Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 96

Ġesù jagħżel lil Sawl

Ġesù jagħżel lil Sawl

Sawl kien Ruman, li twieled f’Tarsu. Hu kien Fariżew li kien jaf sew il-​Liġi Lhudija, u kien jobgħod lill-​Kristjani. Hu kien jaqbad u jidħol fid-​djar tal-​Kristjani, ikaxkarhom ’il barra, u jitfagħhom il-​ħabs. Sawl darba anki qagħad iħares hekk kif nies irrabjati qatlu lid-​dixxiplu Stiefnu billi tefgħulu l-​ġebel.

Sawl ma kienx kuntent li jarresta lill-​Kristjani f’Ġerusalemm biss. Hu talab lill-​qassis il-​kbir biex jibagħtu fil-​belt taʼDamasku ħalli joqtol lill-​Kristjani t’hemm. Imma xħin Sawl qorob lejn il-​belt, deher dawl qawwi madwaru, u waqaʼ mal-​art. Imbagħad semaʼ leħen jgħidlu: ‘Sawl, għala qed tippersegwitani?’ Sawl staqsa: ‘Min int?’ It-​tweġiba kienet: ‘Jien Ġesù. Mur Damasku, u hemm se titgħallem x’għandek tagħmel.’ F’dak il-​ħin stess, Sawl ma baqax jara, u kellhom imexxuh sal-​belt minn idejh.

F’Damasku, kien hemm Kristjan leali jismu Ananija. Ġesù qallu f’viżjoni: ‘Mur fid-​dar taʼ Ġuda fit-​triq li tissejjaħ id-​Dritta, u sib lil Sawl.’ Ananija wieġeb: ‘Mulej, jien smajt x’inhu jagħmel dan ir-​raġel! Hu qed jitfaʼ lid-​dixxipli tiegħek fil-​ħabs!’ Imma Ġesù qallu: ‘Mur għandu. Jien għażilt lil Sawl biex jipprietka l-​aħbar tajba f’ħafna pajjiżi.’

Għalhekk, Ananija mar għand Sawl u qallu: ‘Sawl, ħija, Ġesù bagħatni għandek biex niftaħlek għajnejk.’ F’dak il-​ħin, Sawl reġaʼ beda jara. Hu tgħallem fuq Ġesù u sar dixxiplu tiegħu. Issa li Sawl tgħammed bħala Kristjan, beda jipprietka fis-​sinagogi maʼ ħutu l-​Kristjani. Tistaʼ timmaġina kif baqgħu mistagħġbin il-​Lhud xħin raw lil Sawl jgħallem lin-​nies dwar  Ġesù? Huma qalu: ‘Dan mhux l-​istess raġel li kien joqtol lid-​dixxipli taʼ Ġesù?’

Għal tliet snin, Sawl ipprietka f’Damasku. Il-​Lhud kienu jobogħdu lil Sawl u ppjanaw biex joqtluh. Imma l-​aħwa saru jafu b’dak li kienu se jagħmlulu u għenuh jaħrab. Huma poġġewh f’qoffa u niżżluh minn tieqa li kienet mas-​sur tal-​belt.

Xħin Sawl wasal Ġerusalemm, hu pprova jkun mal-​aħwa t’hemmhekk. Imma huma bdew jibżgħu minnu. Imbagħad, dixxiplu jismu Barnaba, b’qalb tajba ħadu għand l-​appostli u kkonvinċiehom li Sawl veru kien inbidel. Sawl beda jipprietka b’żelu mal-​kongregazzjoni f’Ġerusalemm. Iktar tard, hu sar magħruf bħala Pawlu.

“Kristu Ġesù ġie fid-​dinja biex isalva lill-​midinbin, li fosthom jien l-​iktar li nispikka.”—1 Timotju 1:15