Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 74

Ġesù jsir il-Messija

Ġesù jsir il-Messija

Ġwanni kien jipprietka: ‘Ġej xi ħadd li hu aqwa minni.’ Meta Ġesù kellu madwar 30 sena, hu ġie mill-​Galilija għal ħdejn ix-​Xmara Ġordan, fejn Ġwanni kien qed jgħammed lin-​nies. Ġesù ried li Ġwanni jgħammdu, imma Ġwanni qallu: ‘Mhux jien għandi ngħammed lilek imma int għandek tgħammed lili.’ Ġesù wieġbu: ‘Ġeħova jridek tgħammidni.’ Għalhekk, huma niżlu fix-​Xmara Ġordan, u Ġwanni għammed lil Ġesù billi niżżlu kollu taħt l-​ilma.

Wara li Ġesù ġie mgħammed, hu talab. Dak il-​ħin, is-​smewwiet infetħu, u l-​ispirtu t’Alla niżel fuqu f’forma taʼ ħamiema. Imbagħad, Ġeħova tkellem mis-​sema: “Int Ibni, il-​maħbub; jien approvajtek.”

Meta l-​ispirtu taʼ Ġeħova niżel fuq Ġesù, hu sar il-​Kristu, jew il-​Messija. Issa kien se jibda x-​xogħol li Ġeħova kien bagħtu biex jagħmel fuq l-​art.

Eżatt wara l-​magħmudija tiegħu, Ġesù mar fid-​deżert fejn hemm qattaʼ 40 ġurnata. Meta mar lura, hu mar jara lil Ġwanni. Hekk kif kien riesaq lejh, Ġwanni qal: ‘Dan hu l-​Ħaruf t’Alla li se jneħħi d-​dnub tad-​dinja.’ B’dan il-​kliem, Ġwanni ried li n-​nies ikunu jafu li Ġesù kien il-​Messija. Trid tkun taf xi ġralu Ġesù meta kien fid-​deżert? Ejja naraw.

“Ġie leħen mis-​smewwiet: ‘Int Ibni, il-​maħbub; jien approvajtek.’”—Marku 1:11