u Sila. Huma ġabru n-​nies u ġegħluhom jirrabjaw kontrihom. Imbagħad qabdu lill-​aħwa u ħaduhom għand il-​mexxejja tal-​belt, u għajtu: ‘Dawn l-​irġiel qed jiħduha kontra l-​gvern Ruman!’ Il-​ħajjiet taʼ Pawlu u Timotju kienu fil-​periklu, u allura ħarbu lejn Berea matul il-​lejl.

In-​nies f’Berea xtaqu ħafna jitgħallmu dwar l-​aħbar tajba, u kemm il-​Griegi kif ukoll il-​Lhud t’hemmhekk saru jemmnu. Imma meta xi Lhud ġew minn Tessalonika u qalgħu l-​inkwiet, Pawlu mar Ateni. Timotju u Sila baqgħu f’Berea biex isaħħu l-​aħwa. Maż-​żmien, Pawlu bagħat lil Timotju lura Tessalonika biex jgħin lill-​aħwa jkampaw mal-​persekuzzjoni ħarxa li kien hemm. Wara xi żmien, Pawlu qal lil Timotju biex imur jinkuraġġixxi lil ħafna kongregazzjonijiet oħra.

 Pawlu qal lil Timotju: ‘Dawk li jridu jaqdu lil Ġeħova se jiġu ppersegwitati.’ Timotju kien ippersegwitat u ġie mitfugħ il-​ħabs minħabba l-​fidi tiegħu. Kien ferħan li kellu ċ-​ċans juri lil Ġeħova li kien leali lejh.

Pawlu qal lill-​Filippin: ‘Se nibgħat lil Timotju għandkom. Hu se jgħallimkom xi jfisser li tgħixu bħala qaddejja taʼ Ġeħova, u kif tippritkaw.’ Pawlu kien jaf li setaʼ jħalli f’idejn Timotju. Huma ħadmu flimkien bħala ħbieb u qdew lil ħuthom flimkien għal ħafna snin.

“M’għandi lil ħadd bl-​istess attitudni tiegħu li se jieħu ħsieb ġenwinament dak li għandu x’jaqsam magħkom. Għax l-​oħrajn kollha qed ifittxu l-​interessi tagħhom stess, mhux dawk taʼ Kristu Ġesù.”—Filippin 2:20, 21