Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 97

Kornelju jirċievi l-ispirtu qaddis

Kornelju jirċievi l-ispirtu qaddis

F’Ċesarija kien hemm fizzjal importanti tal-​armata Rumana jismu Kornelju. Għalkemm hu ma kienx Lhudi, il-​Lhud kienu jirrispettawh. Hu kien jgħin b’mod ġeneruż lin-​nies foqra u lil dawk fil-​bżonn. Kornelju kien jemmen f’Ġeħova u kien jitolbu kontinwament. Darba waħda, anġlu deher lil Kornelju u qallu: ‘Alla semaʼ t-​talb tiegħek. Issa ibgħat irġiel fil-​belt taʼ Ġaffa, fejn qed joqgħod Pietru, u huma għandhom jgħidulu li int tridu jiġi għandek.’ Kornelju mill-​ewwel bagħat tlett irġiel f’Ġaffa, li kienet tinsab fin-​Nofsinhar taʼ Ċesarija, 50 kilometru ’l bogħod.

Fl-​istess ħin, f’Ġaffa, Pietru kellu viżjoni. Hu ra annimali li skont il-​Liġi taʼ Ġeħova ma kinux nodfa, u għalhekk il-​Lhud ma setgħux jikluhom. Imbagħad, semaʼ leħen jgħidlu biex jiekol, imma hu ma riedx jagħmel hekk, u qal: ‘Jien qatt ma kilt annimal mhux nadif f’ħajti.’ Il-​leħen imbagħad qallu: ‘Tgħidx li dawn l-​annimali mhux nodfa. Alla għamilhom nodfa.’ Il-​leħen qallu wkoll: ‘Hemm tlett irġiel wara l-​bieb tiegħek. Mur magħhom.’ Pietru mar ħdejn il-​bieb u staqsiehom għala kienu hemm. Huma wiġbuh: ‘Lilna bagħatna Kornelju, fizzjal tal-​armata Rumana. Int għandek tiġi  magħna fid-​dar tiegħu f’Ċesarija.’ Pietru mbagħad stidinhom biex dak il-​lejl jorqdu għandu bħala mistidnin. L-​għada, hu mar magħhom f’Ċesarija flimkien maʼ xi aħwa minn Ġaffa.

Meta fl-​aħħar Kornelju ra lil Pietru, hu niżel għarkopptejh. Imma Pietru qallu: ‘Qum! Jien raġel bħalek. Alla qalli biex niġi d-​dar tiegħek, allavolja l-​Lhud ma jidħlux fid-​djar tal-​Ġentili (mhumiex Lhud). Issa, jekk jogħġbok, għidli għala bgħatt għalija.’

Kornelju qal lil Pietru: ‘Erbat ijiem ilu kont qed nitlob lil Alla, u anġlu qalli biex nibgħat għalik. Jekk jogħġbok, għallimna l-​kliem taʼ Ġeħova.’ Pietru qallu: ‘Jien tgħallimt li Alla mhux parzjali.’ Dan kien ifisser li Alla ma jurix preferenzi u ma jħarisx lejn kif persuna tidher minn barra, imma jara l-​qalb. Pietru kompla jgħid: ‘Hu jaċċetta lil kull min irid jaqdih.’ Pietru għallimhom ħafna affarijiet dwar Ġesù. Imbagħad, l-​ispirtu qaddis ġie fuq Kornelju u fuq dawk li kienu hemm miegħu, u kollha tgħammdu.

“F’kull ġens min jibżaʼ [minn Alla] u jagħmel is-​sewwa hu aċċettat minnu.”—Atti 10:35