Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 101

Pawlu jintbagħat Ruma

Pawlu jintbagħat Ruma

Pawlu spiċċa t-​tielet vjaġġ taʼ ppritkar tiegħu f’Ġerusalemm. Hemmhekk ġie arrestat u mitfugħ il-​ħabs. F’viżjoni li kellu matul il-​lejl, Ġesù qallu: ‘Int se tmur Ruma u tipprietka hemmhekk.’ Lil Pawlu ma ħallewhx Ġerusalemm imma ħaduh Ċesarija, fejn qattaʼ sentejn il-​ħabs. Meta ressquh quddiem il-​Gvernatur Festu, Pawlu qal: ‘Irrid li niġi ġġudikat minn Ċesari, f’Ruma. Festu qallu: ‘La trid tiġi ġġudikat minn Ċesari, għandu se nibagħtek.’ Imbagħad lil Pawlu ħaduh fuq vapur li kien sejjer Ruma, u żewġ aħwa Kristjani oħra, Luqa u Aristarku, marru miegħu.

Meta kienu fuq il-​baħar inqabdu ġo maltempata kbira, li damet għaddejja ħafna ġranet. Kollha bdew jaħsbu li kienu se jmutu. Imma Pawlu qalilhom: ‘Irġiel, anġlu qalli f’ħolma: “Tibżax, Pawlu. Int se tasal Ruma, u dawk kollha li qegħdin fuq il-​vapur miegħek se jsalvaw.” Agħmlu l-​kuraġġ! M’aħniex se mmutu.’

Il-​maltempata baqgħet sejra 14-​il ġurnata. Fl-​aħħar dehret art. Kienet il-​gżira taʼ Malta. Il-​vapur ħabat mal-​blat u nkiser f’biċċiet, imma l-​276 persuna li kien hemm fuq il-​vapur kollha rnexxielhom isalvaw. Xi wħud bdew jgħumu u oħrajn żammew maʼ biċċiet tal-​injam tal-​vapur sakemm fl-​aħħar telgħu l-​art. Il-​Maltin ħadu ħsiebhom u qabbdu n-​nar ħalli b’hekk dawn ikunu jistgħu jisħnu.

Tliet xhur wara, is-​suldati ħadu lil Pawlu Ruma, fuq vapur ieħor. Meta wasal, l-​aħwa marru jiltaqgħu miegħu. Xħin rahom, Pawlu rringrazzja lil Ġeħova u għamel il-​kuraġġ. Għalkemm Pawlu kien arrestat, hu tħalla jgħix ġo dar mikrija waqt li suldat kien joqgħod għassa miegħu. Hu dam hemmhekk sentejn. In-​nies kienu jmorru jarawh, u hu ppritkalhom dwar is-​Saltna t’Alla u għallimhom dwar Ġesù. Pawlu kiteb ukoll ittri lill-​kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri u fil-​Lhudija. Jidher ċar li Ġeħova uża lil Pawlu biex ixandar l-​aħbar tajba f’ħafna pajjiżi.

“B’kull mod nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla billi nissaportu ħafna affarijiet, fit-​tribulazzjonijiet, fil-​bżonn, fid-​diffikultajiet.”—2 Korintin 6:4