Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 77

Il-mara ħdejn il-bir

Il-mara ħdejn il-bir

Xi żmien wara l-​festa tal-​Qbiż, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu għaddew mis-​Samarija huma hu sejrin lura l-​Galilija. Qrib belt jisimha Sikar, Ġesù waqaf f’post jismu l-​bir taʼ Ġakobb. Waqt li kien qed jistrieħ hemmhekk, id-​dixxipli tiegħu marru fil-​belt jixtru l-​ikel.

Wara ftit, ġiet mara ttellaʼ l-​ilma mill-​bir. Ġesù qalilha: “Agħtini nixrob.” Hi wiġbitu: ‘Dan kif qed titkellem miegħi? Jiena mara Samaritana. Il-​Lhud ma jitkellmux mas-​Samaritani.’ Ġesù qalilha: ‘Kieku taf min jien, kont tistaqsini inti biex intik tixrob u jien kont intik l-​ilma li jagħti l-​ħajja.’ Il-​mara qaltlu: ‘X’jiġifieri? Int lanqas għandek barmil.’ Ġesù wiġibha: ‘Kull min jixrob mill-​ilma li nagħtih jien qatt iktar ma jaqbdu l-​għatx.’ Il-​mara mbagħad talbitu: “Sinjur, agħtini minn dan l-​ilma.”

Ġesù mbagħad qalilha: ‘Mur ġib ir-​raġel tiegħek hawn, ħdejn il-​bir.’ Hi qaltlu: ‘Jien m’iniex miżżewġa.’ Ġesù wiġibha: ‘Int qed tgħid il-​verità. Int kont miżżewġa ħames darbiet, u issa qed tgħix maʼ raġel mingħajr ma int miżżewġa.’ Il-​mara qaltlu: ‘Qed nara li int profeta. Aħna s-​Samaritani nemmnu li nistgħu nqimu lil Alla fuq din il-​muntanja, imma l-​Lhud jgħidu li nistgħu nqimuh biss f’Ġerusalemm. Jien nemmen li meta jiġi l-​Messija, hu se jgħallimna kif inqimu.’ Imbagħad Ġesù qal lil mara xi ħaġa li kien għadu ma qalha lil ħadd: ‘Jien hu l-​Messija.’

Xħin semgħet dan, il-​mara  telqet tgħaġġel lejn il-​belt tagħha biex tgħid lis-​Samaritani: ‘Naħseb sibt il-​Messija. Hu jaf kollox dwari. Ejjew u araw!’ Huma marru warajha lejn il-​bir u qagħdu jisimgħu lil Ġesù jgħallem.

Is-​Samaritani stiednu lil Ġesù biex imur joqgħod fil-​belt tagħhom. Għal jumejn sħaħ hu qagħad jgħallimhom, u ħafna nies poġġew il-​fidi fih. Huma qalu lill-​mara Samaritana: ‘Wara li smajna lil dan ir-​raġel jgħallem, aħna ċerti li hu l-​wieħed li se jsalva d-​dinja.’

“‘Ejja!’ U kulmin hu bil-​għatx ħa jiġi; u kulmin jixtieq ħa jieħu l-​ilma tal-​ħajja b’xejn.”—Rivelazzjoni 22:17